lunedì 25 giugno 2018

Il-kant fil-knisja


Mhux kantant wieħed jew tnejn jgħidulek li l-bidu tal-karriera tal-kant tagħhom jafuh lill-kor tal-parroċċa li kienu jiffurmaw parti minnu fi ċkunithom. Tista’ tgħid li f’kull parroċċa ssib il-kor li jsebbaħ il-liturġija li tkun qed issir. Ħafna drabi dawn ma jkunux korijiet professjonali imma volontiera li forsi xi wħud minnhom lanqas ikunu jafu jaqraw il-mużika iżda taħt it-tmexxija ta’ persuna kapaċi jiffurmaw kor li xi drabi jkun tabilħaqq tajjeb. Insibu mbagħad korijiet aktar professjonali fejn il-membri kollha jkunu jafu jaqraw il-mużika u għalhekk il-prodott finali jkun aktar fin minn ta’ korijiet oħra.

Il-kor ta’ knisja jitlob mill-membri tiegħu mhux biss li jkunu jafu jkantaw imma li jkollhom ukoll bażi ta’ tagħrif liturġiku għaliex is-sehem tagħhom fil-quddiesa jrid idaħħal lill-assemblea f’kuntatt mat-traxxendentali, ma’ dak li l-moħħ ma jifhimx.

Hemm regoli
Il-quddiesa fiha regoli li wieħed għandu isegwihom. Il-Knisja għandha l-Ordinament Ġenerali għall-Missal Ruman li jgħidilna li ċerti kant fil-quddiesa huwa fih innifsu ritwal. X’jiġifieri? Meta titkanta l-Glorja jew l-Halleluljah kif ukoll is-Salm, is-Santus u l-Ħaruf t’ Alla, dawn huma parti mir-ritwal tal-quddiesa, jekk ma jitkantawx jinqraw iżda jsiru xorta waħda. Imbagħad hemm kant ieħor li huwa żieda mar-ritwal, jiġifieri jekk ma jsirx il-quddiesa ssir xorta bħalma huma l-innijiet tal-bidu, offertorju tqarbin u għeluq.

Min imexxi l-kant fil-knisja tajjeb iżomm f’moħħu li hemm ħin li jixraq ftit skiet u għalhekk il-kant ma għandux ikun twil wisq biex jingħata ħin ta’ meditazzjoni fis-skiet. L-innu tal-bidu għandu jakkumpanja l-purċissjoni kollha mis-sagristija sa fuq l-artal u jekk is-saċerdot ikun ser jinċensa l-kant għandu jibqa’ sejjer iżda kif il-qassis itemm dan ir-ritwal il-kant għandu jieqaf anke jekk l-innu ma jkunx tkanta kollu. L-istess għal waqt it-tqarbin. Jekk ikun hemm ftit ħin ta’ silenzju mhux ser taqa’ d-dinja. Ma hemmx  għalfejn jinbeda innu ieħor jekk ikun fadal nofs tużżana fidili biex jitqarbnu.

Membri mhux stilel
Il-membri tal-kor għandhom iżommu f’moħħom li huma jagħmlu parti minn grupp ta’ kant u għalhekk għandhom jiftakru li huma ħoss wieħed, il-ħoss tal-kor u ma humiex solisti li jridu jsemmgħu leħinhom. Sfortunatament ġieli nisimgħu min jipprova jagħmilha tax-Showgirl jew Showman fil-kor. Meta jiġri hekk l-għan liturġiku ta’ dak li jkun qed jagħmel il-kor jispiċċa fix-xejn. Ovvajment il-mexxej tal-kor dejjem ikun b’għajnejh miftuħin beraħ għal xi ħaġa bħal din għax jaf li din tirrendi l-kant f’farsa.

Ġieli jiġri wkoll li f’xi quddies ma jkunx hemm kor imma jkun hemm animatur li jmexxi l-kant. Dan jew din jistgħu jkunu mal-assemblea. Fil-knejjes tagħna ġieli smajna xi wħud li mingħalihom li huma tenuri, baritoni, soprani u baxxi. Ippruvaw ifhmu li l-quddiesa ma hijiex wirja ta’ talent, il-knisja mhix is-sala ta’ Malta’s got Talent! Tippruvax isemma’ leħnek fil-knisja l-ewwel tgħallem kanta, imqar jekk tibda waqt li tkun qed tinħasel! Agħar minn hekk ġieli ġara meta jkun hemm aktar minn animatur wieħed u għalhekk dawn donnhom b’kompetizzjoni bejniethom min se jkanta minnhom. Ġieli ġara li jibdew jitkantaw żewġ innijiet differenti fl-istess ħin jew żewġ akklamazzjonijiet  differenti wara l-konsagrazzjoni tal-ħobż u l-inbid. Dak l-aktar mument solenni u qaddis tal-quddiesa jinbidel fi tbissima fuq fomm l-assemblea kollha. Animaturi u membri tal-kor, ftakru li inthom mhux stilel imma servi tal-quddiesa.

Hemm ħafna aktar x’wieħed jgħid dwar il-kant fil-knisja, il quddiem inkomplu.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' Il-Mument - 24 ta' Ġunju 2018





Nessun commento:

Posta un commento