Visualizzazione post con etichetta qniepen. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta qniepen. Mostra tutti i post

venerdì 4 marzo 2022

Il-lingwa tal-qniepen

 

Kważi kull wieħed u waħda minna jgħix qrib xi knisja jew kappella. Għal xi wħud minna dawn il-binjiet għandhom importanza kbira, għal oħrajn forsi llum saru insinifikanti, imma żgur li xi darba jew oħra matul il-jum ilkoll kemm aħna jkollna nisimgħu d-daqq tal-qniepen li ħafna minn dawn il-knejjes għandhom.

Id-daqq tal-qniepen huwa lingwa, iwassal messaġġ li sakemm ma titgħallimx dik il-lingwa tibqa’ ma tifhimx il-messaġġ li jkunu qed iwasslu u għandek mnejn tistħajlu daqq bla sens. Anke l-arloġġi tal-knejjes tagħna għandhom lingwa, trid tifhem id-daqq tal-qniepen tagħhom biex bla ma tkun qed tara l-arloġġ tkun tista’ tkun taf x’ħin ikun sar. U biex ngħid kollox, hemm daqq differenti bejn arloġġ u ieħor, biżżejjed tisma’ qniepen ta’ arloġġ ta’ Malta u dawk ta’ xi knejjes f’Għawdex. Is-sistema, jew dik li sejjaħt fil-bidu bħala “lingwa” hija differenti. Anke l-mod kif jindaqqu l-qniepen huwa differenti, Malta u anke Għawdex il-qanpiena tibqa’ ma tiċċaqlaqx u tindaqq billi l-ilsien tagħha jitħabbat mal-ġnub tagħha. F’pajjiżni oħra spiss naraw il-qanpiena tiċċaqlaq biex taħbat mal-ilsien. L-istess nistgħu ngħidu għall-forma. Hemm dawk bil-kuruna u hemm dawk mingħajr kuruna. Insomma fejn jidħlu l-qniepen hemm dinja enormi u hemm bosta x’wieħed jgħid jew jikteb.

Okkażjonijiet ta’ dari


Il-qanpiena twassal dak li jkun irid iwassal min ikun qed idoqqha, ovvjament skont iż-żmien u skont il-ħin. F’parroċċi tradizzjonali sa ftit snin ili kien hawn fejn jindaqqu l-qniepen f’diversi waqtiet tal-jum bħall-Paternoster, ma’ sbieħ il-jum biex dak li jkun iqum u jrodd ħajr lill-ħallieq talli tah il-grazzja jerġa’ jara jum ġdid, fit-tmienja ta’ filgħodu biex jingħad l-Angelus, f’nofsinhar biex ukoll isir talb u ssir waqfa għall-ikel, it-tokki tal-Ave Maria ma’ nżul ix-xemx u l-aħħar tokki hekk imsejħa tal-imwiet. Barra minn hekk kwarta qabel ma tibda kull quddiesa tindaqq qanpiena li tavża li tkun ser issir quddiesa. Matul il-quddiesa, jekk din tkun solenni, isir daqq ta’ qniepen kemm fil-Glorja kif ukoll fis-Santus. Jekk dik il-quddiesa tkun ta’ nhar il-festa tar-raħal, allura qabel ma tibda jsiru tliet moti ta’ kwarta u waqt il-paniġierku jinġibdu tokki wkoll. Nhar ta’ Ġimgħa fit-tlieta ta’ waranofsinhar tindaqq dik li tissejjaħ “tat-tlieta” biex tfakkar il-ħin li fih miet Ġesù. F’mewt ta’ xi parruċċan tindaqq “il-mewt” li tvarja jekk imutx raġel jew mara u jekk il-mejjet ikun saċerdot id-daqq ikun differenti. Qed taraw x’lingwaġġ fih id-daqq tal-qniepen. Illum intilef bosta minn dan il-patrimonju.

L-ewwel qniepen

L-ewwel qniepen tal-metall inħolqu fiċ-Ċina tal-qedem u kienu jintużaw bħala parti minn ċerimonji reliġjużi. It-tradizzjoni tal-użu tal-qniepen għaddiet għar-reliġjonijiet Hindu u Buddisti. Il-qniepen kienu jiġu mwaħħlin fid-daħliet tat-tempji Hindu u kienu jindaqqu waqt it-talb. Għalkemm l-​użu tal-​qniepen mhuwiex imsemmi b’mod espliċitu fil-​Bibbja, f’salm numru 100 nsibu hekk:  aqdu bil-ferħ lill-Mulej, idħlu quddiemu b’għana ferrieħi; u l-​qniepen huma mod tajjeb ħafna kif jagħmlu dan. Il-qniepen ġew introdotti fil-knejjes Kristjani madwar is-sena 400 AD minn Pawlinu, Isqof ta’ Nola fil-Campania wara li l-missjunarji kienu ilhom jużaw il-qniepen tal-idejn biex isejħu n-nies għall-qima. Kellhom jgħaddu madwar 200 sena oħra biex il-qniepen ikunu jidhru b’mod prominenti fil-knejjes u l-monasteri madwar l-Ewropa.

