Visualizzazione post con etichetta pika. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta pika. Mostra tutti i post

sabato 9 luglio 2022

Festi tagħna bla piki

Nimmaġina li min qara l-isem ta’ dan l-artiklu llum jaħseb li qed inħoss moħħi jew qed noħlom imqajjem, jew li ngħix fl-isħab. Biss serraħ rasek, jekk ħsibt hekk għandek żball. Festi Maltin bla piki hija ħolma u forsi xewqa ta’ ħafna li għandhom għal qalbhom il-festi tadizzjonali li aħna l-Maltin tant aħna famużi għalihom. Li tgħid li jkollok festi bla piki hija utopija. Utopija huwa post jew stat ta’ ħajja li fiha jkun jimxi kollox fuq ir-rubini, fejn kollox ikun perfett. Post jew stat bħal dan nafu li ma jeżistix. Fil-fatt l-istess kelma ġejja minn żewġ kelmiet Griegi, OU, li tfisser le u TOPOS li tfisser post, post li ma jeżistix. Kien Sir Thomas More l-ewwel li uża din il-kelma fl-1516 meta ppubblika ktieb b’dan l-isem li fih ikkompara l-qagħda ekononika u soċjali tal-Ewropa ma’ dik ta’ gżira fittizja, li ma teżistix, immaġinarja. Intant issa li fhimna sewwa x’inhi utopija nerġgħu lura għall-festi.

Pika u kompetizzjoni

Xi snin ilu kienu intervistawni stazzjon tat-televiżjoni Malti u fost mistoqsijiet oħra staqsewni dwar il-piki. Jien weġibt li l-piki għandhom il-pożittiv tagħhom ukoll u fissier għaliex kont qed ngħid hekk. Jekk int tagħmel bandiera jien nipprova nagħmel bandalora. Meta inti tara l-bandalora tiegħi tipprova tagħmel xi ħaġa aqwa u tfassal pavaljun, u hekk nibqgħu sejrin. Biss din ma hijiex pika ħażina, din mhux dik il-pika li ġġib ġlied, għira, mibgħeda, tgħajjir u x’naf jien, din hija kompetizzjoni. Fl-aħħar mill-aħħar kompetizzjoni bħal din tista’ tkun tajba għax tħajjar lil min għandu xi talent biex iħaddmu. Għax ikollna ngħidu kollox, f’pajjiżna l-festi huma l-vetrina tat-talent Malti, u nistqarru li pajjiżna huwa għani fejn jidħlu dawn it-talenti.

Il-Malti jgħid li l-piki jaqtgħu l-aptiti u dan huwa qawl mimli għerf. Jekk dak li jsir ikun sar b’pika malizjuża akarx li ma jkollux tmiem sabiħ, biss jekk issir b’kompetizzjoni r-riżulati jkunu isbaħ u akbar.

Mhux illum

Ritratt antik ta' Ħal Qormi fil-festa

Il-piki bejn il-festi tagħna mhix xi ħaġa tal-lum u biex nurikom kemm dan hu minnu nixtieq naqsam magħkom storja li ilni ħafna li smajt. Din titratta l-festa ta’ San Ġorġ ta’ Ħal Qormi u dik ta’ San Filep ta’ Ħaż-Żebbuġ – żewġ irħula ġirien li fl-imgħoddi kienu magħrufin għall-kompetizzjoni bejniethom fejn jidħlu l-festi, kompetizzjoni li ġieli nbidlet f’pika. Qed insemmu żmien meta l-festi kienu jsiru f’nharhom, jiġifieri San Ġorġ fit-23 ta’ April u San Filep fit-12 ta’ Mejju.

Ritratt antik ta' Ħaż-Żebbuġ fil-festa
Jingħad li darba, fil-festa ta’ San Ġorġ, xi ħadd minn Ħaż-Żebbuġ niżel kmieni filgħodu Ħal Qormi u daħal fil-knisja u tefa’ trab aħmar fil-fontijiet tal-ilma mbierek. Billi dak iż-żmien il-quddies kien jibda kmieni ħafna u d-dawl fil-knisja kien ikun skars ukoll, kull min daħal biex jisma’ l-quddies tal-festa u daħħal sebgħu fl-ilma mbierek, spiċċa b’salib aħmar fuq moħħu. Biex jitpatta dak li kien sar, meta x-xahar ta’ wara waslet il-festa ta’ San Filep, xi Qriema telgħu Ħaż-Żebbuġ b’għadd ta’ għasafar tal-bejt maqfulin f’xi gaġġa u moħbijin f’xi xkora. Dawn daħlu fil-knsija ta’ San FIlep u taw il-ħelsien lil dawk l-għasafar. Tistgħu timmaġinaw!

