Il-jum tal-lum,
l-għada tal-Ġimgħa l-Kbira u lejlet l-Għid il-Kbir nistgħu ngħidu li huwa jum
ta’ skiet. Illum il-qniepen tal-knejjes ma jdoqqux. Sewwasew ilhom minn nhar
il-Ħamis filgħaxija ma jsemmgħu leħinhom, waqfu u f’ ċerti postijiet ħadet posthom
iċ-ċuqlajta. Illum huwa jum li donnu s-skiet isaltan kullimkien. Dan is-skiet
jinkiser illejla fid-daqq tal-glorja fejn il-ħbula tal-qniepen tal-knejjes
tagħna jinħallu mill-għoqda li saritilhom jumejn ilu u jħabbru li l-Knisja tkun
qed tiċċelebra l-qawmien ta’ Kristu mill-mewt.
Għalfejn jitwaqqfu l-qniepen?
Dejjem kelli
kurżità għalfejn il-qniepen ma jindaqqux
fil-Ġimgħa l-Kbira u f’ Sibt il-Għid. Min mhux midħla tal-Knisja jew ma
jappartjenix fiha għandu mnejn lanqas jagħti każ b’ din il-ħaġa. Interessanti
wkoll li f’ Ħamis ix-Xirka lanqas waqt il-konsagrazzjoni ma tindaqq il-qanpiena
ċ-ċkejkna mill-abbati iżda hemm ċuqlajta tal-injam u tindaqq hi. Imma għalfejn
il-qniepen ma jindaqqux?
L-ironija hi li l-qniepen jindaqqu
wkoll biex titħabbar xi mewt. Għad hawn parroċċi li jdoqquhom meta xi membru
tal-parroċċa jħalli din id-dinja. F’ mewt ta’ Papa, il-qniepen ta’ San Pietru
fil-Vatikan jindaqqu f’ mota li tħabbar il-mewt u l-bieb ċentrali tal-Bażilika
jingħalaq nofsu. F’ mewt bħal din, il-qniepen tal-knejjes tad-dinja kollha
jindaqqu b’ luttu għall-kap tal-Knisja. Matul il-konklavi, il-qniepen
tal-Vatikan ma jindaqqux iżda mal-ħatra ta’ Papa ġdid, wara d-daħna l-bajda
miċ-ċumnija tal-kappella Sistina, il-qniepen tal-Vatikan jindaqqu f’ mota ta’
ferħ.
Iżda llum ma jindaqqux qniepen! U
l-mistoqsija tiegħi bqajt ma sibtx tweġiba għaliha!
Storbju
Id-dinja tal-lum torrfilna ħajja
mgħaġġla. Mal-għaġla tad-dinja hemm marbut anke l-istorbju. Hawn wisq xi jtellifilna
l-konċentrazzjoni tagħna. Tant drajnieh l-istorbju li meta ma jkunx preżenti nħossu
n-nuqqas tiegħu. Araw iż-żgħażagħ fejn ifittxu ħafna minnhom: xi post fejn
jiltaqgħu, jiddevertu u jagħmlu l-istorbju. U aħna l-kbar se nitkażaw
biż-żgħażagħ? Konna bħalhom aħna wkoll u konna nagħmlu bħalhom u forsi għadna
nagħmlu bħalhom illum ukoll.
Is-suq ta' Porta Nolana f' Napli |
Aħna l-Maltin bħan-nies kollha
tal-Mediterran u aktar u aktar dawk tan-Nosfsinhar tal-Ewropa aħna xi ftit
storbjużi. Ħalli naqsam magħkom riflessjoni personali. Jien għext xi snin ġewwa
Napli. Kont immur fiċ-ċentru għal xi qadja. Kif kont noħroġ mill-istazzjon
tal-metrò, imsejħa Circumvesuviana, u ngħaddi għal Porta
Nolana, hemm tibda tisma’ għajat ta’ bejjiegħa. Hemm is-suq u kif ngħidu
aħna l-Maltin, l-għajat nofs il-bejgħ! Wara xi snin Napli mort għal xi snin
Bologna. X’ differenza. Hawn ma kontx ngħix wisq bogħod mis-suq li jarma fi Pjazza
kbira nhar ta’ Ġimgħa. F’ suq mimli bejjiegħa u xerrejja, ma kontx nisma’
storbju daqs kemm jagħmel bejjiegħ wieħed f’ Napli. Hija kwistjoni ta’
abitudni? Hija drawwa li n-nies tgħajjat biex tbiegħ u biex tixtri? Tiskanta x’
differenza bejn żewġt ibliet Taljani bi ftit mijiet ta’ kilometri jifirduhom!
Skiet
Is-skiet tista’ tapprezzah meta
ssibu għaliex meta tkun għaddej mgħaġġel bil-ħidma tiegħek, l-istorbju tant
tidraħ li lanqas jibqa’ jdejqek. Iżda meta ssib ruħek fis-skiet tinduna kemm
sirna ngħixu ħajja storbjuża.
Aħna drajna l-istrobju u kważi ma
noqgħodux mingħajru. Kemm-il darba nkunu d-dar nagħmlu xi ħaġa u nixgħelu
r-radju jew it-televiżjoni u nħalluhom mixgħulin minkejja li ma nkunux qed
nagħtu każ x’ qed jiġi mxandar. L-importanti li ma nkunux fil-kwiet. Iżda
mbagħad meta s-skiet infittxuh aħna stess u nsibuh hemm nibdew napprezzawh.
Dun Karm Psaila |
Niftakar f’ poeżija ta’ Dun Karm
Psaila. Din għandha isem interessanti għax il-Poeta Nazzjoanli tagħna taha żewġ
ismijiet: “Żjara lil Ġesù” u “Tifkiriet”. Il-poeta hawn jirrakkuntalna meta
warrab għal ftit mill-ġenn tal-ħajja u mar jimxi fil-kampanja, fis-skiet. Hemm
sab kappella u daħal fiha. F’ dawk il-waqtiet siekta tant ġewh tifkiriet
quddiem għajnejh. Ftakar fi ċkunitu, f’ommu u missieru u f’ bosta waqtiet minn
ħajtu. Fis-skiet sab lilu nnifsu għaliex bl-għaġġla tal-ħajja spiss jiġrilna li
anke lilna nfusna nitilfu, ninsew dak li aħna, dak li sawwarna biex aħna dak li
aħna. Iżda s-skiet iġibna f’ tagħna. Dun Karm f’ din il-poeżija aktar nistħajlu
pittur milli kittieb għaliex irnexxielu jpinġi l-ambjent li sab ruħu fih b’ mod
eċċellenti. Mhux ta’ b’ xejn hu l-Poeta Nazzjonali!
Kemm għandna bżonnu s-skiet aħna
wkoll! Illum huwa jum fejn donnha l-attività madwarna tkun anqas mis-soltu.
Id-dinja tibqa’ ddur u l-ħajja tkompli sejra, iżda fl-arja donnha tinħass xi
ħaġa differenti għad li kollox għadu l-istess bħalma kien is-Sibt li għadda.
Iżda llum huwa Sibt il-Għid. Għalhekk ma jindaqqux il-qniepen tal-knejjes biex
bis-skiet iħabbru d-difna ta’ Kristu u jfehmu lilna li għandna bżonn xi ftit
waqtiet ta’ skiet ukoll, ħaġa li kważi sirna nibżgħu minnha, iżda ladarba
nsibuha, anke jekk għal ftit, nibdew napprezzaw is-sbuħija tagħha. Iva is-skiet
huwa sabih ukoll!
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 15 ta' April 2017
Nessun commento:
Posta un commento