Meta nidħlu
fix-xahar ta’ Ġunju, bla ma rridu moħħna jibda jaħseb fuq ħafna ħwejjeġ. Naħsbu
fuq is-sajf li jibda f’ dan ix-xahar, u mas-sajf norbtu l-vaganzi, l-għum,
il-baħar, xi barbeque, iljieli barra u ħruġ. Naħsbu wkoll fuq il-fest tal-ibliet
u l-irħula tagħna. Dwar dawn tal-aħħar hemm min iħares lejhom b’ ħerqa kbira u
hemm min jisħet is-siegħa u l-mument li jkunu waslu.
Il-festa Maltija
L-oriġini
tal-festi f’ pajjiżna huwa marbut kollu kemm hu mal-kult Nisrani. Meta l-klassi
għanja kellha t-Teatru Manoel u iktar tard it-Teatru Rjal fejn setgħet titpaxxa
bil-mużika operistika, il-klassi tal-ħaddiema ma kellha mkien fejn tista’ tisma’
xi ħaġa differenti mid-daqqa tal-kitarri li kienet tisma’ s-sena kollha
fil-ħwienet tal-inbid . Għalhekk il-Knisja darba f’ sena kienet toffri lill-klassi
proletarja attività differenti marbuta mal-lituġija u mal-qaddis jew qaddisa
tar-raħal jew belt.

Vetrina artiġjanali
Il-festi huma
vetrina ta’ artiġjanat Malti. X’ ma tarax fil-festi? Kemm fil-knisja kif ukoll
fit-toroq illum naraw opri tal-arti. Ma għadux iż-żmien li t-toroq tagħna
jintramaw bil-liedna tal-ħaxix u bi bnadar miġjubin minn fuq xi vapur
tal-militar. Illum it-toroq ta’ pajjiżna fil-jiem tal-festa saru juru s-sengħa
tal-ħaddiem Malti. Xogħol ta’ injam, skultura, xogħol ta’ ħadid, ferrobatutto,
pittura, irħamar, ħjata, induratura u żebgħa. Kollox maħdum bl-akbar sengħa u
ħafna mix-xogħol isir b’ xejn mill-volontarji ħabrieka tal-festa matul is-sena
kollha.

Favur u kontra
Dwar dan kollu li
għidna sa issa issib min jabel miegħu mija fil-mija, issib min jaqbel ma’ xi
ħaġa minnu u ssib min hu totalment kontra l-festi u ma jarax il-waqt li jieqfu
darba għal dejjem. Li jinqatgħu l-festi darba għal dejjem naħseb li hija xi
ħaġa impossibli, li lanqas il-Knisja stess ma nemmen li tridha. Li jkun hemm
kontroll fuq dak li jsir nemmen li hija l-aktar ħaġa ġusta għal kulħadd. Ma
għandhomx jinkisru liġijiet bl-iskuża tal-festa tar-raħal. Jekk hemm ħin
stabbilit li fih għandu jispiċċa l-ħruq tan-nar jew id-daqq tal-banda dan għandu
jkun osservat u bl-ebda mod ma għandhomisiru eċċezzjonijiet. Dik l-għaqda li
tikser ir-regola għandha tinżamm responsabbli ta’ għemilha. Hekk titlob
is-serjetà. Hekk isiru l-affarijiet f’ soċjetà ċivilizzata.
Festi oħrajn
Żewġ festi mħassra
Fr. E. Overend |
Fr J. Cilia OFM conv |
Festa bla skop
Ma nistax
nimmaġina li jkun organizzat party f’
għeluq snin xi ħadd u dan it-tali li jkun għalaq sninu majkunx mistieden għal
dan il-party. Ma nistgħux immorru
festa ta’ tieġ jekk ma jkunx hemm l-għarus u l-għarusa. Allura kif nistgħu
mmorru l-festa tal-qaddis jew qaddisa bla ma naħsbu fihom? L-iskop ewlieni
tal-festi Maltin kien li l-profan jgħin lis-sagru. Fil-festi parrokkjali tagħna
is-sagru għadnu jingħata preferenza fuq il-profan. Sfortunatament kultant isir
propju l-kuntrarju. Jekk irridu tassew nagħmlu festa lill-padrun jew padruna ma
nistgħux nibqgħu lura mill-attivitajiet tal-knisja. Festa tar-raħal mingħajr
parteċipazzjoni fil-liruġija hija festa vojta, festa pagana, festa bla skop.
Huwa tajjeb li niċċelebraw, dejjem kif jixraq, il-festi tagħna imma tajjeb li
npoġġu l-ewwel preferenza dak li għalih isiru dawn
il-festi.
Nessun commento:
Posta un commento