Stejjer, leġġendi u drawwiet

Fil-Medju Evu, ħafna kienu jemmnu li l-qniepen tal-knisja kellhom poteri sopranaturali. Jingħad li darba kien hemm Isqof li beda jdoqq il-qniepen biex iwissi lin-nies tal-lokal dwar attakk imminenti u li meta l-għadu sema’ l-qniepen, dan telaq jiġri lura bil-biża’. Fl-era moderna forsi ma nistgħux napprezzaw u lanqas nemmnu kemm dawn il-qniepen kellhom importanza fil-ħajja tal-bniedem. Kien maħsub ukoll li l-qniepen tal-knisja setgħu jdoqqu lilhom infushom fi żminijiet ta’ traġedji u diżastri. It-twemmin fil-qawwa tal-qanpiena kompla fis-seklu 18. Kienu jindaqqu qniepen biex ikeċċu l-ħażen, biex ifejqu lill-morda, biex jikkalmaw il-maltempati qabel xi vjaġġ, biex jipproteġu l-erwieħ tal-mejtin u biex jimmarkaw il-ġranet ta’ xi eżekuzzjoni.

Il-qniepen huma ħafna drabi assoċjati mat-tiġijiet, mhux biss permezz tad-daqq tagħhom biex juru s-servizz tat-tieġ iżda s-simbolu tal-qniepen jista’ jinstab f’dekorazzjonijiet fuq il-kejk, fl-inviti u l-kartolini. Id-daqq tal-qniepen tal-knisja fit-tiġijiet aktarx imur lura għall-wirt Ċeltiku tal-Iskozja u l-Irlanda. Is-superstizzjonijiet wasslu lill-knejjes biex iddoqqu l-qniepen biex ibegħdu l-ispirti ħżiena u jagħtu xewqat tajba lill-miżżewġin ġodda.

Tiskanta kemm hemm x’wieħed jgħid fuq dawn il-qniepen li ġieli jkunu wkoll suġġett ta’ argumenti. Ovvjament min jabqad argument dwar jekk għandhom ikomplu jdoqqu l-qniepen matul il-lejl jew fil-festi u sebaħ u dalam ikun awtomatikament qed juri kemm għandu nuqqas ta’ tagħrif dwar dawn l-għodod li tant kienu siewja għal missirijietna u li għadhom jaqdu lilna sal-lum – kemm-il darba nitgħallmu l-lingwa tagħhom!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 5 ta' Marzu 2022




venerdì 20 settembre 2019

Issa li l-festi ntemmu!


Ix-xhur li fihom aħna l-Maltin niċċelebraw il-festi tradizzjonali tagħna wasal fi tmiemhom ukoll. Tabilħaqq li issa jibdew isiru għadd ta’ festi oħrajn f’kappelli rurari jew festi sekondarji fil-parroċċi tagħna, imma l-kbir għadda. Issa d-daħna tal-murtali ma għadiex tidher u lanqas għadna nisimgħu it-tfaqqiegħ u t-tkarwid tan-nar. Issa l-armar tat-toroq reġa’ sab ruħu fil-maħżen biex issirlu xi tiswija u jintrefa’ għal sena oħra. Id-damask inqala’ minn postu, tfarfar, intewa u reġa’ tpoġġa fil-kxaxen tas-sagristija. L-apparat tal-fidda li nużaw fil-festa kollu tpoġġa f’postu fit-teżor tal-knisja. Issa s-sakra li skirna fil-marċ tal-festa għadditilna u erġajna nħossuna f’sensina u nistgħu nirraġunaw. Kollox juri li l-festi għaddew u ladarba għaddew nistgħu nagħtu ħarsa lura lejhom u naraw x’għamilna tajjeb u x’għamilna ħażin. 

Kemm smajna kummenti
Storja li tirrepeti ruħha kull sajf hi dik li bosta jgorru dwar xi aspett tal-festi Maltin. Fuq nett tal-lista tal-ilmenti nsibu n-nar. Biex ngħidu d-dritt tassew li għad għandna min jeseġera xi ftit, imma jkollna ngħidu wkoll li fejn għexieren ta’ snin ilu, in-nar naqqas mill-istorbju tiegħu. Illum sirna naraw spettakli piromużikali ta’ livell tassew għoli. Rajt spettakli bħal dawn barra minn Malta, imma nistqarr li dawk ta’ pajjiżna jissuperaw lil dawk li rajt jien lil hinn minn xtutna. Jekk inhu hekk, min jaf jekk tkunx idea tajba li ninvestu aktar f’piroteknika mal-mużika u nnaqqsu l-murtali tal-bomba? B’hekk nemmen li jonqsu l-kummenti negattivi kontra l-festi.

