mercoledì 17 maggio 2017

It-tfal tal-Madonna

Ix-xbieha tal-Madonna fuq siġra u tlett itfal għarkupptejhom taħt is-siġra hija xbieha familjari għalina, l-aktar din is-sena li qegħdin niċċelebraw l-ewwel ċentinarju mid-dehriet tal-Madonna ġewwa l-medda art imsejħa Cova da Iria fir-raħal ta’ Fatima ġewwa l-Portugall. Huwa fatt kurjuż kif Marija Santissima għażlet tfal żgħar biex twassal messaġġ lid-dinja kollha. Ir-raġuni tgħidilna li kieku d-dehriet b’ messaġġ saru lil xi persuna adulta kienet tkun aktar ħaġa li nifhmuha. Iżda l-magħżulin għal dawn l-avvenimenti tas-sema kienu Luċija tifla ta’ għaxar snin, kuġinuha Franġisku li fl-ewwel dehra fit-13 ta’ Mejju 1917 kien għadu ser jagħlaq disa’ snin u oħtu Ġjaċinta ta’ seba’ snin.


Il-fatt li l-Madonna tidher lil tfal biex twassal xi messaġġ ma ġarax biss ġewwa Fatima imma insibuh f’ dehriet oħrajn. Ejjew naraw ftit xi dehriet tal-Madonna, approvati mill-Knisja li l-viżjonarji tagħhom kienu tfal.

Laus
Benoîte Rencurel kienet xebba ta’ sbatax-il sena mir-raħal Saint-Étienne-le-Laus, fi Franza. Din kienet tirgħa l-merħla tal-wieħed raġel mir-raħal stess. Kienet ilha taħdem miegħu minn meta kellha tnax-il sena. F’ Mejju tas-sena 1664, waqt li kienet tiegħa bdiet ixxomm riħa tfuħ. Bdiet iddur biex tara minn fejn kienet ġejja dik ir-riħa u sabet li l-kurċifiss li kien hemm fuq il-muntanja fejn kienet, kien qed inixxi d-demm u r-riħa tfuħ kienet ġejja minnu. Wara dan kellha bosta dehriet minn Marija Santissima. Dawn id-dehriet baqgħu sejrin sas-sena 1718, meta mietet Benoîte. Il-messaġġ li talbet il-Madonna f’ dawn id-dehriet kien biex jinbnew knisja u dar għas-saċerdoti u biex l-Insara jikkonvenrtu u jersqu aktar lejn is-sagramenti speċjalment dak tal-qrar. Dawn id-dehriet kienu uffiċjalment aċċettati mill-Isqof tad-Djoċesi fis-sena 2008.

La Salette

Fl-1846 ġewwa La Salette, raħal Franċiz, żewġt itfal kienu qed jirgħu l-merħla tal-familji tagħhom kellhom dehra ta’ “Waħda mara sabiħa”. Kien is-sibt 19 ta’ Settembru dakinhar tad-dehra. Maximin Giraud kellu ħdax-il sena filwaqt li Mélanie Calvat kellha kważi ħmistax-il sena. Il-messaġġ ta’ dawn id-dehriet Marjani kien wieħed li jħeġġeġ għall-konverżjoni u t-talb. Fl-1851 il-Papa Piju IX approva l-kult tal-Madonna ta’ La Salette.





Lourdes

Fl-1854 il-Papa Piju IX ipproklama d-domma tal-Immakulata Kunċizzjoni. Erba’ snin wara, ġewwa Masabielle, qrib ix-xmara Gave, qrib ir-raħal ta’ Lourdes fi Franza, Bernardette Soubirous, tifla ta’ erbatax-il sena kellha dehriet mill-Madonna. Kienu tmintax id-dehriet li seħħew bejn il-11 ta’ Frar u s-16 ta’ Lulju tas-sena 1858. Marija talbet li f’ dak il-post tinbena knisja u affermat id-domma ta’ fidi li Marija kienet meħlusa mid-dnub tan-nisel. Fl-1860 dawn id-dehriet kienu approvati mill-Knisja lokali.






