Bejn il-Berġa ta’ Kastilja u t-Teatru Rjal jew kif sirna nafuh illum Pjazza
Teatru Rjal, insibu żewġ knejjes faċċata ta’ xulxin, waħda ddedikata lil Santa
Katerina ta’ Lixxandra, knisja li magħna l-Maltin hija magħrufa bħala Santa Caterina d’Italia, u oħra ddedikata
lill-Madonna tal-Vitorja. Illum ħsiebi mar dwar din tal-aħħar.
Ordni Reliġjuż
Il-kavallieri ta’ San Ġwann minkejja li kienu jaħkmu lil pajjiżna, kienu
fuq kollox membri ta’ Ordni Reliġjuż. Ma kinux patrijiet imma kienu marbutin
bil-voti bħall-patrijiet u s-sorijiet. Kienu jwegħdu li jgħixu l-faqar
l-ubbidjenza u l-kastità. Issa kinux iżommu dawn il-voti jew le mhux ser nidħol
fiha jien! Imma l-ewwel u qabel kollox kienu membri ta’ Ordni li l-għan tagħha
kien is-salvazzjoni tal-erwieħ u għal dak iż-żmien din kienet tinkludi wkoll
taqbid ma’ dawk li ma jaqblux mal-fidi tiegħek. Kienu żminijiet oħra, kien hemm
ħtiġijiet oħra wkoll.
Ladarba dan l-ordni kien wieħed reliġjuż kellu dejjem bżonn il-post fejn
jeżerċita r-ritwali liturġiċi u reliġjużi tiegħu. Biżżejjed niftakru li meta
l-Ordni wasal Malta, billi l-Imdina kienet wisq bogħod mill-baħar, għażlu
l-Birgu biex jitfgħu l-ankri tagħhom fih. Il-knisja parrokkjali ta’ San Lawrenz
kellha ċċedi postha biex issir il-knisja konventwali tal-Kavallieri u l-knisja
tal-Patrijiet Dumnikani ddediakta lil-Lunzjata kellha sservi ta’ parroċċa
sakemm dawn il-Kavallieri telqu għall-kollox lejn il-Belt Valletta.
Fil-Belt il-Ġdida
Wara r-rebħa tal-Kavallieri u l-Maltin fuq it-Torok u mal-bidu tal-bini
tal-belt il-ġdida fuq l-għolja Xiberras mill-ewwel inħasset il-ħtieġa li
tinbena knisja biex taqdi spiritwalment lil dawk li jkunu jaħdmu fil-bini kif
ukoll għall-kavallieri. Għalhekk bla telf ta’ żmien bdiet tinbena l-knisja
tal-Vitorja li semmejna fil-bidu. Il-post magħżul għal din il-knisja kien dak
stess fejn nhar it-28 ta’ Marzu 1566 saret iċ-ċerimonja reliġjuża għat-tqegħid
tal-ewwel ġebla tal-belt li kellha tinbena u li llum tissejjaħ Valletta.
Il-kavallieri riedu wkoll li l-ewwel bini f’din il-belt ikun knisja bħala
sinjal ta’ gratitudni lejn Alla wara r-rebħa li kienu għadhom kemm wettqu
kontra l-għadu daqs sitt xhur qabel.
Riedu wkoll li din il-knisja tkun iddedikata lit-twelid tal-Madonna anke
bħala tifkira tar-rebħa tal-Assedju l-kbir, nhar it-8 ta’ Settembru ta’ qabel.
Difna
Il-Gran Mastru Jean Parisot de Valette ma kellux ix-xorti jara l-belt
il-ġdida lesta. Huwa miet fil-21 ta’ Awwissu 1568, jiġifieri se jagħlaq 450
sena mejjet ftit ġimgħat oħra u għalhekk tajjeb niftakru fih. Minkejja li
l-bini tal-Belt kien għadu lura, il-knisja tal-Vitorja kienet lesta mill-bini u
għalhekk dan il-Gran Mastru ndifen fil-kripta tagħha. Il-fdalijiet tiegħu
tneħħew minn din il-kripta u ttieħdu ġewwa l-knisja ta’ San Ġwann meta din kienet
lesta.
Hemm ukoll fatt kurjuż ieħor marbut mad-dfin u din il-knisja. Fit-3 ta’
Marzu 1792 miet l-aħħar Gran Ammiral tar-Repubblika Venezjana Angelo Emo. Dan
kien talab li qalbu titneħħa minn ġismu u tindifen fil-knisja tal-Vitorja
fil-Belt Valletta. Ftit snin wara l-mewt ta’ Emo pajjiżna kellu jgħaddi minn taqlib kbir.
Mill-ħakma tal-Kavallieri għadda f’idejn Napuljun u aktar tard taħt il-bandiera
Brittanika. Fl-1802, meta dan it-taqlib kien għadda, fil-knisja tal-Vitorja
tpoġġa mafkar f’ġieħ Angelo Emo, maħdum mill-artist Malti Vincenzo Dimech.
Arti
Bħal bosta knejjes oħra fil-belt kapitali tagħna, din il-knisja fiha opri
ta’ arti imprezzabbli. Tajjeb insemmu l-kwadri ta’ San Anton Abbati u ta’ Sant
Antnin ta’ Padova. Dawn il-kwadri kienu nġiebu Malta mill-kavallieri fl-1530
meta Karlu V għadda l-gżejjer Maltin lil dan l-Ordni Reliġjuż li kien imkeċċi
minn Rodi. Fil-knisja nsibu xogħol ta’
artisti Malti kbar bħal Francesco Zahra, Enrico Arnaux, Alessio Erardi u Ermenegildo Grech. Fl-1699 il-Gran Mastru
Perellos kabbar u kompla jsebbaħ lil din il-knisja. Fil-faċċata tal-knisja
nistgħu naraw bust tal-Papa Innoċenz XII. Dan tpoġġa fil-post mat-tisbieħ li
wettaq Perellos billi kien hu li mexxa l-Knisja f’dawk is-snin.
Parroċċa
Tajjeb li wieħed ifakkar ukoll li sakemm il-Kavallieri li issa bdew
jissejħu ta’ Malta, baqgħu jmexxu u jsaltu fuq pajjiżna, din il-knisja kienet
titqies bħala l-knisja parrokkjali tal-Kavallieri. Għalhekk bejn l-1617 u
l-1798 din il-knisja dejjem kellha kappillan konventwali tal-Ordni stess. Fl-1837
il-knisja bdiet taqdi l-ħtiġijiet spiritwali tal-armata, jew aħjar tar-Royal
Malta Artillery. Illum tagħmel parti mill-parroċċa ta’ San Duminku.
Ħsarat u restawr
Il-knisja tal-Vitorja nistgħu nqisuha bħala l-ewwel bini tal-Belt Valletta.
Is-snin jgħaddu u jħallu l-marka tagħhom fuq kollox u fuq kulħadd u hekk ukoll
ġara lil din il-knisja. Forsi l-agħar ħsara lill-knisja seħħet fit 23 ta’ April
1942 waqt ħbit mill-ajru fejn kien ukoll iġġarraf it-Teatru Rjal. Biss grazzi
għal bosta restawri li minn żmien għal żmien saru, illum nistgħu ngawdu din
il-gawhra fil-glorja kollha tagħha.
Tajjeb meta wieħed ikun il-Belt jittawlilha.
Fr Reno Muscat
Nessun commento:
Posta un commento