Ding dong
Garr ieħor isir kontra d-daqq tal-qniepen. Filwaqt li nifhem li min joqgħod qrib ta’ xi knisja għandu dritt għall-mistrieħ, ngħid ukoll illi dan id-daqq ma jsirx is-sena kollha. Ġimgħa f’sena għandna mhux nissaportuhom imma nieħdu gost bihom. Jekk taħseb dejjem fin-negattiv żgur li l-ħoss tal-qniepen idejqek imma jekk tipprova tifhem li d-daqq tagħhom qed iwassal messaġġ, il-ħoss tibda tieħu gost bih.

Sweet Caroline
Il-marċi tal-festa wkoll huma punt fejn nisimgħu bosta kritika negattiva dwarhom. Nistqarr li bosta drabi min jikkritika lil dawn il-marċi jkollu raġun. Qed nesegeraw; fil-ħin, fix-xorb, fil-kummiedji żejda. Wara l-marċ bosta każini u ħwienet qed ikomplu jiċċelebraw billi jibqgħu miftuħin b’żgħażagħ jixorbu. Rajt b’għajnejja stess żgħażagħ għadhom jixorbu waqt li mill-knisja tkun ħierġa l-purċissjoni. It-tul ta’ ħin għax-xorb ma jsirx biss f’jum il-festa imma wkoll wara l-marċi ta’ fost il-ġimgħa. Kont f’lokalità għall-festa dan is-sajf. Iddeċidejt li nieħu l-vakanzi tas-sajf tiegħi f’dan il-post fil-ġimgħa tal-festa. Wara l-marċ iż-żgħażagħ jinġabru fil-każin għall-party, biex issa mhux ikantaw mal-marċi tradizzjonali imma jgħajtu mad-diska  Sweet Caroline! Il-marċ jispiċċa fil-ħdax ta’ billejl, imma l-party tal-kazin beda jdum sat-tlieta ta’ filgħodu, bi storbju eseġerat li ma jħalli lil ħadd jorqod. Ma ssaportejtx u tlaqt lejn id-dar għall-kwiet! Possibbli li wara marċ ta’ tlett sigħat irridu nagħmlu party ta’ erbgħa sigħat? Il-liġi li fil-ħdax ta’ filgħaxija jrid jieqaf l-istorbju għadha teżisti. Jekk iva żgur mhux qed tiġi mħarsa.

Pedestalli u antarjoli
Issa la qed insemmi t-tgergir insemmi wkoll l-armar ta’ barra li jsir fil-festi. Bosta jgorru li minħabba fih in-nies ma tkunx tista’ tgħaddi minn fuq il-bankina. Hemm fejn għandhom raġun imma hemm fejn le. Fuq il-bankini ma narawx biss l-armar tal-festa imma naraw karozzi pparkjati, street furniture u anke xi arblu tad-dawl. Allura l-pedestall jagħtikom fastidju? Rajt pedestalli ġodda tassew oriġinali. Dawn jeħlu mal-ħajt u jħallu aċċess għall-pubbliku biex jgħaddi minn fuq il-banikina. La qed ngħid xi ħaġa pożittiva tajjeb insemmi fejn rajtha. Prosit lill-grupp tal-armar ta’ San Pawl il-Baħar ta’ din l-idea tajba. Kieku kienet xi ħaġa ħażina ma kontx ser insemmi l-post! U la qed insemmi l-pożittiv ma nistax ma nsemmix lid-Dumnikani tal-Birgu li mxew fuq il-passi tal-Ġorġjaniżi Qriema u qatgħu il-bżieżaq mill-festa tagħhom. Smajt li hemm festi oħrajn li jew qatgħu jew ser jaqtgħu il-bżieżaq biex jitħares l-ambjent.

Dawn huma xi punti li jsir wisq tgergir dwarhom. Tajjeb li naħdmu fuqhom u ,mhux jekk naraw xi kitba dwarhom ngħidu “Ħalluna ngawdu” jew “Go back ta’ your country”. Ejjew intejbu u nirrangaw. Il-kritika mhux dejjem tkun distruttiva, minnha nistgħu nitgħallmu u nitjiebu.