Irrakkuntajt din l-istorja, li biex ngħid id-dritt ma nafx jekk hix minnha jew jekk hix xi ħlieqa, biex nurikom li l-pika fil-festi ma hijiex xi fenomenu kontemporanju.

Fuq xiex ma’ naqblux

Jgħidu li aħna l-popli tal-Mediterran dejjem irridu nsibu xi ħaġa li ma naqblux fuqha u jekk ma nsibux naraw x’nivvintaw biex ma naqblux. Biss dan ma jfissirx li billi jkun hemm nuqqas ta’ ftehim bejn żewġ partijiet irid ikun hemm gwerra. Tiskanta kif ċerti stejjer ta’ piki jibdew minn ħaġa żgħira, minn ħmerija imma biż-żmien il-partijiet jinqasmu u jitbegħdu. U b’hekk spiċċajna fejn spiċċajna, b’tal-aħmar u tal-aħdar, b’ta’ fuq u ta’ isfel, b’tal-baqra u tal-bajda, b’tal-bagri u b’tal-agħma, b’tal-werqa u tal-istilla, b’tat-tnax u b’tal-ħodor u nistgħu nibqgħu sejrin hekk, b’litanija sħiħa ta’ laqmijiet jew ismijiet li ma tispiċċa qatt.

F’demmna

Allura nispiċċa ngħid bejni u bejn ruħi: “allura l-piki qegħdin f’demmna, jinsabu fid-DNA ta’ dal-ġens?” Għax jekk noqgħodu naħsbu l-festi Maltin ma huma xejn għajr mera tal-ħajja tagħna għax hemm bosta okkażjonijiet oħra fejn indaħħlu l-piki bejnietna, ngħidu aħna fuq il-libsa tal-preċett tat-tifla, fuq il-marka ta’ karozza li nixtru, fuqil-vaganzi li nqattgħu fix-xhur tas-sajf, fuq il-btajjel u s-safar li nagħżlu. U hawn ukoll nistgħu nibqgħu sejrin b’lista twila oħra.

Imma nistgħu nagħmlu kompetizzjoni bla ma noffendu lil xulxin, bla ma ngħajru lil xulxin, bla ma ninsulentaw lil xulxin. Biex nuri kemm jien kbir ma hemmx għalfejn nuri kemm inti żgħir għax żgur li jekk hemm min hu iżgħar minni, xi mkien hemm min hu akbar minni wkoll.

Utopija jew ħolma sabiħa. Imma kieku nitgħallmu l-pika nibdluha f’kompetizzjoni sana nemmen li jkun ta’ ġid kbir għall-festi tradizzjonali tagħna l-Maltin.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 9 ta' Lulju 2022




sabato 9 giugno 2018

San Filep jidħol fil-folklor Malti


Tassew li l-qaddis tagħna ma huwiex Malti imma nistgħu ngħidu li llum insibuh ukoll imdaħħal b’xi mod fil-folk tagħna billi aħna l-Maltin għandna qawl li jsemmi lil San Filep.

Minn qatt ma semgħu l-qawl: Viva San Filep, la x-xitan irid hekk­? Imma kemm minna qatt ħasbu dwar kif oriġina dan il-qawl? Jien darba kont staqsejt għalfejn jingħad hekk u kienu qaluli storja. Jekk hijiex minnha jew le ma nafx, imma kif qaluha lili ser ngħidha lilkom.

Il-pika u r-rivalità bejn il-festi mhix xi ħaġa tal-lum, anzi jista’ jkun li qabel kienet aktar mil-lum għax il-Malti ma kellux fiex jehda u għalih il-festa tar-raħal kienet kollox. Sejjaħtihom pika u rivalità għax aktar naħseb huma hekk milli kompetizzjoni. Ma nkunu qed nikxfu l-ebda sigriet jekk ngħidu li snin ilu ir-raħal ta’ Ħaż-Żebbuġ kien impikat mar-raħal ġar tiegħu Ħal Qormi. Billi dawn huma żewġt irħula kbar u antiki, fihom minn dejjem kienu jsiru festi kbar u għaż-Żebbuġin u għall-Qriema, San Filep u San Ġorġ ma joqgħod xejn ħdejhom, għalhekk il-piki qatt ma setgħu jonqsu. Kulħadd jixtieq li l-festa tiegħu tkun aqwa minn tal-ġirien  u b’hekk nibtet u kibbret ir-rivalità bejn il-Qriema u ż-Żebbuġin.

