Nisimgħu bosta drabi
l-kelma sigurtà. Sigurtà fuq il-post tax-xogħol, sigurtà fit-toroq tagħna,
sigurtà fejn tinvesti flusek, sigurtà fil-familja, sigurtà ’l hemm u sigurtà ’l
hawn. Fi kliem aktar sempliċi, is-sigurtà ma hija xejn għajr is-serħan il-moħħ,
il-garanzija li wieħed jgħix bla nkwiet żejjed.
Sigurtà fil-pajjiż
Kull gvern huwa obbligat
jieħu ħsieb is-sigurtà taċ-ċittadini tiegħu. Is-sigurtà nazzjonali għandha tkun
priorità ta’ kull gvern li jeżisti fid-dinja, iżda sfortunatament dan mhux dejjem
huwa l-każ.
Huwa għalhekk li l-gvern
jipprovdi l-forza għaż-żamma tal-ordni. Huwa għalhekk li l-gvern jorganizza
l-korp tal-pulizija u l-armata għaliex dawn huma l-għodda li jassiguraw
is-sigurtà fil-pajjiż.
Kull ċittadin għandu
dritt jgħix b’ moħħu mistriħ f’ daru u f’ kull parti ta’ art twelidu. Kull
gvern huwa obbligat li jassigura dan is-serħan il-moħħ lil kull min jgħix f’
pajjiżu kif ukoll lil dawk li jżuru lil pajjiż.
Snin taċ-ċomb
Aldo Moro |
Sfortunatament ġieli
nisimgħu b’ każi fejn is-sigurtà f’ xi pajjiż donnha tgħib u ċ-ċittadin jibda
jgħix fil-biża’. Biex ma mmorrux wisq bogħod insemmu biss is-snin hemm imsjeħin
“taċ-ċomb” li għaddiet minnhom l-Italja. Is-snin sebgħin u l-bidu tas-snin
tmenin tas-seklu li għadda xejn ma kienu snin ta’ sigurtà fil-pajjiż ġar
tagħna. Xi wħud jemmnu li kollox beda qabel, sewwasew fis-sena 1969 meta sar
attakk terroristiku ġewwa Milan, imsejjaħ l-istraġi ta’ Piazza Fontana fejn
inqatlu 17-il ruħ u kienu feruti 88 oħra. Atti terroristiċi oħra seħħew fl-1970
f’ Gioia Tauro fejn mietu 6 u ndarbu 66, fl-1972 f’ Peteano fejn inqatlu 3 u 2
indarbu, fl-1973 sar attakk ieħor ġewwa
Milan din id-darba fil-Questura fejn tilfu ħajjithom 4 persuni filwaqt li 52
oħra kienu feruti. Fl-1974 sar attakk terroristiku ieħor fi Piazza della Loggia
ġewwa Brescia fejn inqtlu 8 min-nies u 102 ġew midrubin. Aktar tard dik is-sena
seħħet splużjoni fuq ferrovija li kienet sejra minn Ruma lejn Brennero. 12
spiċċaw bla ħajja u 105 feruti. Fl-1978 it-terrosrimu fl-Italja miss il-quċċata
meta nħataf lil Aldo Moro u wara 55 jum inqatel. Forsi l-akbar straġi f’ dawn
is-snin imdemmija saret fl-istazzjon tal-ferrovija ta’ Bologna fl-1980 fejn inqatlu 85 ruħ u mitejn spiċċaw
korruti.
Kemm demm inxtered, kemm nuqqas ta’ serħan
il-moħħ għaċ-ċittadini u kemm uġiegħ ta’ ras għall-mexxejja tal-pajjiż biex tinstab
triq li terġa’ ġġib is-sigurtà fin-nazzjon. U dan li semmejt seħħ biss
fl-Italja!
Madwar id-dinja llum
It-terroriżmu llum ma
għadx għandu fruntiera. Qegħdin ngħixu f’ dinja li donnha ma fiha sigurtà
mkien. Il-fatti mhux hekk. Minħabba attakki terroristiċi li seħħew f’ dawn
l-aħħar snin is-sigurtà qegħda tiżdied kullimkien imma t-terrorist dejjem
ifittex xi toqba minfejn jgħaddi.
Dawn l-aħħar ġimgħat rajt
b’ għajnejja kemm żdiedet is-sigurtà f’ ċerti pajjiżi li huma aktar fil-mira
tat-terroriżmu modern. Billi t-terroriżmu llum huwa mmirat lejn postijiet fejn
ikun hemm il-folol, il-gvernijiet qegħdin attenti biex il-kontrolli jiżdiedu
sewwa f’ postijiet biex ngħidu hekk, jaħarqu.
Sa ftit snin ilu biex
tidħol fil-bażilika tal-Vatikan kont tgħaddi minn metal detector u tibqa’ għaddej. Illum qed isir skrutinju akbar u
dak li kont tagħmel f’ ħames minuti illum għandu mnejn joħodlok sigħat. Biex
dħalt il-Vatikan il-Ħadd waranofsinhar kelli nistenna madwar sagħtejn. Veru li
kien hemm bosta pellegrini għax kien wasal tmien il-ġublew tal-ħniena, iżda
l-ħin biex wieħed jgħaddi mill-miżuri tas-sigiurtà żdied ħafna. Erġajt mort
wara tmiem il-ġublew u xorta l-ħin biex tidħol kien twil. L-istess nista’ ngħid
għall-bażiliċi prinċipali ta’ Ruma, San Giovanni tal-Lateran, Santa Maria
Maggiore u San Paolo fuori le mura qabel kont taqbad u tidħol, illum le, illum
trid tgħaddi minn post ta’ sigurtà biex tidħol.
Lourdes |
L-istess ħaġa nista’
ngħid għas-santwarju ta’ Lourdes fi Franza. Hawnhekk tassew li ma hemmx metal detector biex tidħol iżda innutajt
li barra l-gradi ewlenin biex tidħol fl-akwata tas-santwarju hemm blokki kbar
tal-konkrit u l-gradi ma jinfetħux kollha iżda nofshom biss. Żgur li dawn huma
miżuri ta’ sigurtàli l-gvern Franċiż qed jieħu biex jipproteġi liċ-ċittadini u
lil dawk li jżuru dan il-post.
Jalla ma jdumx ma jgħaddi
dan iż-żmien ta’ tensjoni li qegħdin ngħixu bħalissa, sewwasew kif għaddew
is-snin taċ-ċomb fl-Italja. Jalla nitgħallmu minn dan iż-żmien, jalla dawk li
tilfu ħajjithom fl-atti terrorisitċi li seħħew fl-Ewropa dawn l-aħħar snin ma
jkunux tilfuha għalxejn. Jalla s-sigurtà tibqa’ tikber u tiżdied biex kull
ċittadin iħoss li jkun jista’ jgħix fis-sigurtà, ikun jista’ jivjaġġa u
jiddeverti bla biża’. Nemmen li għad jiġi dan iż-żmien għax is-sewwa dejjem
joħroġ rebbieħ fuq il-ħażin, imma l-prezz tar-rebħa tas-sewwa huwa għoli.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 29 ta' April 2017
Nessun commento:
Posta un commento