Xi qrajt
Qrajt li bħalissa l-Għaqda Każini tal-Banda għaddejja bi proċess biex il-festa Maltija tiġi tagħmel parti mill-inventarju nazzjonali tal-wirt intanġibbli. Jekk din it-talba tiġi milqugħa allura il-pass li jmiss  ikun li ssir applikazzjoni mal-UNESCO biex il-festa Maltija ssir wirt intanġibbli dinji. Tajjeb naraw naqra l-kelma INTANĠIBBLI xi tfisser qabel xejn. Din tfisser li ma tkunx tista tintmiss, issir wirt mhux biss ta’ pajjiżna imma anke tad-dinja kollha. Imma kemm verament il-festa Maltija baqgħet ma ntmissitx? Inkunu sinċiera magħna nfusna. Il-festa Maltija evolviet imma fl-evoluzzjoni tagħha daħlu xi elementi li xejn ma għandhom x’jaqsmu magħha anzi qed jagħmlulha ħafna ħsara.
Tajjeb li issa li għaddew il-festi npoġġu ftit fil-kwiet u nagħmlu evalwazzjoni tagħhom, evalwazzjoni serja u imparzjali.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon -  21 ta' Settembru 2019


venerdì 28 luglio 2017

Daqq ta’ qniepen u murtali

Ninsabu fl-eqqel tal-istaġun tal-festi Maltin, żmien fejn id-daqq tal-qniepen u l-murtali jinstemgħu aktar minn żminijiet oħrajn tas-sena. Kull sena, anzi kull sajf, dejjem iqum l-argument jekk dawn għadhomx żmienhom, jekk f’ Malta tal-2017 għadx hawn lok għal dawn l-elementi festivi u tradizzjonali tagħna. U jien meta nisma’ dawn l-argumenti ngħid jew il-Maltin saru wisq dojoq, kollox jagħtihom fastidju jew hemm xi agenda moħbija wara dawn l-argumenti.

L-għan tal-qniepen
Il-qanpiena għandha leħen u għandha lingwa. Kont ser ngħid għandha ilsien biex nuża l-kelma tabilħaqq Maltija, imma billi parti mill-qanpiena tisssejjaħ ilsien, dik il-parti li tħabbat, naħseb li jkun aħjar jekk nuża l-kelma lingwa biex ma nħawwadx nies. Il-lingwa tal-qanpiena mhux kulħadd jifhimha bħalma mhux kulħadd jifhem it-Taljan, il-Franċiż, il-Ġermaniż jew xi lingwa oħra li ma tkunx studjajt. L-għan tad-daqq tal-qniepen kien li fi żmien meta l-arloġġ fid-djar Maltin kien lussu,  juri lin-nies il-ħin tal-ġurnata. Mas-sebħ kien idoqq il-Pater Noster biex ir-raħħala jindunaw li sebaħ jew wasal biex jisbaħ jum ġdid. Fit-tmienja ta’ filgħodu u f’ nofsinhar jindaqqu tokki biex dak li jkun jinduna x’ ħin sar. Ma’ dawn it-tokki kien hemm id-drawwa li tingħad it-talba tal-Angelus. Fi tmiem il-jum kienet tindaqq dik li tissajjaħ l-Ave Marija biex dak li jkun itemm il-jum b’ radd ta’ ħajr lill-Ħallieq u xi ħin wara kienet tindaqq l-hekk imsejħa l-Mewt. Imbagħad hemm daqq ieħor, bħal dak li jħabbar li se tibda quddiesa daqs kwara wara, daqq li jħabbar il-mewt ta’ xi persuna u kien hemm żmien fejn anke kienet tindaqqq glorja fit-twelid ta’ tarbija. Fil-mota li tħabbar mewt hemm differenza fit-tokki jekk ikunx miet raġel jew mara. Ma nafx il-liġi tal-ġeneru hijiex ser tibdel xi ħaġa rigward id-daqq tal-qniepen fil-każi tal-mewt! Waqt quddiesa solenni għadna nisimgħu d-daqq tal-Glorja u tas-Santus. Hemm ukoll id-daqq tal-qniepen waqt li tkun qed tingħata l-barka.  Nhar ta’ Ħamis filgħaxija tindaqq mota biex tfakkar fit-twaqqif tal-Ewkaristija u nhar ta’ Ġimgħa fit-tlieta ta’ waranofsinhar għad hawn fejn tindaqq il-mota biex tfakkar fil-mewt ta’ Kristu. Ma’ dan kollu llum nisimgħu wkoll id-daqq tal-arloġġi tal-knejjes. Dan id-daqq ukoll jagħmel parti mil-lingwa tal-qniepen u jekk ma tkunx taf il-lingwa tibqa’ ma tifhem xejn. Imbagħad hemm id-daqq tal-moti li joħloq tant kontroversji. Il-moti tal-festa li jibdew minn kmieni jħabbru li fir-raħal jew belt ikun sebaħ jum speċjali, jum mhux bħal tas-soltu.