Il-misraħ tal-Vitorja Ħal Qormi, fejn il-Qriema
kienu jwaqqfu liż-Żebbuġin fi triqithom lejn ix-xatt
Issa rridu niftakru li bosta Żebbuġin kienu jaħdmu x-xatt jew kienu jinżlu għan-negozju hemmhekk. Filgħodu kmieni kienu jerħuha jew bil-mixi jew fuq xi ħmar lejn ix-xatt tal-Marsa jew il-Belt Valletta. Mir-raħal kienu jinżlu Ħal Qormi, jgħaddu jieħdu xi tazza te mingħand xi ħanut li jkun diġa fetaħ għax-xogħol u jibqgħu sejrin lejn xogħolhom ma’ sħabhom Qriema li kienu jaħdmu x-xatt ukoll. Iżda fix-xahar ta’ April din il-ħaġa ma kinitx tibqa’ ssir. Jingħad li meta l-Qriema kienu jibdew jarmaw għall-festa ta’ San Ġorġ, li kienet issir fit-23 ta' April, ma kinux iħallu liż-Żebbuġin jgħaddu minn ġewwa r-raħal, mill-parti magħrufa bħala fejn il-Vitorja għaliex kienu jibżgħu li minħabba r-rivalità kien ikun hemm xi wieħed nofs ras li jagħmel ħsara fl-armar. Jingħad li kienu jistennew liż-Żebbuġin fit-tarf tar-raħal u jgħidulhom jgħaddu minn qalb l-għelieqi u mhux mill-qalba ta’ Ħal Qormi.

Ix-xahar ta’ April jgħaddi u miegħu tgħaddi wkoll il-festa ta’ San Ġorġ u kif jintemm dan ix-xahar jibda Mejju li jġib miegħu l-festa ta’ San Filep, il-qaddis patrun taż-Żebbuġin. Issa l-ħaddiema tax-xatt minn Ħaż-Żebbuġ kienu jfittxu x-xoqqa f’moxtha biex ipattuha lil sħabhom Qriema, imma l-Qriema ma kienux jgħaddu minn Ħaż-Żebbuġ biex imorru għax-xogħol. Allura meta x-xatt kien ikun hemm xi ċorma Żebbuġin u kienu jilmħu xi ħaddiem bħalhom minn Ħal Qormi kienu jduru miegħu u jgħidulu: “Għid Viva San Filep għax inkella ma nħallukx tibqa’ sejjer.” Mal-folla mhux ta’ min joħodha u għalhekk kien hemm xi Qriema li kienu jgħidu dak li jitolbuhom ilissnu sħabhom iż-Żebbuġin, imma kien ikun hemm min hu aktar akkanit u għalih li jgħid “Viva San Filep” kien ikun qisu qed jagħmel xi dnub mejjet, għalhekk kien jgħid: “Viva San Filep” u minn taħt l-ilsien ikompli “la x-xitan irid hekk!”

Ir-rivalità bejn Ħaż-Żebbuġ u Ħal Qormi llum spiċċat għal kollox, forsi bdiet tgħosfor mat-twaqqif tal-parroċċa ta’ San Bastjan fl-1936. Issa l-Qriema Ġorjaniżi kellhom ma’ min jimpikaw eqreb miż-Żebbuġin! Hu x’inhu, il-qawl: Viva san Filep, la x-xitan irid hekk, baqa magħna minkejja li spiċċat il-pika. Dan il-qawl ifisser bejn wieħed u ieħor l-istess bħalma tfisser l-idjoma: tbus l-id li tixtieq maqtugħa; jiġifieri kultant ikollok tagħmel anke dak li ma tkunx tixtieq tagħmel!

Għandek tgħid bis-saħħa tal-pika, Filippu daħal fil-folk ta’ pajjiżna!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher fil-ktieb tal-festa maħruġ mill-Banda 12th May ta' Ħaż-Żebbuġ Festa 2018