Fi ċkuniti, allura madwar nofs seklu ilu, il-ħajja tagħna kienet għal
kollox differenti minn dik tal-lum. Tradizzjonijiet u drawwiet, snajja u
ħidmiet li llum jew twarrbu u spiċċaw jew qegħdin fl-għafja tal-mewt, agunija.
Fost dawn is-snajja nistgħu nsemmu s-sengħa tal-ħjata. Illum kulħadd jixtri
l-ħwejjeġ meħjutin lesti, mhux bħal fi ċkuniti, li tibdila ġdida kienet tfisser
żjara għand il-ħajjata biex toħodlok il-qies, imbagħad wara li t-tibdila
titfassal u tingħaqad bit-tixlil, tmur iġġarrab. Illum mhux biss is-sengħa
tal-ħjata qed tgħib minn fostna imma anke t-terminoloġija, il-kliem użat
mill-ħajjata, ħafna lanqas jafu xi jfisser.
Nistħajjilkom tgħidu allura jien kif naf b’dawn il-kliem u naf ukoll xi
jfissru? Le, jien qatt ma kelli s-sengħa ta’ ħajjat, imma fil-familja kelli min
iħit u għalhekk fi ċkuniti kont spiss nisma’ dan il-kliem tekniku u isma’ llum
u isma’ għada fl-aħħar titgħallem int ukoll. Kelli z-zija Tonina, xebba tieħu
ħsien in-nannu u n-nanna, li kienet tħit għaliha, għalina u għan-nies. Ommi
wkoll kienet tagħmel xi punt ħjata, bħala kważi n-nisa tad-dar kollha ta’ dak
iż-żmien. Niftakar il-magna tal-ħjata bla mutur u taħdem bil-pedala tas-saqajn.
Il-magna tal-bużnanna hekk kienet, u Alla jbierek għadha taħdem sal-lum. Għax
tajjeb ngħidilkom li anke l-bużnanna kienet taf tħit u jingħad li kienet tħit
l-għonnelel. Illum hawn min lanqas iwaħħal buttuna ma jaf kif. X’differenza!
Ma nafx kif ġietni l-kurżità dwar l-ilbies u l-ħjata u dak li skoprejt
nixtieq naqsmu magħkom għaliex veru interessnti.
Ftit storja
Ħadd ma jaf meta l-bnedmin bdew iħitu u jagħmlu l-ħwejjeġ, iżda l-eqdem
labra tal-ħjata fid-dinja tmur lura madwar 50,000 sena. Filwaqt li llum tidher
qisha għodda sempliċi, il-labra tal-ħjata dak iż-żmien kienet invenzjoni kbira, tal-għaġeb, kważi
kważi miraklu.
Ħafna xjentisti jemmnu li l-bnedmin bdew jilbsu l-ħwejjeġ bejn 100,000 u 500,000 sena ilu. L-ewwel bnedmin probabbilment bdew jilbsu l-ħwejjeġ billi jgħaqqdu u jorbtu l-ġlud tal-annimali u wara bdew iħitu dawn il-ġlud flimkien permezz ta’ labar tal-għadam. Kellhom jgħaddu bosta eluf ta’ snin qabel ma l-avvanzi fit-tessuti għamlu possibbli l-invenzjoni tal-magna tal-ħjata.
Meta mqabbla mal-istorja twila tal-labar tal-ħjata, l-istorja tal-magni
tal-ħjata hija relattivament waħda qasira, iżda mhijiex inqas minn miraklu.
Mill-invenzjoni tal-magna tal-ħjata matul ir-Rivoluzzjoni Industrijali, madwar
250 sena ilu, saru avvanzi inkredibbli. Il-bniedem komuni għadda minn ħwejjeġ
mhux raffinati għal ħwejjeġ ta’ kwalità għolja li jkunu maħdumin bil-kwantità
fi żmien relattivament qasir.