Il-murtali
L-arti piroteknika Maltija daħlet fil-festi tagħna bosta snin ilu. Din id-drawwa daħlet wara li l-Maltin kienu jaraw lill-ħakkiema ta’ arthom jagħtu salut bil-bombi lil xi dinjitarju li jkun qed iżurhom. Il-Maltin xtaqu li huma wkoll isellmu lill-akbar dinjitarju fir-raħal tagħom; il-qaddis patrun! Bdew jinħarqu l-maskri (skrataċ mimlijin bil-porvli) mat-triq tal-purċissjoni u biż-żmien żviluppa n-nar tal-ajru. Kien hemm żmien fejn il-murtali kienu jkunu bil-wisq aktar qawwijin minn dawk tal-lum, u ħadd qatt ma kien igerger għandek tgħid!

Anke fejn jidħol in-nar hemm wieħed x’ jifhem u dak li ma jkunx jifhem il-lingwa tagħhom,  għalih kollox l-istess u kollha storbu. Hemm sengħa u arti fil-piroteknika. Illum aktar minn qabel għax qegħdin naraw nar sinkronizzat mal-mużika li joffri spettaklu mill-isbaħ. Il-ħaġa li daħħqitni hi li dan l-aħħar kien hemm min ġab l-iskuża li l-murtali jbeżżgħu lill-annimali. Kemm sirna qegħdin sew, l-annimal jiġi qabel il-bniedem. Jiena kontra kull moħqrija fuq l-annimali, imma f’ ġieħ is-sewwa, jekk tridu toħduha kontra din id-drawwa Maltija sibu argument ieħor!

L-esegerazzjoni f’ kollox ħażina. Bosta jgergru li l-ħsejjes idumu wisq matul il-lejl. Jien naqbel li jekk hemm liġi li tispeċifika ħin meta għandu jieqaf l-istorbju, din għandha tiġi rrispettata għax b’ hekk jinqalgħu ħafna argumenti u tgergir. Kieku l-liġi tinżamm ħadd ma jkun jista’ jgħid xejn iżda bosta drabi jkun hemm min iwaqqa’ l-balla fuq saqajh.

Jekk inżommu l-liġi
Jekk għandha tinżamm il-liġi dwar l-istorbju, din għandha tgħodd għal kulħadd u għal kull okkażjoni. Mela jekk l-istorbju għandu jintemm fil-ħdax ta’ bil-lejl, anke l-attivitajiet mhux marbutin mal-festa għandhom jintemmu f’ dak il-ħin. Ma rridx insemmi rħula, imma naf fejn matul is-sajf fi tmiem il-ġimgħa, bniedem ma jkunx jista’ jagħlaq għajn ma’ għajn bil-ħoss tal-mużika tgħajjat matul il-lejl kollu li ssir minn lokal mhux wisq bogħod. Dan eżempju wieħed. Kieku Paceville kellu jitfi d-dawl fil-ħdax x’ jiġri? Illum fil-ħadx il-ħajja f’ Paceville tkun għadha ser tibda! Mela n-nies li joqgħodu hemmhekk ma jridux jorqdu wkoll? Tgħid dan huwa każ fejn jafferma dak li qal George Orwell f’ Animal Farm li l-annimali huma kollha ndaqs, imma xi wħud mill-annimali huma ndaqs aktar mill-aħrajn?

Ilum qbadt agrument kontroversjali ħafna, naf li hawn min jaqbel mad-daqq tal-qniepen u mal-murtali u hawn min għalih huma kollha żejda. Il-pożizzjoni tiegħi mhix li dawn id-drawwiet jinqatgħu għax huma parti mill-folklor tagħna, jispiċċaw huma u tkompli tiġġarraf l-identità tagħna. Hemm fejn wieħed jikkontrolla u jnaqqas l-esegerazzjonijiet. Niftakru x’ kien jgħid San Tumas ta’ Akwinu, li l-moderazzjoni hija tajba f’ kollox!


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon tad-29 ta' Lulju 2017





lunedì 17 aprile 2017

Skiet

Il-jum tal-lum, l-għada tal-Ġimgħa l-Kbira u lejlet l-Għid il-Kbir nistgħu ngħidu li huwa jum ta’ skiet. Illum il-qniepen tal-knejjes ma jdoqqux. Sewwasew ilhom minn nhar il-Ħamis filgħaxija ma jsemmgħu leħinhom, waqfu u f’ ċerti postijiet ħadet posthom iċ-ċuqlajta. Illum huwa jum li donnu s-skiet isaltan kullimkien. Dan is-skiet jinkiser illejla fid-daqq tal-glorja fejn il-ħbula tal-qniepen tal-knejjes tagħna jinħallu mill-għoqda li saritilhom jumejn ilu u jħabbru li l-Knisja tkun qed tiċċelebra l-qawmien ta’ Kristu mill-mewt.

