Għal
darba oħra indur dawra mal-port tal-Kottonera
Fis-sajf li għadda ktibt żewġ artikli dwar ix-xatt tal-Kottonera. Fit-2 ta’
Awwissu deher, f’ danil-ġurnal, l-artiklu bl-isem “Il-Port” u fid-19 tal-istess
xahar ktibt “Parti oħra tal-port”. It-Taljani jgħidu li Non c’ è due senza tre u aħna l-Maltin ngħidu li fuq tlieta toqgħod
il-borma. Tabilħaqq għax erġajt żort din il-parti tal-port u ħassejt li kelli
nerġa’ nikteb xi ħaġa oħra dwar dak li kont ktibt fis-sajf.
Ambjent mill-isbaħ
Ħadd ma jista’ jmeri l-fatt li l-proġett tax-xatt tal-Kottonera huwa
proġett li jistħoqqlu kull tifħir, proġett li se jgħolli l-livell ta’ din
in-naħa ta’ Malta. Kollox kien ippjanat b’ mod professjonali u nittama li
kollox jitwettaq professjonalment. L-ambjent li nħoloq kemm ilu li twaqqa’
l-ħajt tat-tarzna huwa verament wieħed mill-isbaħ fejn dak li jkun jista’
jqatta’ siegħa bilqegħda jew jagħmel passiġġata li bla ma jkun bogħod mid-dar,
fl-istess waqt ikun iħossu f’ dinja differenti minn dik li tinsab tefa’ ta’
ġebla bogħod.
Xi rimarki
Wieħed ma jistax ma jindunax li l-proġett għadu mhux lest għal kollox u
jonqos ħafna xogħol, l-aktar fil-parti fejn kienu jinstabu l-ħwienet tax-xogħol
tat-tarzna. Madanakollu kollox jindika li dan il-post huwa ġdid għax kollox
għadu f’ kundizzjoni tista’ tgħid perfetta. Imma jaħasra hemm min ma jafx
igawdi hu u jħalli lil min jiġi warajh igawdi wkoll. Possibbli li fid-DNA Malti
hemm il-vandaliżmu? Possibbli għadna ma ndunajniex li kull ċenteżmu ħsara li
nagħmu fil-propjetà pubblika rridu nħallsu għaliha aħna stess? Dawn huma ħsibijiet
li ġew f’ moħħi jiena u nippassiġġa max-xatt.
Vandaliżmu
Imxejt minn taħt Sant’ Anġlu lejn l-Isla. Hemmhekk imiddu l-ewwel passi fuq
gżiritna xi wħud mill-aktar nies għonja tad-dinja li jaslu f’ pajjiżna
bil-jottijiet lussużi tagħhom. Ix-xatt tal-Birgu sar post denju li jilqa’ lil
dawn it-talin, kif ukoll lil bosta Maltin li jmorru jippassiġġaw fih bħalma
nħobb nagħmel jien. Hemmhekk rajt bank nofsu nkisser. Il-bankijiet ta’ hawnhekk
għandhom il-wiċċ tal-plastik. Wieħed minnhom kien nofsu maqlugħ.
Faċċata, taħt il-gardjola tal-Isla, inti u sejjer lejn il-ponta, sar
poġġaman tal-istainless steel. Dan
il-poġġaman jagħtik l-impressjoni li tkun qiegħed fuq il-gverta ta’ xi
bastiment li jkun dieħel jew ħiereġ mill-port il-kbir. Innutajt li biċċa minnu
kien mgħawweġ u parti mqaċċta. X’ ħasra! Ħasra mhux biss għall-ispejjes li
jinvolvi x-xogħol biex dan l-att vandalu jkun imħassar u l-ħsara tkun
irranġata, imma ħasra wkoll għal dak il-moħħ li ħaseb li jwettaq dan l-att. Jiena
u ħiereġ lura għaddejt mix-xatt tal-Isla. Hemmhekk innutajt li saru xi
bankijiet ġodda bil-wiċċ tal-injam. Fuq l-injama tad-dahar tal-bankijiet
twaħħlu faxxi tal-aluminjum b’ xi frażijiet jew idjomi li għandhom x’jaqsmu
mal-baħħara. Bank minnhom kellu l-injam imkisser u bank ieħor ma kellux
il-faxxa bl-idjoma fuqha. Din nassumi inqalgħet minn xiħadd għax il-marki
tal-kolla kienu juru li xi darba kien hemm faxxa mwaħħla. Nerġa’ ngħid jaħasra!