Pontmain

Nhar is-17 ta’ Jannar, filgħaxija, żewġ aħwa subien kienu qed jgħinu lil missiehom fir-razzett meta l-kbir, Eugène Barbadette , ta’ tnax-il sena, ħareġ ftit barra. Hekk kif ħares lejn is-sema ra dehra ta’ mara sabiha. Il-mara tbissmiltu, kellha libsa kaħla bi kwiekeb tad-deheb fuqha. Huwa għajjat lil dawk li kien hemm fir-razzett biex jiġu jaraw din id-dehra huma wkoll. Ħuh Joseph ra d-dehra iżda l-kbar ma setgħu jaraw xejn. Il-ġenituri tat-tfal sejħu soru iżda lanqas din ma setgħet tara xejn iżda żewġt itfal oħra, Françoise Richer u Jeanne-Marie Lebosse bdew jaraw dik id-dehra. Issa keinu inġabru għadd ta’ persuni barra r-razzett tal-familja Barbadette u bdew jgħidu r-rużarju. Il-Madonna qalet lit-tfal biex jgħidu lil ġemgħa biex ma taqtax qalbha, (dak iż-żmien Franza keinet fi gwerra mal-Prussja) u biex titlob ħafna. Din id-dehra baqgħet magħrufa bħala l-Madonna ta-Tama. Sena wara l-Knisja tat l-approvazzjoni tagħha għal din id-devozzjoni.

Knock

Fl-1879 ġewwa Knock fl-Irlanda seħħet dehra. Kien il 21 ta’ Awwissu meta l-fattiga tal-kappillan ta’ dan ir-raħal rat dawl qawwi barra l-knisja. Dakinhar seħħet dehra ta’ Marija, San Ġużepp u San Ġwann Evanġelista. Din ma kinitx dehra li rawha t-tfal biss għaliex inġabret folla kbira titlob quddiem il-knisja. L-iżgħar persuan li rat din id-dehra kellha sittt snin filwaqt li l-akbar waħda kellha ħamsa u sebgħin sena. Il-Knisja lokali ma damitx ma approvat din id-dehra u ħeġġet id-devozzjoni lejn dan il-post.






Beauraing

Bejn Novembru tas-sena 1932 u Jannar ta’ wara ġewwa Beauraing fil-Belġju seħħew 33 dehra Marjana. Il-viżjonarji kienu Fernande Voisin ta’ ħmistax-il sena, Andree Degeimbre ta’ erbatax-il sena u oħtha Gilberte Degeimbre ta’ disa’ snin, Albert Voisin ta’ ħdax-il sena u Gilberte Voisin ta’ tlettax-il sena. Fid-29 ta’ Novembru dawn il-ħamest itfal kienu għaddejjin minn quddiem niċċa tal-Madonna ta’ Lourdes li hemm fl-istazzjon tal-ferrovija u hemm seħħet l-ewwel dehra. Kien Albert l-ewwel li ra dehra. Dehret Mara liebsa l-abjad li kellha qalb tad-deheb fuq sidirha. Marija qalet lit-tfal li hija tista’ tikkonverti lil midimbin. Fl-1949 dawn id-dehriet kienu approvati. Din id-devozzjoni tissejjaħ Il-Madonna tal-Qalb tad-Deheb.

Banneux

Fl-1933 ġewwa Banneux fil-Belġju tifla ta’ tnax-il sena kellha xi dehriet. It-tifla, Mariette Beco, kellha tmien dehriet bejn il-15 ta’ Jannar u t-2 ta’ Marzu. L-ewwel dehra seħħet meta t-tifla kienet id-dar qed tħares mit-tieqa tal-kċina ’l barra. Il-Madonna dehret liebsa l-abjad b’ faxxa kaħla madwar qaddha. Hija qalet lit-tifla “Jiena intaffilkom it-tabtija, Emmnu fija u jien nemmen fikom”. F’ waħda mid-dehriet il-Madonna talbet lit-tifla ddaħħal idejha f’ ilma ta’ nixiegħa li kien hemm u qalltilha li dak lilma kien jista’ jfejajq lin-nazzjonijiet kollha. Huwa għalhekk li din id-devozzjoni għandha żewġ isimijiet: Il-Madonna tal-foqra u l-Madonna Sultana tan-Nazzjonijiet. Fl-1949 dawn id-dehriet keinu approvati mill-Knsija Kattolika.



Dawn huma kollha dehriet Marjani li fihom kienu protagonisti t-tfal. Min jaf għalfejn? Forsi għax it-tfal jgħidu l-verità, forsi għax huma bla ħażen, forsi għax jekk jigdbu jinqabdu mill-ewwel!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher fil-programm tal-festa. Madonna ta' Fatima Pietà / G' Mangia 2017

Tistgħu taraw il-programm kollu



















Nessun commento:

Posta un commento