Il-Kristjani Kattoliċi u Ortodossi aktarx jiċċelebraw l-Għid f'dati differenti minħabba l-użu ta' kalendarji differenti. Il-Knisja Kattolika tuża l-kalendarju msejjaħ Gregorjan filwaqt li l-Knisja Ortodossa tuża dak imsejjaħ Ġuljan. Biss ġieli jiġri li kemm il-Kattoliċi kif ukoll l-Ortodossi jiċċelebraw l-Għid il-Kbir fl-istess jum. Il-Għid Kattoliku jiġi ċċelebrat bejn it-22 ta' Marzu u l-25 ta' April, filwaqt li l-Għid Ortotoss iseħħ aktar tard, bejn l-4 ta' April u l-8 ta' Mejju. Għalhekk jekk l-Għid jiġi bejn l-4 u l-25 ta’ April jista’ jiġri li ż-żewġ Knejjes jiċċelebraw l-akbar festa tagħhom fl-istess jum. Hekk pereżempju ġara s-sena l-oħra, l-2025, meta l-Kristjani kollha ċċelebraw il-qawmien ta’ Kristu mill-imwiet nhar il-Ħadd 20 ta’ April. Din il-ħaġa sejra terġa’ sseħħ fis-sena 2034.
Għaliex dak
iż-żmien
Issa bħalma għidt
diġà, il-Knisja Ortodossa tuża kalendarju differenti minn dak li tuża l-Knisja
Kattolika u għalhekk l-ewwel Ħadd wara l-ewwel qamar sħiħ tar-rebbiegħa spiss
jiġi wara dak li fih ikun iċċelebrat l-Għid fil-Knisja hekk imsejħa Latina.
Il-Papa Ljun XIV
esprima x-xewqa li tkun stabbilita data komuni għall-Għid bejn il-Kattoliċi u
l-Ortodossi, biex ikunu megħlubin id-differenzi fil-kalendarji differenti
użati miż-żewġ Knejjes. L-għan
prinċipali wara dan il-ħsieb hu li nibdew niċċelebraw il-qawmien mill-mewt ta’
Kristu flimkien biex insaħħu x-xhieda tal-Evanġelju u nsolvu xi problemi
pastorali.
Kattoliċi u
Ortodossi
Hawn bla ma rridu
nistaqsu: Kristu mhux Knisja waħda waqqaf, mela liema waħda hi, dik Kattolika
jew dik Ortodossa? Tassew li Kristu waqqaf Knisja waħda biss, imma kienu
l-bnedmin li ħolqu dawn il-firdiet. Il-firdiet jeżistu fit-tmexxija tal-Knejjes
u mhux fit-tagħlim għax it-twemmin Kattoiliku u dak Orrtososs huwa l-istess.
Ix-xiżma
Mela rajna li
il-firda bejn dawn il-knejjes ma kinitx minn dejjem imma seħħet permezz ta’
xiżma. Ix-xiżma tal-1054, magħrufa wkoll
bħala x-Xiżma l-Kbira tal-Lvant, timmarka s-separazzjoni definittiva bejn
il-Knisja Kristjana tal-Punent, imsejħa Kattolika u l-Knisja tal-Lvant imsejħa
Ortodossa. Din il-firda ma kinitx frott ta’ xi avveniment isolat, iżda kienet
il-qofol ta' sekli ta' tensjonijiet politiċi, kulturali u teoloġiċi. Ruma
kienet tiddikjara l-awtorità suprema tal-Papa fuq il-Kristjaneżmu kollu, filwaqt
li Kostantinopli kienet tqisu biss bħala primus inter pares (l-ewwel
fost l-ugwali) fost il-patrijarki. Ir-rivalità bejn l-Imperu Biżantin u s-Sagru
Imperu Ruman, kif ukoll il-barrieri lingwistiċi, tal-Latin kontra l-Grieg,
kienu elementi importanti li wasslu għal din ix-xiżma.
Fit-16 ta' Lulju
1054, il-Kardinal Umberto di Silva Candida, mibgħut mill-Papa Ljun IX, poġġa
bolla ta' skomunikazzjoni kontra l-Patrijarka Michael Cerularius fuq l-altar
tal-Bażilika ta’ Santa Sofija f'Kostantinopli, illum Istanbul fit-Turkija.
Cerularius dlonk wieġeb billi skomunika lil-legati mibgħutin mill-Papa. U hekk
bdiet il-firda li għadha sejra sal-lum. Kien biss fl-1965 li l-Papa Pawlu VI u
l-Patrijarka Athenagoras formalment neħħew l-iskomuniki tagħhom lil xulxin,
għalkemm iż-żewġ Knejjes baqgħu separati.
Tradizzjoni
Minkejja kollox,
il-qofol ta’ din il-festa huwa dejjem l-istess: il qawmien ta’ Kristu
mill-mewt. It-tradizzjoni tal-Bajd tal-Għid insibuha fiż-żewġ Knejjes. Fl-antik
kien jitqassam bajd iebsa dekorat; il-verżjoni tal-ċikkulata bdiet fis-seklu
tmintax, aktarx minn Turin. Il-bajda tal-Għid hija simbolu tradizzjonali
tat-twelid u r-riżurrezzjoni, li nsibuha mifruxa kemm fil-Knisja Kattolika kif
ukoll f’dik Ortodossa għax kif għidt, it-twemmin tagħhom it-tnejn huwa
l-istess.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon 4 ta' April 2026
Nessun commento:
Posta un commento