Għalfejn jitwaqqfu l-qniepen?
Dejjem kelli kurżità għalfejn il-qniepen ma jindaqqux fil-Ġimgħa l-Kbira u f’ Sibt il-Għid. Min mhux midħla tal-Knisja jew ma jappartjenix fiha għandu mnejn lanqas jagħti każ b’ din il-ħaġa. Interessanti wkoll li f’ Ħamis ix-Xirka lanqas waqt il-konsagrazzjoni ma tindaqq il-qanpiena ċ-ċkejkna mill-abbati iżda hemm ċuqlajta tal-injam u tindaqq hi. Imma għalfejn il-qniepen ma jindaqqux?

L-ironija hi li l-qniepen jindaqqu wkoll biex titħabbar xi mewt. Għad hawn parroċċi li jdoqquhom meta xi membru tal-parroċċa jħalli din id-dinja. F’ mewt ta’ Papa, il-qniepen ta’ San Pietru fil-Vatikan jindaqqu f’ mota li tħabbar il-mewt u l-bieb ċentrali tal-Bażilika jingħalaq nofsu. F’ mewt bħal din, il-qniepen tal-knejjes tad-dinja kollha jindaqqu b’ luttu għall-kap tal-Knisja. Matul il-konklavi, il-qniepen tal-Vatikan ma jindaqqux iżda mal-ħatra ta’ Papa ġdid, wara d-daħna l-bajda miċ-ċumnija tal-kappella Sistina, il-qniepen tal-Vatikan jindaqqu f’ mota ta’ ferħ.

Iżda llum ma jindaqqux qniepen! U l-mistoqsija tiegħi bqajt ma sibtx tweġiba għaliha!

Storbju
Id-dinja tal-lum torrfilna ħajja mgħaġġla. Mal-għaġla tad-dinja hemm marbut anke l-istorbju. Hawn wisq xi jtellifilna l-konċentrazzjoni tagħna. Tant drajnieh l-istorbju li meta ma jkunx preżenti nħossu n-nuqqas tiegħu. Araw iż-żgħażagħ fejn ifittxu ħafna minnhom: xi post fejn jiltaqgħu, jiddevertu u jagħmlu l-istorbju. U aħna l-kbar se nitkażaw biż-żgħażagħ? Konna bħalhom aħna wkoll u konna nagħmlu bħalhom u forsi għadna nagħmlu bħalhom illum ukoll.

Is-suq ta' Porta Nolana f' Napli
Aħna l-Maltin bħan-nies kollha tal-Mediterran u aktar u aktar dawk tan-Nosfsinhar tal-Ewropa aħna xi ftit storbjużi. Ħalli naqsam magħkom riflessjoni personali. Jien għext xi snin ġewwa Napli. Kont immur fiċ-ċentru għal xi qadja. Kif kont noħroġ mill-istazzjon tal-metrò, imsejħa Circumvesuviana, u ngħaddi għal Porta Nolana, hemm tibda tisma’ għajat ta’ bejjiegħa. Hemm is-suq u kif ngħidu aħna l-Maltin, l-għajat nofs il-bejgħ! Wara xi snin Napli mort għal xi snin Bologna. X’ differenza. Hawn ma kontx ngħix wisq bogħod mis-suq li jarma fi Pjazza kbira nhar ta’ Ġimgħa. F’ suq mimli bejjiegħa u xerrejja, ma kontx nisma’ storbju daqs kemm jagħmel bejjiegħ wieħed f’ Napli. Hija kwistjoni ta’ abitudni? Hija drawwa li n-nies tgħajjat biex tbiegħ u biex tixtri? Tiskanta x’ differenza bejn żewġt ibliet Taljani bi ftit mijiet ta’ kilometri jifirduhom!

Skiet
Is-skiet tista’ tapprezzah meta ssibu għaliex meta tkun għaddej mgħaġġel bil-ħidma tiegħek, l-istorbju tant tidraħ li lanqas jibqa’ jdejqek. Iżda meta ssib ruħek fis-skiet tinduna kemm sirna ngħixu ħajja storbjuża.

Aħna drajna l-istrobju u kważi ma noqgħodux mingħajru. Kemm-il darba nkunu d-dar nagħmlu xi ħaġa u nixgħelu r-radju jew it-televiżjoni u nħalluhom mixgħulin minkejja li ma nkunux qed nagħtu każ x’ qed jiġi mxandar. L-importanti li ma nkunux fil-kwiet. Iżda mbagħad meta s-skiet infittxuh aħna stess u nsibuh hemm nibdew napprezzawh.

