Dan l-artiklu
kont ktibtu fl-eqqel tal-kampanja elettorali, fil-bidu ta’ din is-sena. L-għada
li ktibtu iż-żewġ partiti politiċi kbar ta’ pajjiżna, daħħlu l-e book reader,
jew kif sejħulu “Tablet”, fl-aġenda
politika tagħhom u għalhekk ħassejt li ma kienx ikun prudenti li nibgħat
artiklu dwar suġġett li kien fuq fomm il-politiċi waqt kampanja elettorali.
Il-kitbiet tiegħi dejjem kienu apolitiċi u għalhekk ma ridtx niġi mifhum ħażin
ħtija tal-artiklu. Allura żammejt l-artiklu għal meta jkun żmien opportun. Issa
naħseb li huwa żmien tajjeb.
Tekonoloġija moderna
Niftakarni tifel
żgħir sejjer lejn l-iskola id f’id ma’ ommi, iżommli l-basket bil-pitazzi u xi
żewġ jew tliet kotba fih flimkien mal-ħobż. Oħti ikbar minni kienet timxi ma’
sħabha ftit passi quddiemna, iġġorr il-basket tal-iskola tagħha. Din il-ħaġa
kienet isseħħ kuljum sakemm forsi kelli tmienja jew disa’ snin. Wara bdejt
immur l-iskola waħdi u fit-triq niltaqa’ ma’ sħabi. Meta spiċċajt is-snin
tal-iskola primarja u bdejt immur is-sekondarja l-istorja nbidlet. Issa ma
bqajtx nattendi skola fir-raħal tiegħi stess imma ta’ kull filgħodu kont immur
nistenna l-karozza li kienet twassalna sal-iskola. Mhux din il-ħaġa biss
inbidlet, imma inbidel ukoll il-piż tal-basket. Issa bdejt nieħu mhux ftit
pitazzi u xi ktieb jew tnejn imma kien ikolli basket mimli karti u kotba.
Il-piż tal-basket kien ikun verament tqil.
Kbirt u ma bqajtx
immur skola u nsejt dwar il-piż tal-basket tal-iskola, sakemm kibru
n-neputijiet u erġajt bdejt nara l-basktijiet mimlijin kotba u pitazzi.
Il-forma tal-basktijiet inbidlet imma l-piż baqa’ l-istess, anzi għandi
l-impressjoni li żdied. In-neputija kienet tiġi kultant wara l-iskola, imma
n-neputi tista’ tgħid kuljum kien jiġi “għand in-nanna” biex imur għall-futbol
– passjoni li nissel fih in-nannu. F’dak iż-żmien bdew jidhru wkoll xi ittri
fuq il-gazzetti dwar dan il-punt u kien hemm xi skejjel li ppruvaw jagħmlu li
jistgħu biex itaffu din il-problema. Kien hemm skejjel li offrew postijiet biex
il-kotba jitħallew l-iskola bla ma joqgħodu jinġarru lejn id-dar ta’ kuljum.
Imma l-kotba huma l-għodda tal-istudent u għalhekk ikollu bżonnhom kemm
l-iskola kif ukoll id-dar. B’hekk nistgħu ngħidu li l-problema baqgħet dejjem
ma’ saqajna.
It-teknoloġija
llum tant kibret li nistgħu ngħidu ma nistgħux ngħaddu mingħajrha. Il-komputer
illum iservina għal kollox. Nisimgħu l-mużika bih, naqraw il-gazzetta bih,
niktbu ittra bih, nagħmlu telefonata bih, naraw film fuqu. Sar l-għodda li l-aktar nużaw. Jekk għall-bidu il-kompjuter kien kbir,
goff, jieħu ħafna spazu u jiswa somom kbar ta’ flus, illum b’xorti tajba
il-folja nqalbet. Komputer jista’ joqgħod fuq il-pala ta’ id, kompjuter jista’
joqgħod f’ ħoġorna, komputer jista’ jinġarr bl-inqas sforz u komputer jista’
jinxtara bi prezz raġonevoli.
Jeżistu wkoll
dawk li nsejħulhom e-book readers. L-e-book huwa wkoll komputer imma l-iskop
tiegħu huwa l-qari kif juri sewwa ismu. Dan l-apparat fih bosta vantaġġi fuq
il-ktieb stampat. Ma jużax karta allura jagħmel inqas ħsara lill-ambjent, jiżen
dejjem l-istess piż, sew jekk ikollu ktieb wieħed fih kif ukoll jekk ikollu
mija, wieħed jista’ jkabbar il-kliem tal-ktieb kemm irid hu, wieħed jista’
jikteb noti personali fil-ktieb (insomma dil-ħaġa anke fi ktieb stampat tista’ ssir),
wieħed jista’ jdawwal dak li jkun qiegħed jaqra u bosta vantaġġi oħra. Żgur li
l-e-book reader jista’ jaqdina aħjar minn ktieb stampat meta niġu biex infittxu
xi ħaġa partikolari fil-ktieb. Fi ktieb stampat triq toqgħod tqalleb u ddawwar
il-paġni, f’ e-book tiktiblu l-kelma li trid u jsibha hu. Madanakollu l-e-book
ma jista’ jieħu qatt il-prestiġju tal-ktieb stampat. Il-Bibbja ssibuha f’ forma
ta’ e-book f’ kull ilsien, imma dan ma jfissirx li mhux ser tibqa’ tiġi
stampata għax il-preġju tal-ktieb stampat ma jmut qatt. Jien niżżilt
il-kapolavur ta’ Dante “La Divina Commedia” fuq l-e-book tiegħi, imma xorta
ngħożż il-ktieb stampat li għandi tal-istess opra!
Proposta
Kieku l-iskejjel
illum jaħsbu bis-serjetà biex il-kotba tal-iskola kollha jkollhom format
elettroniku nkunu nistgħu ngħidu li solvejna għadd ta’ problemi. Kieku kull
student ikollu e-book reader (spiża ta’ darba li tkun inqas mill-ispiża
tal-kotba tas-snin kollha) u kull skola tinvesti fil-kotba elettroniċi,
l-istudent iġorr biss l-e-book reader. Żgur li jista’ jinstab mod kif jiġi
iffinanzjat proġett ambizzjuż bħal dan. Il-bidu jkun tqil, imma meta taħseb li
ktieb biex jasal fuq l-iskrivanija tal-istudent irid jgħaddi minn bosta
fażijiet, kitba, stampar, trasport, bejgħ eċċetra, l-ispejjeż għal qalba bħal
din għandhom ikunu l-istess. Irridu jew ma rridux ikollna nammettu li qegħdin
ngħixu fi żmien fejn it-tekonoloġija hija kollox. L-għodda tal-lum hija
teknoloġika, ejjew nużawha, ejjew inkunu fl-avangwardja.
Fr Reno Muscat OP
Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 4 ta' Lulju 2013
Nessun commento:
Posta un commento