giovedì 11 luglio 2013

Presuppożizzjoni

File:Felis silvestris silvestris small gradual decrease of quality.pngIl-kelma “Diġitali” illum daħlet fil-ħajja tagħna. Kollox sar diġitali, radju, televiżjoni, stampi u bosta ħwejjeġ oħra jkunu diġitalizzati. Dik hija l-ħajja tal-lum. Il-proċess ta’ kif biċċa mużika jew stampa ikunu maqlubin f’ numri, li wara kollox hija it-tifsira ta’ diġitali, mhux diffiċli biex wieħed jifhmu kemm-il darba jkollu bażi teknoloġika. Il-ħsieb aħħari huwa li biċċa mużika jew stampa tkun tista’ tkun merfugħa, issejvjatha, fuq kompjuter. Imma l ħsieb tiegħi illum mhux li ngħid xi ħaġa dwar id-diġitali imma dwar forma li jiġu merfugħin il-mużika jew stampi fil-kompjuter. Fost oħrajn il-mużika tista’ tkun issejvjatha fuq kompjuter b’ mod “Mp3” u stampa b’ mod “Jpeg”.


Is-sensi umani
Is-sensi tagħna l-bnedmin ma humiex mija fil-mija perfetti u xi kultant iqarqu bina. Hemm xi punti li jaqbżulna bla ma nindunaw. Jekk inkunu qegħdin nisimgħu silta mużikali u l-ħoss jogħla, għal xi frazjonijiet ta’ sekonda is-sens tas-smiegħ tagħna ma jipperċepixxix dak il-ħoss. Għalhekk meta dik il-mużika tkun diġitalizzata u ssejvjata b mod Mp3 dawk il-frazzjonijiet ta’ sekondi ma jiġux isejvjati bir-riżultat li l-file jiġi iċken u jieħu inqas spazju fuq il-kampjuter jew fuq id-diska. Meta stampa tiġi digitalizzata din tkun maqsuma f’bosta partijiet indaqs, donnha titpoġġa xibka fuqha. Kull kulur (aħmar, ikħal u aħdar) jingħata numru miz-0 sal-255. Jintgħaddu n-numru tal-kuluri ta’ erba’ kaxxi li jmissu ma xulxin u r-riżulat jiġi maqsum f’ erbgħa. In-numru li joħroġ jintgħażel bħala l-kulur għal dawk l-erba’ kaxxi. B dan il-mod il-file jiġi iċken u ma jieħux wisq spazju u fl-istess ħin għajnejna jaraw dak li għandhom jaraw fl-isampa u dak li jiġi eliminat ma jtellef xejn mill-istampa. Fi ftit kliem kif ngħidu bil-Malti: jaqta’ għad-dritt. Din hija biss spjegazzjoni superfiċċjali u ħafifa ta’ dawn iż-żewġ sistemi diġitali li l-bażi tagħhom hija l-fatt li s-sensi tagħna ma humiex perfetti.

Presuppożizzjonijiet
Moħħna wkoll jaħdem fuq sistema simili, jaqta’ għad-dritt. Il-bniedem jaħseb u jagħmel bosta presuppożizzjonijiet.  Meta mmorru quddiem slot machine biex nixtru flixkun ilma, nitfgħu l-flus fil-makna u ndaħħlu idejna fit-toqba biex niġbru l-flixkun tal-ilma. Minkejja li ma narawx x’hemm fit-toqba nippresupponu li hemm il-flixkun tal-ilma u mhux per eżempju kelb li meta ndaħħlu idejna se jigdimna. Meta naqraw rumanz jew xi novella woll nużaw din il-fakoltà mentali. Jekk naqraw sentenza: “Pawlu daħal ikellem lil Marija”, moħħna jippresupponi li Marija qegħda ġewwa kamra li fiha bieb. Pawlu fetaħ il-bieb, forsi ħabbat jew forsi qabad u daħal, mexa lejn Marija, ħaseb x’sejjer jgħid ifformola s-sentanza, fetaħ fommu u qal dak li kien ħaseb. Imma s-sentenza “Pawlu daħal ikellem lil Marija” tiġbor fiha dawn l-atti kollha li semmejna. Il-Kitba taħdem ukoll bil-mod tal Mp3 jew tal-Jpeg, jew aħjar bil-kuntrarju għax dawn it-teknoloġiji ġew ħafna wara li l-bniedem beda jaħseb u jippresupponi.

