domenica 26 aprile 2026

Gwerra u paċi

Meta nisimgħu jew naqraw it-titlu ta’ dan l-artiklu għandna mnejn ma nifhmux mill-ewwel xi ħsieb ikun hemm warajh. Il-gwerra nafu x’inhi, minkejja li ħafna minna qatt ma esperjenzawha, imma l-paċi, il-paċi vera, kemm nafu xi tfisser?

Opra letterarja

Għandu mnejn f’moħħna mill-ewwel jiġi dak li kiteb Leo Tolstoy, l-awtur Russu, magħruf madwar id-dinja kollha għar-rumanzi tiegħu fosthom Anna Karenina u War and Peace – Gwerra u Paċi. Il-ġlieda tar-Russja ma' Napuljun, Tolstoy raha bħala traġedja li kienet tinvolvi lill-umanità kollha.

War and Peace huwa bbażat fuq l-invażjoni ta' Napuljun fir-Russja fl-1812 u jsegwi tlieta mill-aktar karattri magħrufa fil-letteratura: Pierre Bezukhov, l-iben illeġittimu ta' konti li kien qed jiġġieled għall-wirt tiegħu u f’mixja spiritwali kontinwa; Il-Prinċep Andrei Bolkonsky, li jħalli l-familja tiegħu biex jiġġieled fil-gwerra kontra Napuljun; u Natasha Rostov, it-tfajla żagħżugħa u sabiħa li ħadu nteress fiha ż-żewġ irġiel.

Hekk kif l-armata ta' Napuljun tibda tinvadi lir-Russja, Tolstoy isegwi b'mod brillanti karattri li jkunu ġejjin minn diversi oqsma; bdiewa u nobbli, ċivili u suldati, li kollha kemm huma jissieltu mal-problemi li jinqalgħu fi żminijiethom, mal-istorja tagħhom u mal-kultura tagħhom. U hekk kif l-istorja f’dan ir-rumanz tissokta, dawn il-karattri jsiru wħud mill-aktar figuri umanistiċi fil-letteratura dinjija. Ir-rumanz jintemm bi Pierre u Natasha jiżżewġu u jkollhom familja sabiħa u ferħana b’għadd ta’ wlied. Ir-rumanz fih ħsibijiet u argumenti filosofiċi ta' Tolstoy, li jrid juri li r-rieda ħielsa tal-bniedem hija biss illużjoni u li l-avvenimenti li jseħħu fil-ħajja tagħna huma determinati minn numru bla qies ta' fatturi. Huwa jargumenta li filwaqt li rridu nżommu l-illużjoni tar-rieda li ngħixu ħielsa, fl-aħħar mill-aħħar aħna dejjem għandna bżonn lil ħaddieħor.

Vera jew le?

L-istorja ta’ dan ir-rumanz hija vera jew fittizja, ivvintata minn Tolstoy biex iwassal messaġġ? F’dan il-ktieb insibu numru ta’ persuni veri, bħalma huwa Napuljun wara kollox u ħafna mill-fatti li jissemmew fir-rumanz seħħew tabilħaqq, biss fejn jidħlu l-istejjer tal-persunaġġi li nsibu f’din il-kitba huma fittizji, ivvintati mill-awtur sabiex iwassal il-messaġġ u l-ħsieb tiegħu, għalhekk dan il-ktieb nistgħu ngħidu li huwa bejn fittizju u storiku li jgħaqqad narrattiva fittizja mal-istorja attwali. Hu x’inhu, dan ir-rumaz kien maqlub f’għadd ta’ lingwi u huwa stmat li ġew mibjugħin aktar minn tletin miljun kopja tiegħu.

Lil hinn mir-rumanz

Ejjew immorru lil hinn mill-istorja ta’ dan ir-rumanz u naraw ftit kemm il-bneidem jgħix fi gwerra jew f’paċi. Qabditni l-kurżità u għamilt ftit tiftix. Rajt kemm kien hawn gwerer madwar id-dinja kollha minn tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija sal-lum. Sibt li kien hawn 248 gwerra u 153 konflitt. Bejniethom dawn jammontaw għal 401. Issa jekk it-Tieni Gwerra Dinjija ilha 80 sena li spiċċat u għalhekk niddividu 400 bi 80, nispiċċaw bin-numru 5. Bejn wieħed u ieħor 5 gwerer kull sena. Minn dawn l-400 gwerra jew konflitt, 15 biss intemmu qabel 3 xhur. Xi wħud minnhom damu snin u oħrajn għadhom għaddejjin. Mela 5 gwerer kull sena li jkunu itwal minn 3 xhur, nistgħu ngħidu li kull sena ma kienx hemm ġurnata waħda biss, minn wara l-aħħar gwerra dinjija ’l hawn, li fid-dinja kollha saltnet il-paċi! Naf li dan ir-raġunament u l-mod kif ikkalkulajt dan l-argument huwa xjentifikament żbaljat għal kollox, imma l-għan tiegħi kien li nara kemm id-dinja għexet fi sliem totali dawn l-aħħar 80 sena. Naħseb li taqbli miegħi jekk ngħid li ftit jew xejn.

Sliem veru

Il-paċi vera hija kunċett multidimensjonali li jinkludi kemm l-stat intern ta' serenità f’qalb u moħħ l-individwu kif ukoll il-kundizzjonijiet esterni ta' armonija, ġustizzja u n-nuqqas ta' vjolenza. Hija idea wiesgħa ħafna li tmur lil hinn minn sempliċement in-nuqqas ta' kunflitt sabiex tinkorpora l-preżenza ta' ftehim u rispett kemm fl-isferi personali kif ukoll fis-soċjetà. Nerġa’ għal Tolstoy. X’għamel dan il-ġenju letterarju? Għaqqad l-isfera personali mal-isfera soċjali, xena ħolistika. Għalhekk nistgħu ngħidu li anke fi żmien il-gwerra, wieħed jista’ jkun fil-paċi. Kif? Għall-bniedem, il-paċi vera spiss tfisser stat ta’ kalma, trankwillità, u kuntentizza, ħieles mill-inkwiet u l-ansjetà.  Dan ma jfissirx in-nuqqas ta' emozzjonijiet, iżda l-abbiltà li tgħix dawn l-emozzjonijiet mingħajr ma tkun megħlub minnhom, u żżomm l-istabbiltà interna anke f'mumenti diffiċli. Li tgħix fil-mument preżenti, u teħles milli tkunu skjav tal-ħsibijiet dwar il-passat jew il-futur.

Fuq livell aktar wiesa', livell ta’ soċjetà, il-paċi vera spiss tissejjaħ "paċi pożittiva," li hija n-nuqqas ta' vjolenza fil-forom kollha tagħha flimkien mal-ġustizzja soċjali u l-ekwità għan-nies kollha. Ħafna jissuġġerixxu li l-paċi dinjija ġenwina hija fatt kollettiv li jibda billi l-individwi jikkultivaw il-paċi interna u mbagħad jgħaddu dik l-atmosfera ta' paċi fil-familji tagħhom, fil-komunitajiet u fid-dinja. Imma kemm tabilħaqq xi darba d-dinja kollha se ssib il-paċi vera?

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 25 ta' April 2026



Nessun commento:

Posta un commento