venerdì 22 giugno 2018

Mnejn ġie d-dragun ta’ San Ġorġ


Ftit huma dawk ix-xbihat ta’ San Ġorġ li fihom ma jidhirx id-dragun. Illum l-immaġini ta’ kavallier riekeb żiemel qed jissielet mad-dragun iġġib dlonk f’moħħ kulħadd il-figura ta’ San Ġorġ. Imma sewwasew id-dragun kif sab ruħu ma’ din ix-xbieha?

L-awtur tal-istorja tad-deheb
Dik li bil-Latin tissejjaħ  Legenda aurea jew Legenda sanctorum, jiġifieri l-Istorja tad-deheb jew l-Istorja tal-Qaddisin hija kitba medjevali magħmula minn ċertu isqof Dumnikan bl-isem ta’ Ġakbu De Fazio magħruf aktar bħala Ġakbu ta’ Varazze, jew Varagine, l-isem Latin ta’ belt twelidu.  Dan il-kittieb twieled ġewwa Varazze ġewwa l-Ligurja u wara li ħaddan l-Ordni tal-Predikaturi laħaq Isqof ta’ Ġenova.  

Ġakbu ta' Varagina
Dan l-awtur twieled fl-1228 fil-familja nobbli ta’ De Fazio u wara l-edukazzjoni primarja tiegħu daħal mal-Ordni tal-Predikaturi fl-1244. Tajjeb ngħidu li l-Ordni Dumnikan li ħaddan De Fazio kien relattivament fil-bidu tiegħu. Ma ninsewx li dan kien approvat mill-Papa Onorju III fl-1216, inqas minn 30 sena qabel. Il-fundatur tal-Ordni, San Duminku miet fl-1221, jiġifieri ftit aktar minn  20 sena qabel ma Ġakbu ssieħeb fil-ħajja reliġjuża. Huwa okkupa l-karigi ta’ Pirjol f’xi kunventi fothom dak ta’ Bologna fejn hemm il-fdalijiet tal-fundatur tal-Ordni tal-Predikaturi Duminku ta’ Gużman. Kien magħżul ukoll bħala Ġeneral tal-Ordni fl-1267. Fis-sena 1292 dan il-patri kien imsejjaħ Ruma mill-Papa Nikola IV sabiex ikun ikkonsagrat Isqof ta’ Ġenova. Ġakbu wasal Ruma fit-30 ta’ Marzu. Dakinhar kien Ħadd il-Palm. Huwa sab lill-Papa marid sewwa, tant li dan miet nhar l-4 ta’ April, jum il-Ġimgħa l-Kbira. Il-Kardinali ma marrux kontra x-xewqa tal-Papa u għalhekk Ġakbu kien ikkonsagrat Isqof nhar Ħadd il-Għid.

Ta’ min jgħid li mal-mewt ta’ dan il-Papa, il-Knisja daħlet fi kriżi, tant li l-papa leġittimu li mexxa lill-Knisja warajh kien Ċelestinu V li kien elett papa fil-5 ta’ Lulju tas-sena 1294 wara aktar minn sentejn bi Knisja bla mexxej leġittimu. Dan il-papa warrab minn fuq it-tron ta’ Pietru wara 161 jum u reġa mar jgħix fil-monasteru Benedittin li kien fih qabel.
Intant Ġakbu ta’ Varagine miet fl-1298 fil-belt ta’ Ġenova u fl-1816 kien ibbeatifikat mill-papa Piju VII.

Storja tad-deheb
Imma ejjew naraw ftit x’kienet din il-kitba li bdejna nsemmu fil-bidu. Bħalma kien isir dejjem l-isem tal-kitba kien ikun twil ħafna. Fil-każ ta’ dan il-manuskritt ma kienx hemm eċċezzjoni għax ismu sħiħ kien: Abbreviatio in gestis et miraculis sanctorum, iżda aktar kien popolari l-isem qasir, Legenda aurea u għal bosta oħrajn Legenda sanctorum. Il-kitba inbdiet għall-ħabta tas-sena 1260 u ntemmet mal-mewt ta’ dan l-isqof.

Żgur li kienu saru ‘l fuq minn 800 kopja tal-manuskritt, ovvjament kollha miktubin bl-idejn. Meta lejn nofs is-seklu XV kien ivvintat l-istampar dan ix-xogħol dlonk ġie stampat mhux biss fil-lingwa oriġinarja tiegħu, il-Latin, iżda f’bosta ilsna ewlenin tal-Ewropa. Bħala edizzjonijiet ta’ din il-kitba jingħad li saru aktar milli kienu saru tal-Bibbja. Fl-Ingilterra William Caxton, il-famuż stampatur u fundatur ta’ stamperiji kemm fi Bruges kif ukoll f’Westiminister, fl-1483 stampa dan ix-xogħol bl-Ingliż għall-ewwel darba. Sa madwar 40 sena wara din l-istess kitba inħarġet f’disa’ edizzjonijiet, dejjem mill-istess stamperija ta’ Caxton. Fil-bidu tas-seklu XX dan ix-xogħol letterarju kien tradott fl-ilsien Franċiż ukoll.

Ħajjiet tal-qaddisin
Il-qoxra tal-ktieb ta' edizzjoni Taljana
Il-kontenut ta’ din il-ktiba twila ma hija xejn għajr stejjer ta’ ħajjiet ta’ qaddisin li kienu magħrufin fi żmien l-awtur tagħhom De Fozio. Bħala riferiment għal kitbietu huwa sab bosta manuskritti antiki fil-bibljoteki u fuq l-ixkafef tal-arkivji tal-kunventi Dumnikani. Studjużi awtorevoli llum isostnu li dan l-awtur għamel użu minn aktar minn 130 ktieb jew aħjar manuskritt biex għaqqad din l-istorja tad-deheb. Il-fantasija u forsi wkoll l-immaġinazzjoni għandhom mnejn ġieli grew b’Ġakbu ta’ Varazze. Biex nieħdu idea nistgħu nsemmi l-istorja fejn San Silvestru kellu dehra minn San Pietru u dan urih kif kellu jagħmel eżorċiżmu fuq dragun li kien daħal fil-belt ta’ Ruma u kien qed jiekol madwar 300 bniedem kuljum. Simili għal dan il-fatt hija l-leġġenda ta’ San Ġorġ u d-dragun. Jidher iżda li aktar huwa popolari l-qaddis Ġorġ fejn tidħol il-bhima feroċi milli Silvestu.

L-istorja fiha wkoll għadd ta’ rakkonti ta’ mirakli u stejjer ta’ relikwi ta’ qaddisin. Interessanti wkoll li f’din il-kitba nsibu wkoll imsemmi  l-Profeta Mawmettu fil-kapitlu li jitkellem dwar San Pelagju Papa.

Dan kien il-bidu tad-dragun ma’ San Ġorġ, ħaġa li ħafna ma jifhmuhiex u forsi anke jitħawdu meta jsibu ruħhom quddiemha bla ma jkunu jistgħu jaslu għal tweġiba meta jistaqsu bejnhom u bejn ruħhom minn fejn ġie d-dragun ma’ San Ġorġ. Il-problema hija li anke fid-dinja Ortodossa, dan il-qaddis ukoll jidher bid-dragun. Tgħid kollox beda mill-kitba ta’ patri Dumnikan?

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon -  23 ta' Ġunju 2018








4 commenti: