Fost il-ħafna
tiżjin li nsibu armat fi djarna jew fit-toroq tagħna fi żmien il-milied naraw
il-qniepen. Il-qanpiena hija strument, biex insejħulha hekk, li għandha bosta
ħidmiet: min dik li nsibu mwaħħla mal-ħoġor tal-bieb tad-dar, li tindaqq bħala
sinjal li jkun hemm xiħadd barra l-bieb
sal-qniepen tal-ġol-kampnar li jħabbru mhux biss il-ħin imma jwasslu wkoll bosta messaġġi oħra. U l-milied
huwa festa fejn dawn il-qniepen narawhom aktar minn żmien ieħor matul is-sena.
Jingle Bells
Waħda mill-aktar
għanjiet tal-milied famużi madwar id-dinja hija bla dubju ta’ xejn dik li ġġib
l-isem ta’ “Jingle Bells”. Din l-għanja Amerikana inkitbet minn James Lord Pierpont.
Ma nafux fejn u meta nkitbet imma kienet ippubblikata fl-1857 bl-isem “One Horse Open Sleigh”. Pierpont kiteb
din l-għanja propjament għal Jum ir-Radd ta’ Ħajr, Thanksgiving Day, li jkun iċċelebrat ta’ kull sena fl-Istati Uniti
fir-raba’ Ħamis ta’ Novembru. Billi minn dan il-Ħamis sal-bidu tal-Avvent ftit
ikun hemm żmien, l-għanja ġiet assoċċjata wkoll għall-milied, imma jekk wieħed
jifli sewwa l-kliem tagħha jinduna li ma hemm l-ebda riferenza għal jum
il-milied. Jingħad li l-ħsieb tal-għanja ġie f’ moħħ l-awtur meta kien jisma’
l-qniepen ċkejknin li kienu jintrabtu mal-kappestri taż-żwiemel. Dak iż-żmien
ma kienux jeżistu karozzi fit-toroq u għalhekk l-uniku periklu li kien hemm kienu
ż-żwiemel, għalhekk biex jevitaw il-periklu kienu jdendlu dawn il-qniepen bħala
sinjal li jkun qed joqrob xi wieħed minnhom. Hawn naraw sitwazzjoni fejn
il-qniepen jintużaw biex iwasslu messaġġ: Attenti, qed joqrob ziemel!
L-akbar qanpiena
fid-dinja li għadna nistgħu naraw, sfortunatament ma nistgħux nisimgħu l-ħoss
tagħha. Din hija l-qanpiena magħrufa bħala taż-Żar tar-Russja. Din il-qanpiena
tinsab f’ Moska, qrib il-Kremlin. Il-qies tagħha huwa ta’ aktar minn 6 metri
għoli u aktar minn 6 metri wisgħa. Din il-qanpiena nqasmet fil-funderija stess
u għalhekk qatt ma ndaqqet. Illum tinsab fuq pedestall tal-ġebel u mill-qasma
li fiha, bniedem jista’ jidħol jittawwal gewwa fiha. Din tiżen 196,567 kilogramm
u kienet saret fis-sena 1735.
Jingħad li
l-akbar qanpiena fid-dinja li tindaqq hija dik li nsibu fit-tempju Buddist ta’ Foquan
ġewwa Pingdingshan Henan, fiċ-Ċina. Din hija qanpiena relattivament moderna,
saret fis-sena 2000 u tiżen 115,800 kilo. Hija tinsab qrib waħda mill-aktar
statwi kbar ta’ Budda. Din hija għolja aktar minn 8 metri u fiha aktar minn 5
metri wisgħa. Din tissejjaħ il-qanpiena tar-risq it-tajjeb.
F’ pajjiżna
Ħafna jafu li
l-akbar qanpiena fil-knejjes ta’ Malta tinsab fil-bażilika ta’ Santa Liena ta’
Birkirkara. Din saret mid-ditta Baricozzi u żżanżnet fl-1932. Il-qies ta’ din
il-qanpiena hija ta’ aktar minn 3 metri għoli u għandha diametru ta’ kważi 2.5
metri. Din tiżen madwar 8 tunellati.
Itqal minn din
il-qanpiena, imbagħad insibu dik li tfakkar il-vittmi tal-gwerra. Din
il-qanpiena ma tinstabx fi knisja imma tinstab taħt il-barrakka ta’ isfel,
fil-Belt Valletta, tħares fuq il-port il-Kbir. Din il-qanpiena kienet
inawgurata mir-Reġina Eliżabetta fl-1992. Din inħademt mid-ditta Taylor, fiha
għoli ta’ aktar minn 2 metri u diametru ta’ 264 ċentimeru. Tiżen madwar 12-il
tunnellata, u skont il-ġurnal The Times,
tat-13 ta’ Ġunju, 2012, din hija: the
largest bell in Malta.
Ispirazzjoni
Kont miexi
max-xatt tal-Birgu x’ ħin daqqet it-tmienja. Kont sewwasew quddiem l-arloġġ li
hemm inti u dieħel lejn il-forti Sant’ Anġlu. Dan daqq tmien tokki biex juri
l-ħin. Wieġbet il-Bażilika tal-Isla u komplew il-knejjes l-oħra tal-Kottonera.
X’ melodija, xi ħlew ta’ daqq. L-iskop li dawn il-qniepen idoqqu fit-tmienja
ta’ filgħodu huwa biex min jisma’ jiftakar li Alla tah il-grazzja jerġa jqum u
jibda jum ġdid u għalhekk jagħmel sewwa jekk iroddlu ħajr. U fit-tmienja ta’
filgħodu għandna d-drawwa ngħidu l-Angelus. Niftakru fil-bidu ta’ dak li
qegħdin niċċelebraw f’ dawn il-jiem, niftakru fit-tnissil ta’ Ġesù li jitwieled
fil-milied.
Dawn il-qniepen
lili spirawni biex nikteb dan l-artiklu. Hemm min sema’ qniepen u kien ispirat
jagħmel xi ħaġa oħra. Albert Albert
Ketèlbey fl-1921 kien jinstab fil-ġżira ta’ Għawdex. Jingħad li darba f’
nofsinhar kien fix-xagħri u beda jisma’ għadd ta’ qniepen minn diversi kampnari
ta’ knejjes differenti iħabbru li sar ħin l-ikel. Dan il-kompożitur Ingliż kien
ispirat li jikteb biċċa mużika u hekk għamel. Din il-mużika hija l-famuża “Bells across the meadows”. Min jaf kemm
oħrajn kienu spirati jagħmlu xi ħaġa wara li semgħu d-daqq tal-qniepen!
Tiskanta ħoss ta’
qanpiena kemm iġorr stejjer, simboli u tradizzjonijiet warajh. Issa huwa żmien
il-qniepen, narawhom aktar spissi, nisimgħuhom aktar; ejjew nagħrfu sewwa xi
jfissru dawn il-qniepen, il-qniepen tal-milied, ejjew inħalluhom idoqqu sabiex
tabilħaqq iwasslu dak li jridu jwasslu, ejjew ngħidulhom: doqqu qniepen doqqu!
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 20 ta' Diċembru 2014
Nessun commento:
Posta un commento