Dun Karm Psaila
Niftakar f’ poeżija ta’ Dun Karm Psaila. Din għandha isem interessanti għax il-Poeta Nazzjoanli tagħna taha żewġ ismijiet: “Żjara lil Ġesù” u “Tifkiriet”. Il-poeta hawn jirrakkuntalna meta warrab għal ftit mill-ġenn tal-ħajja u mar jimxi fil-kampanja, fis-skiet. Hemm sab kappella u daħal fiha. F’ dawk il-waqtiet siekta tant ġewh tifkiriet quddiem għajnejh. Ftakar fi ċkunitu, f’ommu u missieru u f’ bosta waqtiet minn ħajtu. Fis-skiet sab lilu nnifsu għaliex bl-għaġġla tal-ħajja spiss jiġrilna li anke lilna nfusna nitilfu, ninsew dak li aħna, dak li sawwarna biex aħna dak li aħna. Iżda s-skiet iġibna f’ tagħna. Dun Karm f’ din il-poeżija aktar nistħajlu pittur milli kittieb għaliex irnexxielu jpinġi l-ambjent li sab ruħu fih b’ mod eċċellenti. Mhux ta’ b’ xejn hu l-Poeta Nazzjonali!

Kemm għandna bżonnu s-skiet aħna wkoll! Illum huwa jum fejn donnha l-attività madwarna tkun anqas mis-soltu. Id-dinja tibqa’ ddur u l-ħajja tkompli sejra, iżda fl-arja donnha tinħass xi ħaġa differenti għad li kollox għadu l-istess bħalma kien is-Sibt li għadda. Iżda llum huwa Sibt il-Għid. Għalhekk ma jindaqqux il-qniepen tal-knejjes biex bis-skiet iħabbru d-difna ta’ Kristu u jfehmu lilna li għandna bżonn xi ftit waqtiet ta’ skiet ukoll, ħaġa li kważi sirna nibżgħu minnha, iżda ladarba nsibuha, anke jekk għal ftit, nibdew napprezzaw is-sbuħija tagħha. Iva is-skiet huwa sabih ukoll!


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 15 ta' April 2017




venerdì 19 dicembre 2014

Doqqu qniepen doqqu

Fost il-ħafna tiżjin li nsibu armat fi djarna jew fit-toroq tagħna fi żmien il-milied naraw il-qniepen. Il-qanpiena hija strument, biex insejħulha hekk, li għandha bosta ħidmiet: min dik li nsibu mwaħħla mal-ħoġor tal-bieb tad-dar, li tindaqq bħala sinjal li jkun  hemm xiħadd barra l-bieb sal-qniepen tal-ġol-kampnar li jħabbru mhux biss il-ħin imma  jwasslu wkoll bosta messaġġi oħra. U l-milied huwa festa fejn dawn il-qniepen narawhom aktar minn żmien ieħor matul is-sena.

Jingle Bells
Image result for bells
Waħda mill-aktar għanjiet tal-milied famużi madwar id-dinja hija bla dubju ta’ xejn dik li ġġib l-isem ta’ “Jingle Bells”. Din l-għanja Amerikana inkitbet minn James Lord Pierpont. Ma nafux fejn u meta nkitbet imma kienet ippubblikata fl-1857 bl-isem “One Horse Open Sleigh”. Pierpont kiteb din l-għanja propjament għal Jum ir-Radd ta’ Ħajr, Thanksgiving Day, li jkun iċċelebrat ta’ kull sena fl-Istati Uniti fir-raba’ Ħamis ta’ Novembru. Billi minn dan il-Ħamis sal-bidu tal-Avvent ftit ikun hemm żmien, l-għanja ġiet assoċċjata wkoll għall-milied, imma jekk wieħed jifli sewwa l-kliem tagħha jinduna li ma hemm l-ebda riferenza għal jum il-milied. Jingħad li l-ħsieb tal-għanja ġie f’ moħħ l-awtur meta kien jisma’ l-qniepen ċkejknin li kienu jintrabtu mal-kappestri taż-żwiemel. Dak iż-żmien ma kienux jeżistu karozzi fit-toroq u għalhekk l-uniku periklu li kien hemm kienu ż-żwiemel, għalhekk biex jevitaw il-periklu kienu jdendlu dawn il-qniepen bħala sinjal li jkun qed joqrob xi wieħed minnhom. Hawn naraw sitwazzjoni fejn il-qniepen jintużaw biex iwasslu messaġġ: Attenti, qed joqrob ziemel!

Image result for great bell moscow
Il-qanpiena taz-Zar
Qniepen kbar
L-akbar qanpiena fid-dinja li għadna nistgħu naraw, sfortunatament ma nistgħux nisimgħu l-ħoss tagħha. Din hija l-qanpiena magħrufa bħala taż-Żar tar-Russja. Din il-qanpiena tinsab f’ Moska, qrib il-Kremlin. Il-qies tagħha huwa ta’ aktar minn 6 metri għoli u aktar minn 6 metri wisgħa. Din il-qanpiena nqasmet fil-funderija stess u għalhekk qatt ma ndaqqet. Illum tinsab fuq pedestall tal-ġebel u mill-qasma li fiha, bniedem jista’ jidħol jittawwal gewwa fiha. Din tiżen 196,567 kilogramm u kienet saret fis-sena 1735.
Jingħad li l-akbar qanpiena fid-dinja li tindaqq hija dik li nsibu fit-tempju Buddist ta’ Foquan ġewwa Pingdingshan Henan, fiċ-Ċina. Din hija qanpiena relattivament moderna, saret fis-sena 2000 u tiżen 115,800 kilo. Hija tinsab qrib waħda mill-aktar statwi kbar ta’ Budda. Din hija għolja aktar minn 8 metri u fiha aktar minn 5 metri wisgħa. Din tissejjaħ il-qanpiena tar-risq it-tajjeb.

F’ pajjiżna
Related imageĦafna jafu li l-akbar qanpiena fil-knejjes ta’ Malta tinsab fil-bażilika ta’ Santa Liena ta’ Birkirkara. Din saret mid-ditta Baricozzi u żżanżnet fl-1932. Il-qies ta’ din il-qanpiena hija ta’ aktar minn 3 metri għoli u għandha diametru ta’ kważi 2.5 metri. Din tiżen madwar 8 tunellati.
Itqal minn din il-qanpiena, imbagħad insibu dik li tfakkar il-vittmi tal-gwerra. Din il-qanpiena ma tinstabx fi knisja imma tinstab taħt il-barrakka ta’ isfel, fil-Belt Valletta, tħares fuq il-port il-Kbir. Din il-qanpiena kienet inawgurata mir-Reġina Eliżabetta fl-1992. Din inħademt mid-ditta Taylor, fiha għoli ta’ aktar minn 2 metri u diametru ta’ 264 ċentimeru. Tiżen madwar 12-il tunnellata, u skont il-ġurnal The Times, tat-13 ta’ Ġunju, 2012, din hija: the largest bell in Malta.

Ispirazzjoni
Kont miexi max-xatt tal-Birgu x’ ħin daqqet it-tmienja. Kont sewwasew quddiem l-arloġġ li hemm inti u dieħel lejn il-forti Sant’ Anġlu. Dan daqq tmien tokki biex juri l-ħin. Wieġbet il-Bażilika tal-Isla u komplew il-knejjes l-oħra tal-Kottonera. X’ melodija, xi ħlew ta’ daqq. L-iskop li dawn il-qniepen idoqqu fit-tmienja ta’ filgħodu huwa biex min jisma’ jiftakar li Alla tah il-grazzja jerġa jqum u jibda jum ġdid u għalhekk jagħmel sewwa jekk iroddlu ħajr. U fit-tmienja ta’ filgħodu għandna d-drawwa ngħidu l-Angelus. Niftakru fil-bidu ta’ dak li qegħdin niċċelebraw f’ dawn il-jiem, niftakru fit-tnissil ta’ Ġesù li jitwieled fil-milied.

Dawn il-qniepen lili spirawni biex nikteb dan l-artiklu. Hemm min sema’ qniepen u kien ispirat jagħmel xi ħaġa oħra. Albert  Albert Ketèlbey fl-1921 kien jinstab fil-ġżira ta’ Għawdex. Jingħad li darba f’ nofsinhar kien fix-xagħri u beda jisma’ għadd ta’ qniepen minn diversi kampnari ta’ knejjes differenti iħabbru li sar ħin l-ikel. Dan il-kompożitur Ingliż kien ispirat li jikteb biċċa mużika u hekk għamel. Din il-mużika hija l-famuża “Bells across the meadows”. Min jaf kemm oħrajn kienu spirati jagħmlu xi ħaġa wara li semgħu d-daqq tal-qniepen!

Tiskanta ħoss ta’ qanpiena kemm iġorr stejjer, simboli u tradizzjonijiet warajh. Issa huwa żmien il-qniepen, narawhom aktar spissi, nisimgħuhom aktar; ejjew nagħrfu sewwa xi jfissru dawn il-qniepen, il-qniepen tal-milied, ejjew inħalluhom idoqqu sabiex tabilħaqq iwasslu dak li jridu jwasslu, ejjew ngħidulhom: doqqu qniepen doqqu!


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 20 ta' Diċembru 2014