Il-wiċċ huwa dik il-parti
tal-ġisem li jinkludi s-sensi kollha kif ukoll huwa dik il-parti li turi
l-emmozzjonijiet tal-bniedem. Fil-wiċċ għandna l-għajnejn biex naraw,
il-widnejn biex nisimgħu, l-imnieħer li nxommu bih u fih il-ħalq li ġewwa fih hemm
l-ilsien li jtiegħem. Il-wiċċ fih ukoll is-sens tal-mess, jekk xi ħaġa tmiss
ma’ wiċċek dlonk tinduna għax tħossha. Il-wiċċ fih is-sensi kollha. Il-wiċċ
juri l-emozzjoni ta’ dak li jkun. Jekk jifraħ il-wiċċ donnu jixgħel iżda jekk
dak li jkun jibda jħossu mdejjaq, il-wiċċ malajr juri. Mela nistgħu ngħidu li
l-wicc huwa l-mera tar-ruħ għax dak li nkunu qed inħossu fina dlonk ixandru
wiċċna.
Gestalt
Fil-psikoloġija niltaqgħu
mal-kelma Gestalt. Din hija kelma
Ġermaniża li tfisser bejn wieħed u ieħor ‘Forma’. Din id-dixxiplina tipprova
tanalizza kif minn tant bnedmin, wieħed jasal biex jidentifika bniedem ieħor
bla problemi ta’ xejn. Aħna l-Ewropej għandna l-idea żbaljata li l-popli
Ażjatiċi, l-aktar iċ-Ċiniżi, huma kollha wiċċ wieħed. Din hija idea żbaljata u
jekk wieħed jifhem it-teorija tal-Gestalt
malajr ineħħi din l-idea minn moħħu. Il-wiċċ huwa kollezzjoni ta’ forom:
widnejn, għajnejn, imnieħer, geddum, ħalq u nsomma l-kumplament. Kull parti
tal-wiċċ hija differenti minn ta’ ħaddieħor. Il-partijiet kollha flimkien
jiffurmaw il-wiċċ tal-persuna unika li tiddistingwi bniedem minn ieħor. Dan
huwa l-ewwel għarfien bażiku tal-bniedem. Tarbija tagħraf lil ommha bla ebda
diffikultà. Dan huwa effett tal-Gestalt,
tarbija tidra lil ommha għaliex tagħraf il-forom tal-wiċċ ta’ dik li titmagħha,
tlibbisha, tfissida u turiha l-imħabba. Dan
huwa l-ewwel attrazzjoni bejn it-tarbija u l-ġenitur skont it-teorija tal-Gestalt, teorija li għandha x’ taqsam
mal-għarfien tal-wiċċ.
Żewġt uċuħ
Il-bieb li kienu jużaw il-Gakbini fil-kunvent ta' Pariġi |
Jekk bniedem tgħid li
għandu żewġt uċuħ ma huwiex xi kumpliment anzi huwa insult għax din il-frażi
tfisser li bniedem huwa faċċol, gakbin, mhux ta’ min jafdah. Iżda hawn oġġetti
fejn huwa importanċi li jkollhom żewġt uċuħ: munita b’ wiċċ wieħed ma hijiex
tajba iżda falza, għalhekk fil-każ tal-muniti dawn dejjem għandhom ikollhom
żewġt uċuħ imma l-bniedem għandu dejjem jiftakar li hu mhux munita għalhekk ma
għandu qatt jimxi b’ żewġt uċuħ.
Użajt il-kelma ‘Gakbin’
iżda forsi ftit jafu minn fejn oriġinat. Il-Gakbini ma huma xejn għajr membri
ta’ għaqda politika li twaqqfet fil-belt ta’ Pariġi fl-1789. Dawn kienu
jiltaqgħu fil-kunvent tal-patrijiet Dumnikani ġewwa Triq Saint Honore.
Il-kunvent kien iġib l-isem ta’ San Gakbu u għalhekk kienu jissejħu Gakbini
għax ta’ San Gakbu. Il-membri ta’ din l-għaqda kienu kontra l-monarkija u favur
ir-repubblika. Il-ħidma ta’ dan il-moviment wittiet it-triq għar-revoluzzjoni
Franċiża. B’ hekk għal dawk li kienu favur il-monarkija raw fil-Gakbini nies
ta’ żewġt uċuħ u sal-lum bqajna nużaw din il-kelma b’ mod dispreġjattiv.
Wiċċ ta’ belt
Dan l-aħħar erġajt żort
il-belt ta’ Napli. Daqs għaxar snin ilu kont ngħix f’ dik il-belt u min jaf
kemm-il darba semmejtha fl-artikli tiegħi f’ dan il-ġurnal għaliex kont irbatt
qalbi magħha. Din id-darba ma mortx Napli waħdi biex inżur xi ħbieb tiegħi iżda
kont ma’ grupp li bosta minnhom qatt ma kienu żaru din il-belt famuża iżda b’
bosta wċuħ! Għalfejn qed ngħid li Napli hija belt b’ bosta wċuħ? Iva Napli trid
taraha mhux minn wiċċ wieħed iżda minn bosta angoli.
Megellina, il-parti High Class ta' Napli |
Bosta minna l-Maltin meta
jżuru Napli jmorru Via San Gregorio Armeno, it-triq magħrufa mad-dinja kollha
għall-presepji. Biex ngħid id-dritt, ikun dnub jekk iżżur Napli u ma tmurx f’
din it-triq. Tkun qisek turist li ġejt Malta u ma dħaltx il-Belt!
Mal-grupp li kont, ġejna
alloġġjati fiċ-ċentru. Konna għadna kif ħallejna Bologna u sħabi ħassew ix-xokk
kulturali. Bologna kollox f’ postu, kollox organizzat, toroq wiesgħin, poplu xi
ftit imnieħru mxammar. Napli hemm il-gegwiġija, storbju, toroq dojoq u
graffitti ma’ kullimkien, ma’ kull ħajt, ma’ kull bieb. X’ differenza!
Darba waranofsinhar mort
mixja ma’ żewġ membri mill-grupp li konna. Ħadthom ħdejn il-baħar, Mergellina.
X’ differenza miċ-ċentru! Hawn kullimkien lukandi ta’ ħames stilel. Toroq indaf
u wiesgħin, kulħadd jippassiġġa bil-kwiet. Karozzi xejn għax din il-parti hija
magħluqa għall-karozzi biex tintuża min-nies biss. Dan huwa l-wiċċ l-ieħor ta’
Napli. Min ma jiċċaqlaqx mit-triq tal-presepji jew miċ-ċentru tal-belt ma
jista’ qatt jgħid li jaf Napli sewwa għax ikun ra wiċċ wieħed tal-belt u ma
jkunx ra l-parti biex ngħid hekk high
class.
Għidtilkom li qabel Napli
konna Bologna. Min iżur din il-belt jaħseb li hemm kollox sew! Nassigurakom li
anke din il-belt għandha wiċċ ieħor li huwa differetni minn dak taċ-ċentru.
Jien għext hemmhekk ukoll u kont immur f’ parroċċa fejn tara graffitti
mal-ħajt, tisma’ bi kriminalità u hemm minn kollox. Bil-fors għax kull belt
fiha aktar minn wiċċ wieħed.
Il-wiċċ! Kemm hemm xi
tgħid dwaru! Mhux biss dak il-wiċċ li għandha fil-parti ta’ quddiem ta’ rasna iżda
diversi tipi ta’ wċuħ.
Fr Reno Muscat
Nessun commento:
Posta un commento