Niżbaljaw meta niżżattu
kemm hawn min iħobb jagħmilha taċ-Ċirinew, jissendika u jerfa' salib ħaddieħor!
Kultant imma il-pressuppost jista’ jkun żbaljat. L-esperjenza tal-ħajja turina kemm huwa minnu li faċli niżbaljaw, l-aktar meta naqtgħu għad-dritt. Wieħed patri spiss kien ikun għaddej minn quddiem ħanut tax-xorb u s-sid il-ħanut kien jitolbu jgħaddi sa ġewwa għax anke dawk li kienu jkunu fil-ħanut kienu jieħdu gost bih. Bosta drabi għadda xi kelma tajba wkoll sakemm kien jixrob it-tazza tat-te li kien ilestilu sid il-ħanut. Xi ħadd kien ikun fit-tieqa ta’ dar faċċata tal-ħanut osserva din il-ħaġa u mar jgħid lis-superjur ta’ dan il-patri li dak it-tali patri huwa sakranazz għax dejjem jgħaddi fil-ħanut tax-xorb ta’ quddiem id-dar tagħhom. Presuppożizzjoni ħażina. Fejn taf dik il-persuna li għamlitha taċ-Ċirinew x’kien jixrob il-patri meta jkun fil-ħanut? Għamlet tnejn u tnejn u spiċċat b’ riżultat żbaljat għax il-presuppożizzjonijiet jistgħu jqarqu bina bħalma jistgħu jqarqu bina is-sensi. Dan il-fatt ħalla wkoll dubju f’moħħ is-superjur dwar dak il-patri, kollu tort ta’ ġudizzju ħażin ta’ min iżżattat u refa’ salib ħaddieħor bla ma kien mitlub.  Jekk is-sentenza “Pawlu daħal ikellem lil Marija” nifhmuha li qed jiġri kollox ġewwa kamra inkunu qegħdin neskludu li din ix-xena tista’ ssir fi ġnien jew f’ħanut. Meta naqraw din is-sentenza biss inpasrpru ġo moħħna x’ seta’ qal Pawlu lil Marija. Forsi qalilha kliem ta’ mħabba jekk kienet il-maħbuba tiegħu, jew seta’ taha ordni biex tagħmel xi biċċa xogħol jekk Pawlu huwa l-imgħallem ta’ Marija. Pawlu u Marija jistgħu jkunu wkoll żewħt aħwa. Jekk nibqgħu fuq is-superfiċċjali ma nkunux nafu il-fatti kollha u allura nagħmlu presuppożizzjoni. L-inkwiet huwa li presupożizzjoni tista’ tkun żbaljata allura rridu nkunu prudenti meta nużaw din il-fakultà.

Presuppożizzjoni żbaljata oħra għamilha dak il-kappillan li għajjat mat-tifel għax nhar ta’ Erbgħa ma kienx qiegħed imur quddies. X’ ħin it-tifel qallu li nhar ta’ Erbgħa qiegħed ikollu l-privat u qed jisma’ quddiesa ġewwa knisja oħra l-kappillan induna li kien iġġudika ħażin meta qata’ għad-dritt.

Fil-ħajja tagħna kultant naqtgħu għad-dritt u spiss nipiċċaw niġġudikaw fuq dak li naraw, naslu għall-konkluzzjoni bla ma nkunu nafu sewwa iċ-ċirkosanzi jew l-istorja. Tajjeb niftakru li l-ħajja ma hijiex biċċa mużika jew stampa li se nissejvjawha fuq il-kompjuter bis-sistgema Mp3 jew Jpeg. Meta fir-realtà tal-ħajja nippruvaw nagħmlu kollox b’mod diġitali għandna mnejn niżbaljaw għax minkejja li qegħdin ngħixu f’ dinja diġitalizzta, il-bniedem għadu bħalma kien meta nħalaq, tad-demm u l-laħam.


Fr Reno Muscat OP
Dan l'artiklu deher f' In-Nazzjon 1 ta' Lulju 2013.

Nessun commento:

Posta un commento