venerdì 29 giugno 2018

X’poplu ġeneruż


Minn żmien għal żmien f’pajjiżna jsir ġbir bi skop ta’ għajnuna lil min hu fil-bżonn. Kull meta ssir xi ġabra bħal din kull darba ngħidu kemm il-poplu Malti huwa ġeneruż, kemm iħobb lil min hu batut u kemm lest jgħin lill-proxxmu biex jgħix ħajja aħjar, kemm lest ikun ta’ spalla għal min għandu bżonn kura, anke barra minn xtutna, li tiswa eluf kbar ta’ liri. F’kelma waħda spiss nisimgħu kemm il-poplu Malti huwa ġeneruż.

Maratoni
Waħda mill-ewwel, jekk mhux l-ewwel maratona bi skop ta’ ġbir ta’ fondi għal skopijiet filantropiċi kienet issir mill-Moviment Kerygma bl-isem “Solidarjetà bl-Isports”. Mijiet ta’ żgħażagħ kienu jgħaddu numru ta’ sigħat bla waqfien jilgħabu l-volleyball bl-iskop li n-nies li tmur tara din l-attività jagħtu donazzjoni biex jgħinu fil-ġbir. Għall-ewwel din kienet issir b’risq id-Dar tal-Providenza, biss biż-żmien żdiedu l-għaqdiet li bdew jibbenifikaw mill-ġbir li jsir. Maż-żmien żdiedu wkoll il-maratoni u bħal ħonqu lil din il-maratona ewlenija u spiċċat biex ma saritx aktar. Madanakollu nistgħu ngħidu li din kienet  omm il-maratoni Maltin. Dawk il-maratoni kollha li nisimgħu bihom illum kollha bdew wara l-maratona tal-Kerygma.

F’diversi jiem
Illum il-ġbir bi skop ta’ għajnuna lil min ikollu ħtieġa jsir matul is-sena kollha. Ma nistgħux ma nsemmux l-Istrina b’risq il-Comunity Chest Fund u l-ġabra li ssir f’jum il-Ġimgħa l-Kbira għall-għaqda Puttinu Cares. Iżda dawn huma biss tnejn, tnejn kbar. Ma jgħaddix xahar li ma tkunx organizzata xi attività bi skop ta’ ġbir għal xi entità karitattiva. U Alla jbierek il-poplu Malti dejjem jikkontribwixxi u nazzarda ngħid anke jikkontribwixxi bil-kbir. Hawn tajjeb insemmu wkoll il-ħafna attivitajiet żgħar li jsiru fuq skala parrokkjali jew fi ħdan xi għaqda. Dawn minkejja li ma jkunux fuq skala nazzjonali wkoll jikkontribwixxu għal għan nobbli.

In-naħa l-oħra tal-munita
Ma nistgħux ma nifirħux meta naraw iċ-ċifri miġburin f’dawn l-attivitajiet u mhux ta’ b’xejn ngħidlu li l-poplu Malti huwa poplu ġeneruż, huwa poplu b’qalb kbira, huwa poplu li jħenn. Iżda kultant tisma’ bi stejjer li jġagħluk tieqaf u taħseb kemm tabilħaqq dan il-poplu huwa ġeneruż dejjem u kullimkien.

Jekk naqilbu n-naħa l-oħra tal-munita naraw il-faċċata mhux daqstant sabiħa tal-poplu Malti. Ġieli smajna bi sfruttament ta’ ħaddiema aktarx barranin. Mhux ħaddiema ta’ ġilda skura biss, lanqas ħaddiema ta’ ġilda bajda akar minn tagħna, imma anke ta’ ħaddiema Ewropej bħalna. Ara ma jkunx hawn xi ħadd jaħseb li qed nagħmel xi distinzjoni bejn ħaddiem u ieħor, jew bejn nazzjonalità u oħra. Għalija ħaddiem huwa dak li jagħti xogħlu biex jaqla’ xi ħaġa x’jiekol, biex jgħix ħajja diċenti u mhux fil-faqar, bla ebda distinzjoni ta’ lewn tal-ġilda, twemmin, nazzjonalità jew tip ta’ diversità oħra. Il-ħaddiem huwa dak li jaħdem u mhux id-dehra tiegħu tagħmlu ħaddiem.

Abbużi
Sfortunatament spiss nisimgħu b’abbużi. Il-Malti huwa kapaċi jsib toqba minn fejn jiskappa tkun xi tkun is-sitwazzjoni. Kapaċi joħloq sitwazzjoni li bla ma jmur kontra l-liġi ikun jista’ jgħawweġ il-liġi għall-avvanz tiegħu. Ħalli nagħtikom eżempju wieħed biss: Jekk ħaddiem jaħdem 40 siegħa jkun meqjus bħala ħaddiem Full Timer, u għalhekk ikun intitolat għal dak kollu li ħaddiem bħal dan ikun ħaqqu. Iżda ħaddiem jista’ jaħdem inqas u jkun meqjuż bħala Part Timer u għalhekk anke d-drittijiet tiegħu ikunu ridotti. Ħaddiem jista’ jkun qed jagħmel l-istess xogħol iżda jkun imniżżel bħala part timer ma’ żewġ kumpaniji differetni u għalhekk qatt ma jista’ jkollu d-drittijiet kollha li jgawdu ħaddiema oħra full timers, minkejja li jkun qed jaħdem daqshom, magħhom u bħalhom.  Daqsxejn ikkomplikata l-biċċa biex tifhimha, imma hija realtà.

Stejjer veri
Kelli esperjenzi ta’ persuna barranija li ġiet Malta biex issib xogħol. Xogħol sab imma jkolli nistqarr li l-kundizzjonijiet ma kienu xejn sbieħ. Bniedem li daqqa jibda xogħol fl-erbgħa ta’ filgħodu u daqqa jibda f’nofsinhar. Nistħajjilkom tgħidulu li din hija ħaġa normali għal ċertu xogħol, iżda dik li ma huwiex normali hu li dan il-povru ħaddiem ikun avżat biex jibda x-xogħol daqs nofs siegħa qabel. Barrani, bla karozza, u ma jafx sewwa lil pajjiżna  jkollu jara kif jagħmel biex imur fil-post tax-xogħol li jibgħatu fih l-imgħallem. Mhux ħa noqgħod nidħol fil-mertu tal-paga miżera li jaqla’ dan il-proxxmu, imma nassigurakom li qiegħed jgħix fil-faqar minkejja x-xogħol kollu li qed jagħmel!
U allura jien ngħid: veru dan il-poplu huwa ġeneruż, imma fejn jidher biss? Qed ngħinu lil min huwa tassew fil-bżonn imma qed jinbet faqar ieħor bil-pulit u minn fuq dan il-faqar ġdid hemm min qed jistgħana! Jaqbel niftħu għajnejna qabel ikun tard wisq.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher F'In-Nazzjon 30 ta' Ġunju 2018 


Nessun commento:

Posta un commento