venerdì 1 giugno 2018

Tagħna l-akbar festa!


Kemm-il darba nisimgħu min jargumenta dwar il-festi u kemm-il darba smajna min jgħid li tiegħu hija l-akbar festa. Araw ma taħsbux li llum sejjer inkun jien li niddeċiedi liema hija l-akbar jew l-isbaħ festa li ssir f’pajjiżna. Kulħadd tiegħu jara l-isbaħ, l-aqwa u l-akbar! Imma llum nixtieq naqsam magħkom xi tagħrif dwar l-akbar tliet festi reliġjużi li jiġbdu nies lejhom.

Corpus Domini
Corpus Domini ġewwa Cusco
L-aktar festa reliġjuża li għaliha jattendu nies fid-dinja hija dik li ssir ġewwa Cusco (jew Cuzco) ġewwa l-Peru. Din il-belt fix-Xlokk tal-pajjiż fiha popolazzjoni ta’ aktar minn 435,000 ruħ. Belt waħda li hija aktar popolata minn Malta kollha.  Il-festa ta’ Corpus f’din il-belt tibda billi mill-parroċċi qrib tal-katidral ta’ Cusco jinġiebu l-istatwi tal-qaddisin patruni tagħhom. B’kollox ikun hemm ħmistax-il statwa ta’ qaddis, qaddisa jew Madonna li jitpoġġew fil-katidral. Fil-jum ta’ Coprus dawn l-istatwi jinħarġu wara xulxin u jitpoġġew fil-pjazza ewlenija ta’ din il-belt li ġġib l-isem ta’ Plaza de Armas . Hemmhekk jistennew li tgħaddi l-purċissjoni bis-sagrament. L-isfera li fiha jitpoġġa s-sagrament hija tad-deheb mastizz, għolja metru u 26 ċentimetu u tiżen 26 kilo. Wara l-purċissjoni l-istatwi tal-qaddisin jittieħdu lura fil-katidral fejn jibqgħu għal ġimgħa sħiħa, wara din il-ġimgħa jittieħdu lura fil-parroċċi tagħhom.

Din il-festa li kellha l-bidu tagħha mal-wasla tal-Ispanjoli fil-post, tgħaqqad il-profan mas-sagru u għalhekk insibu bosta drawwiet tradizzjonali marbuta mal-festa. Huwa stmat li aktar minn miljun ruħ, kemm Peruvjani kif ukoll barranin,  jieħdu sehem f’din il-festa kull sena.

Il-Ġimgħa l-Kbira ta’ Sevilja
Il-Ġimgħa l-Kbira ta’ Sevilja
It-tieni l-akbar festa li tiġbed nies lejha hija l-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira li ssir fil-belt Spanjola ta’ Sevilja. Din hija l-avveniment reliġjuż u folkloristiku l-aktar importanti f’din il-belt li jiġbed lejh nies mid-dinja kollha. Il-festa jew aħjar iċ-ċelebrazzjonijiet jibdew nhar Ħadd il-Palm u jibqgħu sejrin sa Ħadd il-Għid. Madwar sittin fratellanza jġorru f’purċissjoni xi statwa li turi xi waqt mill-passjoni ta’ Kristu. Ħafna abitanti ta’ Sivilja jakkumpanjaw dawn il-purċissjonijiet u jilbsu l-kunfratija bil-barnuż li jgħattilhom wiċċhom. Dan ma jkunx bħall-barnuż li jilbsu dawk li jagħmlu xi wegħda fil-purċissjonijiet ta’ Malta, imma jkun illamtat b’tali mod li jiġi wieqaf donnu lenbut twil fuq rahom. Xi wħud iġorru xemgħat twal f’idejhom, oħrajn ċnieser li fihom jaħarqu l-inċens u oħrajn slaleb. Dawn il-fratelli jissejħu Nazareni.

Ħalli issa niċċara ħaġa. Fil-paragrafu ta’ fuq ktibt “Il-purċissjoni” imma fil-verità matul din il-ġimgħa ma ssirx purċissjoni waħda imma jsiru għadd ta’ purċissjonijiet. Mhux l-iskop tiegħi li nagħti dettall sħiħ dwar dawn il-purċissjonijiet għaliex tant hemm x’wieħed jgħid li jekk tibda ma tkunx taf fejn sejjer tieqaf. Imma ngħidu wkoll li din il-ġimgħa hija popolari mhux biss mal-Ispanjoli ta’ Sevilja jew tal-qrib imma ma’ bosta oħrajn li jżuru din il-belt għal din il-festa. Bosta Maltin ukoll imorru biex jaraw b’għajnejhom dak li jseħħ hemmhekk. Dawn jingħaqdu mal-Ispanjoli, mal-Ewropej kif ukoll ma’ dawk li jiġu min-naħa l-oħra tal-oċean biex jieħdu sehem f’dan l-avveniment li wkoll ilaħħaq il-miljun ruħ fil-parteċipazzjoni.

Sant’ Agata ta’ Catania
Sant’ Agata ta’ Catania
L-akbar festa fl-Italja hija dik li ssir lill-qaddisa Agata fil-belt ta’ Sqallija, Catania.  Imma attenti, hawnhekk isiru żewġ festi lil din il-qaddisa, waħda fi Frar u oħra f’Awwissu. Dik li se nitkellmu dwarha hija dik li ssir fi Frar. Il-festi prinċipali jsiru bejt it-3 u l-5 ta’ dan ix-xahar. Kull Kataniż iħossu fid-dmir li f’dawn il-jiem jerġa’ lura lejn beltu jekk ikun bogħod minn daru. Hemm aktar minn purċissjoni waħda marbuta ma’ din il-festa imma l-akbar waħda hija dik li toħroġ f’jum il-festa fejn tibqa’ barra l-lejl kollu.

Nar, baned, spettakli, dwal u ikel jiddominaw din il-festa kbira li għaliha jkun hemm bosta u bosta Maltin ukoll. Ma ninsewx li wara kollox din hija festa reliġjuża u għalhekk ikun hemm il-parti fil-knisja wkoll fejn issir ċelebrazzjoni li fiha minbarra numru kbir ta’ saċerdoti jkun hemm l-isqfijiet kollha ta’ Sqallija.

Ħaġa li wieħed jinnota dlonk kif iżur din il-fesa hija n-numru ta’ rġiel u nisa lebsin libsa qisha kunfratija qasira bajda u speċi ta’ beritta sewda f’ rashom. L-irġiel b’dan l-ilbies iġorru l-istatwa ta’ Sant’ Agata jew xi xemgħa kbira li tkun tiżen anke 150 kilo. Għal din il-festa jattendu aktar minn seba’ mitt elf ruħ.

Dawn kienu l-akbar tliet festi reliġjużi li jiġbdu nies lejhom fid-dinja. Issa inti minn fejn inti meta tgħid li tiegħek hija l-akbar festa żomm sewwa f’moħħok dawn it-tliet festi kbar u jekk b’fommok tgħid li tagħkom hija l-akbar festa, ġo moħħok għid li għandha mnejn li hija r-raba’ l-akbar festa.

Fr Reno Muscat

Dan l-artikluj deher f'In-Nazzjon - 2 ta' Ġunju 2018








Nessun commento:

Posta un commento