Il-magna tal-ħjata
Il-magni tal-ħjata ġew ivvintati matul l-ewwel Rivoluzzjoni Industrijali.
L-ewwel Rivoluzzjoni Industrijali seħħet bejn l-1760 u l-1840. Bdiet fil-Gran
Brittanja u kienet waħda miil-ewwel bidliet kbar u effettivi fis-soċjetà umana
li bidlet l-industriji mill-produzzjoni bl-idejn għall-produzzjoni bil-magni.
Din ir-Rivoluzzjoni Industrijali ħolqot ukoll ħtieġa għal bidla
fl-industrija tat-tessuti, li bbenefikat bil-kbir mill-magni l-ġodda li ġew
ivvintati. In-newl tal-qedem twarrab biex bdew jiġu minsuġa drappijiet b’magni
elettriċi ġodda, u l-magni tal-insiġ tal-qoton żiedu l-produzzjoni tal-ħaddiem
tal-fabbriki tat-tessuti b’madwar 500 darba.
F'daqqa waħda, id-drappijiet u t-tessuti saru abbundanti. Hekk kif
il-produzzjoni tad-drappijiet kompliet taqbeż il-manifattura tal-ħwejjeġ,
il-ħażniet tad-drappijiet kibru. B’lingwaġġ tekniku llum ngħidu li l-produzjoni
kienet akbar mit-talba. Peress li l-ħjata bl-idejn kienet teħtieġ ħafna xogħol
u ħin, il-magni kienu r-risposta għall-problemi tal-produzzjoni, il-kunċett
tal-magna tal-ħjata kien inevitabbli.
Min ivvintaha?
Fl-1755, Charles Weisenthal kien l-ewwel persuna li kiseb rikonoxximent
relatat ma’ magna tal-ħjata. Weisenthal, inventur u tabib Ġermaniż, irċieva dan
ir-rikonoxximent għal-labra ta’ magna tal-ħjata, li allura kien ifisser li kien
hemm magna għaliha. Il-fatt li kiseb rikonoxximent għal-labra juri li n-nies
xorta taw importanza konsiderevoli lil-labra, li l-bnedmin kienu ilhom jużaw
għal żmien twil.
Filwaqt li Weisenthal spiss jingħata l-kreditu għall-idea ta’ magna
tal-ħjata, Thomas Saint mill-Ingilterra ddisinja l-ewwel magna tal-ħjata.
Thomas Saint huwa aktarx meqjus bħala l-inventur tal-magna tal-ħjata, u huwa
ġab id-disinn tal-magna tal-ħjata eqreb lejn ir-realtà.
Fl-1790, Saint ħoloq tpinġijiet dettaljati ta’ magna tal-ħjata, għalkemm
m'hemm l-ebda evidenza li turi li huwa bena xi tip ta’ magna tal-ħjata. Ma
kienx qabel l-1874, kważi seklu wara, li William Newton Wilson sab
it-tpinġijiet ta’ Saint u uża dawk id-disinji biex jibni l-ewwel magna
tal-ħjata li taħdem bi mratt manwali.
Fl-84 sena bejn iż-żmien li Thomas Saint ħoloq id-disinn tal-magna
tal-ħjata u meta William Newton Wilson bena magna, kien hemm diversi tentattivi
biex tinħoloq magna tal-ħjata. Xi wħud minn dawn l-isforzi ma rnexxewx, iżda
dawn kienu l-oriġini tal-magni tal-ħjata li wasslu għat-twelid tal-ewwel magna
tal-ħjata fl-1846. Ma nidħolx fil-mertu ta’ min ivvintaha għax l-idea riedet
tkun imma riedet titħażżeż fuq karta u minn tħażżiż fuq karta ried ikun hemm
min jirrealizza dik l-idea mpinġija.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiku deher f'In-Nazzjon - 29 ta' Awwissu 2026
Nessun commento:
Posta un commento