Tassew li l-qaddis tagħna
ma huwiex Malti imma nistgħu ngħidu li llum insibuh ukoll imdaħħal b’xi mod
fil-folk tagħna billi aħna l-Maltin għandna qawl li jsemmi lil San Filep.
Minn qatt ma semgħu
l-qawl: Viva San Filep, la x-xitan irid hekk? Imma kemm minna qatt ħasbu dwar
kif oriġina dan il-qawl? Jien darba kont staqsejt għalfejn jingħad hekk u kienu
qaluli storja. Jekk hijiex minnha jew le ma nafx, imma kif qaluha lili ser
ngħidha lilkom.
Il-pika u r-rivalità bejn
il-festi mhix xi ħaġa tal-lum, anzi jista’ jkun li qabel kienet aktar mil-lum
għax il-Malti ma kellux fiex jehda u għalih il-festa tar-raħal kienet kollox.
Sejjaħtihom pika u rivalità għax aktar naħseb huma hekk milli kompetizzjoni. Ma
nkunu qed nikxfu l-ebda sigriet jekk ngħidu li snin ilu ir-raħal ta’ Ħaż-Żebbuġ
kien impikat mar-raħal ġar tiegħu Ħal Qormi. Billi dawn huma żewġt irħula kbar
u antiki, fihom minn dejjem kienu jsiru festi kbar u għaż-Żebbuġin u
għall-Qriema, San Filep u San Ġorġ ma joqgħod xejn ħdejhom, għalhekk il-piki qatt ma
setgħu jonqsu. Kulħadd jixtieq li l-festa tiegħu tkun aqwa minn tal-ġirien u b’hekk nibtet u kibbret ir-rivalità bejn
il-Qriema u ż-Żebbuġin.
Il-misraħ tal-Vitorja Ħal Qormi, fejn il-Qriema kienu jwaqqfu liż-Żebbuġin fi triqithom lejn ix-xatt |
Issa rridu niftakru li
bosta Żebbuġin kienu jaħdmu x-xatt jew kienu jinżlu għan-negozju hemmhekk.
Filgħodu kmieni kienu jerħuha jew bil-mixi jew fuq xi ħmar lejn ix-xatt
tal-Marsa jew il-Belt Valletta. Mir-raħal kienu jinżlu Ħal Qormi, jgħaddu
jieħdu xi tazza te mingħand xi ħanut li jkun diġa fetaħ għax-xogħol u jibqgħu
sejrin lejn xogħolhom ma’ sħabhom Qriema li kienu jaħdmu x-xatt ukoll. Iżda
fix-xahar ta’ April din il-ħaġa ma kinitx tibqa’ ssir. Jingħad li meta l-Qriema
kienu jibdew jarmaw għall-festa ta’ San Ġorġ, li kienet issir fit-23 ta' April, ma kinux iħallu liż-Żebbuġin
jgħaddu minn ġewwa r-raħal, mill-parti magħrufa bħala fejn il-Vitorja għaliex
kienu jibżgħu li minħabba r-rivalità kien ikun hemm xi wieħed nofs ras li
jagħmel ħsara fl-armar. Jingħad li kienu jistennew liż-Żebbuġin fit-tarf
tar-raħal u jgħidulhom jgħaddu minn qalb l-għelieqi u mhux mill-qalba ta’ Ħal Qormi.
Ix-xahar ta’ April
jgħaddi u miegħu tgħaddi wkoll il-festa ta’ San Ġorġ u kif jintemm dan ix-xahar
jibda Mejju li jġib miegħu l-festa ta’ San Filep, il-qaddis patrun taż-Żebbuġin.
Issa l-ħaddiema tax-xatt minn Ħaż-Żebbuġ kienu jfittxu x-xoqqa f’moxtha biex
ipattuha lil sħabhom Qriema, imma l-Qriema ma kienux jgħaddu minn Ħaż-Żebbuġ
biex imorru għax-xogħol. Allura meta x-xatt kien ikun hemm xi ċorma Żebbuġin u
kienu jilmħu xi ħaddiem bħalhom minn Ħal Qormi kienu jduru miegħu u jgħidulu:
“Għid Viva San Filep għax inkella ma nħallukx tibqa’ sejjer.” Mal-folla mhux
ta’ min joħodha u għalhekk kien hemm xi Qriema li kienu jgħidu dak li
jitolbuhom ilissnu sħabhom iż-Żebbuġin, imma kien ikun hemm min hu aktar
akkanit u għalih li jgħid “Viva San Filep” kien ikun qisu qed jagħmel xi dnub
mejjet, għalhekk kien jgħid: “Viva San Filep” u minn taħt l-ilsien ikompli “la
x-xitan irid hekk!”
Ir-rivalità bejn
Ħaż-Żebbuġ u Ħal Qormi llum spiċċat għal kollox, forsi bdiet tgħosfor
mat-twaqqif tal-parroċċa ta’ San Bastjan fl-1936. Issa l-Qriema Ġorjaniżi
kellhom ma’ min jimpikaw eqreb miż-Żebbuġin! Hu x’inhu, il-qawl: Viva san Filep,
la x-xitan irid hekk, baqa magħna minkejja li spiċċat il-pika. Dan il-qawl
ifisser bejn wieħed u ieħor l-istess bħalma tfisser l-idjoma: tbus l-id li
tixtieq maqtugħa; jiġifieri kultant ikollok tagħmel anke dak li ma tkunx
tixtieq tagħmel!
Għandek tgħid bis-saħħa
tal-pika, Filippu daħal fil-folk ta’ pajjiżna!
Fr Reno Muscat
Nessun commento:
Posta un commento