Metru pizza |
Xi snin ilu kont mistieden id-dar ta’ familja ħabiba tiegħi ġewwa Napli. Ma
kinitx l-ewwel darba li mort niekol għandhom iżda din id-darba kienet
differenti għax konna sejrin inkunu numru kbir ta’ mistednin u familjari. Anna,
il-koka u dik li stednitni ġewwa darha, x’ ħin wasalt id-dar tagħha qaltli li
f’ dik il-lejla ma kienet preparat xejn għall-ikel, mhux bħalma tagħmel
is-soltu, iżda kienu ordnaw ma nafx kemm-il metru pizza mingħand ħanut u
kellhom iġibuha fil-post tal-ħanut stess. Qaltli li minħabba li konna ser
inkunu ħafna ma setgħet issib xejn xi ssajjar u li jogħġob lil kulħadd, għax
min ma jħobbx ħaġa u min ma jħobbx oħra u kieku kellha toqgħod issajjar borma
differtenti għal kulħadd lanqas ħanut borom ma kien iserviha. Allura għażlet li
sservi l-pizza għax din kulħadd iħobbha. U tabilħaqq li kulħadd iħobbha l-pizza
għax minn xi tnax-il metru ma ħallejniex ċentimetru! Qiegħed insemmi l-metri
tal-pizza għaliex Napli ssib ħwienet li jbiegħu pizza twila bejn wieħed u ieħor
metru.
Ħobż ċatt
Ftira Maltija |
Il-ħobż huwa wieħed mill-ikliet l-aktar antiki u l-istoriċi jaħsbu li kien
diġà jittiekel fiż-żmien Neolitiku, forsi bejn 11 jew 12-il elf sena ilu.
Mal-medda taż-żmien dan il-prodott beda jkun miżjud diversi ingredjenti biex
jieħu togħmiet differenti. Xi arkeoloġiċi Taljani u Franċiżi sabu ġewwa l-gżira
ta’ Sardegna, tip ta’ ħobż moħmi li għandu madwar 3,000 sena. Skont dawn
l-istudjużi dan il-poplu kien diġà juża l-ħmira.
Il-Griegi tal-qedem kienu jsajru tip ta’ ħobż ċatt li mbagħad kienu jżidu
fuqu tewm u basal. Jingħad ukoll li s-Sultan tal-Persja, Darju l-Kbir, li mexxa
pajjiżu bejn wieħed u ieħor bejn is-snin 521 u 486 qabel Kristu, kien jaħmi
ħobż ċatt li fuqu kien iżid ġobon u tamar. Il-poeta Virgilio, li għex fis-seklu
ta’ qabel Kristu, ukoll isemmi l-ħobż li kien jittiekel ma’ ikel ieħor
fil-poema tiegħu l-Eneide.
Dan it-tip ta’ ħobż ċatt insibuh spiss fil-Mediterran. Biżżejjed niftakru
fil-ftira Maltija, li minkejja ssir mill-istess għaġina tal-ħobża Maltija,
għandha togħma differenti ħafna. Forsi ftit huma dawk li ġielu daqu ftira
midluka bil-butir hekk kif tkun għadha kif ħarġet mill-forn! Lanqas timmaġina
xi tjubija fiha din l-ikla sempliċi. L-Italja għandhom il-focaccia li hija
simili għall-pizza iżda mhux bit-tadam u l-ingredjenti l-oħra. Din ilha
popolari f’ dik l-art sa minn żmien l-Etruski, bejn 700 u 250 sena qabel
Kristu. Fin-naħa ta’ Bologna hemm id-drawwa tal-piadina, biċċa għaġina tal-ħobż
moqlija fiż-żejt taż-żebbuġa u kif tkun għadha sħuna tinfetaħ b’ sikkina u
tintela bil-mortadella. Niggarantilkom li
hija xi ħaġa tabilħaqq tajba. Fil-Katalunja u fi nħawi oħrajn ta’ Spanja,
insibu l-coca li tixbaħ ħafna l-pizza. Dan it-tip ta’ ikel jista’ wkoll ikun
forma ta’ ħelu, jiddependi mill-mili li wieħed jitfa’ fuq l-għaġina. Fil-Greċja
u anke fit-Turkija huwa popolari l-ħobż ċatt li jissejjaħ pita. Dan jinfetaħ u
jimtela b’ ingredjenti differenti skont il-gosti ta’ dak li jkun.
F’ xi partijiet oħra tad-dinja wkoll insibu xi ħaġa simili. Fl-Indja u
fil-pajjiżi qrib bħal Pakistan, insibu l-paratha, ħobż ħafif li wkoll jista’
jintela skont ix-xewqa ta’ min ser jieklu. Naqsmu d-dinja mmorru l-Finlandja
fejn għandhom ir-rieska, ħobż ċatt magħmul mix-xgħir u l-patata
Il-belt tal-pizza
Minkejja li l-pizza ssibha madwar id-dinja kollha u varjanti tagħha wieħed
jista’ jsib ukoll, bħalma għidna diġà, iżda l-belt magħrufa mad-dinja kollha
għal dan l-ikel hija Napli. Jingħad li l-ewwel darba li żdiedet iz-zalza
tat-tadam fuq l-għaġina tal-ħobż kien madwar nofs is-seklu XVI fir-renju ta’
Napli. Dan jemmnuh in-Naplitani kollha u jiftaħru bih ukoll.
Ir-Reġina Margerita ta' Savoia |
Il-pizza għamlet ukoll suċċess mal-familja rjali Taljana. Tant hu hekk li
fl-1889 il-pizzar Rafel Esposito iddedika tip ta’ pizza ġdida għar-Reġina Margerita
ta’ Savoia. Dan il-pizzar poġġa fuq l-għaġina tadam, mozzarella u weraq
tal-ħabaq, - aħmar, abjar u aħdar sewwasew l-ilwien tal-bandiera Taljana. Minn
hemm twieldet il-pizza Margerita! Dana ma jfissirx li qabel ma kinitx issir din
it-tip ta’ pizza imma ma kienx jisimha hekk.
Ehh bilħaqq! Jekk tkunu Napli u tordnaw pizza marinara, tistennewhiex
bil-gambli u l-frott tal-baħar bħalma aħna mdorrijin biha hawn Malta.
Għan-Naplitan marinara tfisser sempliċi, ħobż u zalza tat-tadam biss. Qed
ngħidilkom mill-esperjenza! Jekk trid marinara, f’ Napli itlob Frutti di Mare!
Fil-bidu tas-seklu XX bdew jiftħu bosta pizzeriji ġewwa Napli. Xi wħud
minnhom għadhom miftuħin sal-ġurnata tal-lum u jiftaħru li huma l-originali.
Is-sigriet tal-pizza Naplitana ma nafx x’inhu għax kull pizzar isibu u ma
jgħidu lil ħadd. Naf biss li hemm sigriet li jafu kulħadd: il-pizza ma ddumx
aktar minn tliet minuti fil-forn u dan jagħmel il-pizza Naplitana dik li hi.
Nessun commento:
Posta un commento