Xi dnub li qegħdin fuq l-għatba tal-2015 u għadna nsibu dawn il-ħwejjeġ
madwarna.
Iż-żamma tal-post
Kollu ta’ xejn li jkollok dar sabiħa imma ma tkunx kapaċi żżommha sew.
L-istess ikolli ngħid għall-proġett tal-Kottonera. Fil-mixja tiegħi innutajt li
saru reċipjenti ġodda, u ngħid id-dritt tabilħaqq oriġinali u sbieħ, biex fihom
jintefa’ l-ħmieġ tal-klieb kemm-il darba dawn jiddeċiedu li jħammġu hemmhekk.
Madanakollu fil-mixja tiegħi ma stajtx ma ninnutax l-ammont kbir ta’ ħmieġ
tal-klieb. Bosta joħorġu l-kelb għad-dawra u joħorġu magħhom il-boroż biex
inaddfu fejn iħammeġ, għax hekk tgħid il-liġi, imma ladarba ma jkunx hemm min
jista’ jħarrikhom il-ħmieġ tal-kelb ma jiġbruhx. Mhux sewwa, naħseb li jekk
il-kelb iħammiġlek fis-salott ma tħallix il-ħmieġ hemmhekk! Allura għalfejn
tħallih mal-art meta jħammeġ ix-xatt?
Il-latrina tat-toqba
Fis-sajf kont ktibt li l-latrina tat-toqba tal-Birgu għandha tabella li għandha
aċċess għal persuni b’ diżabilità, imma biex persuna tasal quddiem il-bieb
tal-latrina hemm xi tarġiet li persuna b’ diżabiltà għandha mnejn ma tkunx
tista’ titlagħhom. Qaluli li din il-ħaġa sejra tkun irranġata. Sa issa għadha
kif kienet, naħseb li dix-xitwa jkun jaqbel li jitneħħa dan l-inkonvenjent.
Aċċess għal persuni b’ diżabilità huwa aċċess eħfef għal kulħadd. Illum jew
għada lkoll kemm aħna sejrin ikollna xi diżabiltà. Ladarba qegħdin insemmu d-diżabilità ma
nistax ma nsemmix dak li nnutajt ukoll fix-xatt tal-Kottonera. Fil-festa
tal-Kunċizzjoni jitwaħħal arblu tal-festa f’ post fejn jagħlaq l-aċċess għal
min ikun għaddej b’siġġu tat-tfal, aħseb u ara għal dak li jkun irid jgħaddi b’
siġġu tar-roti! Fuq il-każin tar-regatta ta’ Bormla sar speċi ta’ taraġ wiesa u
sabiħ, imma min pjantah ma ħasibx li fil-festa hemmhekk jintrama bl-antarjoli u
għalhekk ħareġ il barra xi ftit iżżejjed. Tgħid hemm tama li din il-ħaġa ma
tibqax kif inhi? Biex ngħid kollox, hawn insibu aċċess ieħor għal siġġu
tat-tfal jew siġġu tar-roti, imma jrid isir xi dawrien li għal persuna b’
diżabilità jista’ jkun ta’ inkonvenjenza kbira.
Jiddispjaċini li fit-tielet darba li ktibt dwar din in-naħa kelli nkun
daqstant negattiv, imma għandu mnejn ikun hemm min jaqra u joqgħod aktar attent
biex dak li sar biex jitgawda minn kulħadd jieħu ħsieb li jħallih kif sabu.
Hekk ikun jista’ jerġa jgawdih darba oħra huwa wkoll.
Fr Reno Muscat
Nessun commento:
Posta un commento