sabato 15 agosto 2026

Awwissu u Santa Marija

Niftakar lill-bużnanna tiegħi, li l-Qriema kienu jafuha bħala Anni Galluwa, kienet issejjaħ ix-xhur bl-isem ta’ xi qaddis li jkun iċċelebrat f’dak ix-xahar partikolari. Pereżempju jekk kont tgħidilha li ġejja oħtha taraha minn Tuneż f’April kienet issaqsik April jekk hux ix-xahar ta’ San Ġorġ. U hekk il-bqija tax-xhur l-oħra tas-sena. Meta kienet tirreferi għal Awwissu kienet issejjaħlu “Ta’ Santa Marija”, u bir-raġun għax propju f’nofsu niċċelebraw is-solennità t-tlugħ ta’ Marija Santissa fis-sema bir-ruħ u l-ġisem. Minkejja s-sekularizazzjoni kollha li teżisti madwar id-dinja kollha, din il-festa timmarka żmien partikolari, bħalma huma l-vaganzi u l-mistrieħ mix-xogħol, dak li jissejjaħ shut down u bit-Taljan Ferragosto. Ejjew naraw xi ħaġa żgħira dwar din il-festa.

Domma ta’ fidi

L-Assunzjoni ta' Marija hija domma tal-Knisja Kattolika maħruġa fl-1950 mill-Papa Pju XII, li tgħid li l-Verġni Marija, fl-aħħar ta' ħajjitha fid-dinja, ġiet imtellgħa fis-sema kemm bil-ġisem kif ukoll bir-ruħ. Din il-festa tkun iċċelebrat kull sena fit-15 ta' Awwissu. Din id-domma hija bbażata fuq it-twemmin li Marija, li ġiet ippreservata mid-dnub oriġinali (Immakulata Kunċezzjoni), ma kinitx suġġetta għall-korruzzjoni li sseħħ permezz tal-mewt. Id-dokument uffiċjali li ta’ din id-domma jġib l-isem ta’ Munificentissimus Deus, jiġifieri “Alla l-Iktar Ġeneruż” u kien mogħti lill-Knisja nhar l-1 ta’ Novembru tal-1950.

Is-7 Santa Marijiet u aktar

Spiss insemmu s-seba’ Santa Marijiet għax seba’ parroċċi li jiċċelebraw il-festa tal-Assunta nhar il-15 ta’ Awwissu. Insibu sitta minnhom f’Malta u waħda f’Għawdex. Dawn huma: Ħal Għaxaq, il-Gudja, Ħ'Attard, il-Mosta, l-Mqabba, il-Qrendi u r-Rabat Għawdex, li ta’ min jgħid li din mhix biss parroċċa imma wkoll il-katidral tad-Djoċesi ta’ Għawdex. Intant ma’ dawn irridu nżidu erba’ parroċċi oħra li l-Assunta hija t-titular tagħhom: Ħad-Dingli, l-Imġarr, Birkirkara l-knisja l-qadima u ż-Żebbuġ Għawdex.

Minbarra dawn insibu wkoll numru sabiħ ta’ kappelli li wkoll huma ddedikati lil Santa Marija. B’kollox insibu 29 kappella madwar Malta u Għawdex li l-Assunta hija titulari tagħhom. Hemm xi rħula li għandhom żewġ kappelli ddedikati lilha bħall-Għargħur, Ħaż-Żebbuġ, is-Siġġiewi, ir-Rabat Malta, Ħaż-Żabbar, in-Naxxar u ż-Żejtun imbagħad Ħal Qormi nsibu tlieta: tal-Ħlas, tal-Qrejqċa u tal-Blat. Skont l-istoriku Ġan Franġisk Abela, il-katidral tal-Imdina oriġinarjament kien iddedikat lill-Assunta wkoll. Ma nafx ngħidilkom sew għax dan l-istoriku Malti kiteb hekk fl-1647. Ma nistax ma nsemmix forsi l-aktar santwarju għażiż għalina l-Maltin, il-Knisja ta’ Pinu f’Għawdex, li wkoll hija ddedikata lil Marija mtellgħa s-sema.

Mela mhux 7 biss għandna. Jissemmew 7 għax fl-imgħoddi kien ikun hawn min iżur dawn is-seba’ parroċċi fl-14 ta’ Awwissu, lejlet l-Assunta. Illum faċli żżurhom bil-karozza imma meta bdiet din id-drawwa t-trasport kien differenti, biż-żiemel, bil-bagħal jew b’xi ħmar, jew inkella b’ta’ San Franġisk kif kienu jgħidu dak iż-żmien jekk kont titlaq bil-mixi.

Il-konvoj

Waħda mill-operazzjonijiet navali l-aktar kruċjali li seħħew matul it-Tieni Gwerra Dinjija b’relazzjoni ma’ pajjiżna hija dik bl-isem ta’ Operation Pedestal imma mal-Maltin magħrufha bħala l-Konvoj ta’ Santa Marija. Din seħħet bejn il-11 u l-15 ta' Awwissu 1942, megħjun minn flotta Ingliża, dan il-konvoj wassal provvisti essenzjali ta’ ikel li salvaw lill-poplu Malti mill-ġuħ u li b’konsegwenza gżiritna setgħet taqa’ f’idejn l-għadu.  Kienet sitwazzjoni ddisprata. Fl-1942, Malta kienet f'mument kritiku ħafna minħabba nuqqas kbir ta' ikel, petrol u żjut oħra kif ukoll munizzjon għall-gwerra. Il-gżira kien fadlilha biss ftit ġimgħat qabel ma jkollha ċċedi. Minn flotta ta' 14-il vapur tal-merkanzija, 5 bastimenti biss irnexxielhom jaslu fil-port ta’ Malta, wara li ffaċċjaw attakki kontinwi minn sottomarini u ajruplani Ġermaniżi u Taljani. It-tanker Amerikan SS Ohio kien l-aktar vapur importanti għax kien qed iġorr il-pitrolju u l-petrol għall-ajruplani. Wara li ntlaqat u ġarrab ħsarat kbar, l-Ohio ddaħħal fil-Port il-Kbir fil-15 ta' Awwissu, miżmum f'wiċċ l-ilma bejn żewġ distrojers Ingliżi, l-HMS Penn u l-HMS Ledbury. Il-provvisti taw nifs ġdid lill-poplu u żammew lil Malta fil-gwerra bħala bażi strateġika f'nofs il-Mediterran. Il-wasla tiegħu f'jum il-festa ta' Santa Marija saħħet il-fidi u l-moral tal-Maltin f'perjodu daqstant ikrah. Sal-lum dan il-konvoj għadu magħruf bħala dak ta’ Santa Marija.

Festa kbira

Rajna xi rabtiet bejn din il-festa u pajjiżna. Mhux ta’ b’xejn li din il-festa hija festa kmandata, jiġifieri n-Nisrani huwa obbligat jisma’ l-quddies. Tabilħaqq li l-ebda qaddis jew qaddisa oħra f’pajjiżna ma jgawdi daqstant devozzjoni, imma mhux ta’ b’xejn u mhux ta’ bxejn lanqas li Santa Marija hija l-patruna speċjali tal-gżejjer tagħna l-Maltin u l-Għawdxin. Mhux ta’ b’xejn li l-bużnanna, u min jaf kemm oħrajn li għexu fi żmienha, kienu jsibu lil Awwissu bħala x-xahar ta’ Santa Marija.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon -  ta' Awwissu 2026



 

Nessun commento:

Posta un commento