venerdì 12 maggio 2017

Meta tikkarga s-sħana

Ninsabu f’ nofs Mejju u bejn wieħed u ieħor f’ nofs ir-Rebbiegħa, żmien li la nistgħu ngħidu jkun ksieħ u lanqas sħana biss bħalissa resqin lejn is-sajf u nafu s-sajf Malti x’ joffri anzi din is-sena diġà doqna xi ftit mis-sajf.

Sajf u xitwa
Jien dejjem ngħid li nippreferi x-xitwa mis-sajf. Fix-xitwa l-kesħa tilbsilha imma s-sħana b’ xi mod tolqtok żgur għax veru li llum ħafna minn djarna huma armati bl-arja kkondizzjonata u l-istess huma l-karozzi, imma ħajjitna ma nistħgux ngħadduha d-dar u fil-karozza u f’ dawk il-postijiet fejn hemm l-arja kkundizzjonata biss. Naf li ħafna ma jaqblux miegħi u jien napprezza l-ġosti u l-opinjoni tagħhom. Hekk hi d-dinja, min iħobb ix-xitwa u min iħobb is-sajf. Ħaġa li rridu nifhmu hi li matul is-sena hemm żmien li nkun ferħan jien u hemm żmien li jkun ferħan ħaddieħor – hemm żmien li ngorr jien u hemm żmien li jgerger ħaddieħor. Din hija realtà li ħadd ma jista’ jgħid li mhux veru għax hija n-natura. Biex inkun ġust irrid ngħid li hemm xi ħwejjeġ li nħobbhom fl-istaġun sajfi bħalma huma l-festi tagħna u n-nuqqas ta’ karozzi fit-toroq fix-xhur li l-iskejjel ikunu magħluqin.

Tisħon ir-ras
Meta x-xemx tibda tiżeġ bil-qawwi, f’ pajjiżna għandna xi jkompli jsaħħan l-irjus. Il-festi parrokkjali ġieli jsiru areni ta’ konflitti u battibekki, ġlied, tgħajjir, insulti u ma nafx xiex aktar. Nemmen li s-sħana tas-sajf tagħna ma tikkalmax lil demmna anzi aktar tkompli tikkargah u ġieli jkun hawn min jispiċċa jaqbeż il-limitu.

Il-festi tagħna inħolqu bħala ritwal reliġjuż iżda l-evoluzzjoni tagħhom ħadd ma seta’ jżommha għaliex aħna l-Maltin għandna karattru festiv forsi xi ftit eċċeesiv. Billi l-maġġoranza tal-festi jsiru fis-sajf, is-sħana għandha mnejn  tkompli ssaħħnilna rasna u nispiċċaw immorru wisq bogħod minn dak li għalihom inħolqu l-festi tagħna. Il-kompetizzjoni bejn il-festi irrendiet li dawn il-festi jsiru dak li huma llum, patrimonju uniku ta’ livell għoli li jinkludi bosta snajja u arti. Iżda maż-żmien il-kompetizzjoni saret pika u l-pika ġieli saret għira u l-għira ġieli nbiddlet f’ mibgħeda. U hawn hu l-agħar għax il-mibgħeda u s-sħana tas-sajf jafu jkunu żewġ elementi perikolużi ħafna meta jitħalltu flimkien. Jistgħu jsiru bomba qawwija li tisplodi u għandha mnejn tweġġa’ lil bosta nies!

Mela tajjeb noqgħodu attenti biex f’ dawn il-festi niddeveru aħna u nirrispettaw lil ħaddieħor meta jkun qed jiddeverti. L-istess bħas-sajf u x-xitwa, illum tifraħ inti għax tħobb is-sajf u għada nifraħ jien għax għax ikun wasal l-istaġun li nħobb jien.

Elezzjoni ġenerali
Issa din is-sena għandna aktar xi jsaħħnilna rasna fil-bidu tas-sajf. Il-gvern sejjaħ elezzjoni ġenerali fil-bidu ta’ Ġunju. Tassew li jkun għadu ma bediex uffiċjalment is-sajf iżda s-sħana tkun bdiet. Jekk fejn jidħlu l-festi parrokkjali nsibu lil min ma jinteressawhx, f’din tal-elezzjoni ġenerali ma tantx hawn min jiġi jaqa’ u jqum minnha. L-istatistiċi dejjem urewna li l-Maltin huma l-aktar poplu Ewropew li joħroġ jivvota. Fl-ebda pajjiż Ewropew ma ssir elezzjoni u jkollha konkorrenza ta’ aktar minn 90% ta’ dawk eliġibbli għall-vot ħlief f’ pajjiżna. Dan huwa sinjal tajjeb ukoll għaliex juri li l-poplu jagħti każ u jinteressa ruħu f’ min għandu jmexxih.

L-istorja politika moderna ta’ artna hija kkarattarizzata minn żewġ partiti kbar. Xi partiti żgħar ġieli kellhom xi siġġu imma minn wara l-Indipendenza ’l hawn kienu l-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista li ddominaw ix-xena politika tagħna.

Ninsabu f’ kampanja elettorali u ninsabu resqin lejn is-sajf. Il-klima politika ilha tinħass li qed tisħon, issa tibda tilħaq gradi għolja, nispera li ma jkunux eċċessivi. Elezzjoni ġenerali hija eżerċizzju l-aktar naturali f’ sistema politika demokratika u għalhekk għandha tittieħed mill-votant bħala att li fih jesprimi bi dritt l-opinjoni tiegħu. Iżda ma rridux nisew li mhux kulħadd għandu l-opinjoni politika tiegħi. Membri tal-familja tiegħi, ħuti, il-mara, uliedi, ħbiebi, il-kollegi tax-xogħol jistgħu jkunu jħaddnu kulur politiku divers minn dak tiegħi. Ma jistax ikun noqgħod niġġieled. Jien għadni dritt għall-opinjoni tiegħi u għandi nagħti dritt lilek li jkollok opinjoni differenti. Sfortunatament il-karattri tagħna l-Maltin ma tantx jifhmu dan il-kunċett! Iżda hawn erġajna għal darba oħra nġibu l-eżempju tas-sajf u x-xitwa. Min hu blu u min hu aħmar u min hu oranġjo u min aħdar u min ma nafx x’ kulur għandu! Imma għandna lkoll nirrispettaw l-opinjoni ta’ xulxin.

Ejjew ma nħallux is-sħana tas-sajf ittellifna mill-paċi. Ejjew ingawdi l-festi tagħna bil-kwiet bla insulti lil ħadd. Ejjew immorru neżerċiaw id-dritt tal-vot b’ serentità bla ma nħallu lil rasna tisħon iżżejjed minkejja li qed tikkarga s-sħana!


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 13 ta' Mejju 2017





Nessun commento:

Posta un commento