Res publica huma żewġ
kelmiet Latini li bejn wieħed u ieħor ifissru ħaġa li tkun tan-nies. Fi żmien
l-Imperu Ruman kienu jiddistingwu dak li kien res privata, jew aħjar il-propjetà privata ta’ dak li jkun u res publica jew aħjar dawk il-ħwejjeġ li
jkun aċċessibbli għal kulħadd bħal toroq jew ġonna pubbliċi. Minn dawn
il-kelmiet ħarġet il-kelma repubblika. Il-kelma repubblika fid-dinja ta’ żmien
il-Griegi u Rumani ma kienitx tfisser eżatt dak li nifhmu biha llum, imma hija
l-għeruq tal-kunċett ta’ dak li nifhmu b’ repubblika llum. Dawk iż-żminijiet b’
repubblika aktarx kienu jifhmu dak li llum insejħulu bħala commonwealth. Illum
bil-kelma repubblika kulħadd jifhem stat indipendenti li jitmexxa miċ-ċittadini
tiegħu stess billi jiffurmaw gvern.
Pajjiż Repubblika
San Marino |
L-aktar repubbliki antiki kienu dawk ta’ Ateni u Ruma li bdew madwar 500
sena qabel Kristu. Dawn spiċċaw maż-żmien. L-aktar repubblika antika li għadna
nsibuha llum hija dik ta’ San Marino, l-istat enclave, cioè geografikament imdawwar mill-Italja. Ir-Repubblika
ta’ San Marino twaqqfet fis-sena 301 u għadha teżisti sal-lum. Qabel
l-unifikazzjoni tal-Italja, li seħħet fl-1861, kienu bosta dawk l-ibliet li
kienu jiffurmaw repubbliki għalihom. Insemmu l-aktar waħda famuża, dik ta’
Venezja. Repubbliki oħrajn konna nsibuhom f’ Amalfi, Pisa, Lucca, Siena,
Genova, Firenze u Ragusa. Illum dawn kollha jagħmlu parti mir-Repubblika
Taljana imma r-Repubblika ta’ San Marino baqgħet awtonoma u ma ngħaqditx
mal-Italja.
Aktar stati
Fl-1776 twaqqfet ir-Repubblika tal-Istati Uniti, repubblika oħra li għadha
teżisti sal-lum. Fis-seklu XIX bosta
kienu dawk il-pajjiżi li kienu ddikjarati repubblika l-aktar fl-Amerika ta’
Isfel. Nistgħu nsemmu l-Arġentina, l-Paragwaj, iċ-Ċili, il-Kolombja, il-Costa
Rica, El Salvador, il-Gwatemala, il-Peru, il-Messiku, il-Bolovja, l-Urugwaj u
l-Veneżwela fost oħrajn. Dawn għadhom ilkoll kemm huma repubbliki eżistenti.
Is-seklu XX ra l-akbar numru ta’ pajjiżi jsiru repubblika. Fatturi
bħad-dekolanizazzjoni min-naħa tal-Imperu Brittaniku, minn Franza u minn
pajjiżi oħra li telqu kolonji minn taħt idejhom, kif ukoll ix-xoljiment
tal-Unjoni Sovjetika u l-waqgħa tal-Komuniżmu, kollha għenu biex in-numru ta’ repubbliki
jiżdied sewwa. Fost ir-repubbliki ġodda li twaqqfu f’ dan is-seklu nsibu
l-Kuba, l-Panama, l-Portugall, il-Finlandja, it-Turkija, l-Irlanda, l-Italja,
l-Indja, l-Egittu, l-Pakistan, Ċipru, l-Kenja, l-Alġerija u bosta u bosta
oħrajn. Fost dawn ma nistgħux ma nsemmux lill-pajjiżna li llum qiegħed
jiċċelebra l-40 anniversarju minn meta Malta saret repubblika. Kien seklu fejn
il-pajjiżi stati, uffiċjalment telgħu minn kważi 60 għal kważi 200.
Minn kemm ilu li beda dan is-seklu li qegħdin fih twaqqfu wkoll li
repubbliki ġodda. Dawn huma it-Timor tal-Lvant, is-Samoa, in-Nepal, il-Kosovo u
s-Sudan t’ Isfel. Għadna fil-bidu tas-seklu, għalhekk min jaf kemm għad iridu jitwieldu repubbliki oħrajn sakemm
jintemm.
Sokrate u Platun (mużew tal-Vatikan) |
Kittieba u ħassieba
Kienu bosta dawk il-kittieba jew ħassieba li kkummentaw fuq il-kunċett ta’ repubblika.
Fid-dinja antika insibu lil Ċiċerun bid- De
re publica. Plinu x-xiħ ukoll isemmi ir- rei publicae fit-trattat tiegħu
Naturalis Historiae u Santu Wistin isemmi kemm-il darba l-kelma res publica fil-kitba tiegħu
bl-isem Civitate Dei - Il-Belt ta’ Alla. Ma jistax jonqos li nsemmu l-opra
ta’ Platun bl-isem De Republica fejn jiddjaloga ma’ Sokrate dwar il-karattru ta’
belt-stat ġusta, immexxija min-nies ġusti.
Matul is-snin kienu bosta dawk il-ħassieba li aġġornaw jew elaboraw
il-ħsibijiet ta’ dawn l-ewwel kittieba li niżżlu ħsibijiethom dwar stat li
jitmexxa miċ-ċittadini stess f’forma ta’ repubblika.
Malta
Sir Anthony Mamo l-ewwel president ta' Malta |
Wara li nkisbet l-Indipendenza, pajjiżna għamel pass ieħor fejn anke l-kap
tan-nazzjon beda jkun wieħed minna stess. Bit-twaqqif tar-Repubblika ta’ Malta
fit-13 ta’ Diċembru, 1974, artna ingħaqdet mal-lista ta’ repubbliki li kienu
diġà jiżistu. 40 sena ilu pajjiżna ma kienx dak li huwa llum. F’ kull qasam li
tista’ timmaġina, Malta tas-snin sebgħin kienet differenti għal kollox. Jiena
ftit niftakar minn dawk is-snin imma jkolli ngħid li meta nisma’ min jitkellem
dwarhom inħoss bħal nostalġija u dlonk jiġu f’ moħħi l-kliem li Ġan Anton
Vassallo: “O Żmien ħelu kif għaddejtli”, kliem li l-poeta jibda l-poeżija
tiegħu “iż-Żgħorija”.
Jekk għalija 40 sena bidluni minn tifel għal raġel, lil pajjiżna minn
tarbija bidilha f’ żagħżugħa fl-aqwa tagħha. Illum insellmu lil Malta tagħna f’
dan il-jum importanti fl-istorja tagħna, storja millenarja li hija mħawra b’
għadd ta’ ingredjenti differenti, minn ħakma sa jasar, minn oppressjoni sa
libertà, tappi li nisġu l-istorja biex illum għandha pajjiż repubblika, res publica, ħaġa tan-nies, ħaġa tagħna.
Iva bid-difetti kollha li jista’ jkollna, aħna poplu, poplu li ngħixu f’
nazzjon li huwa repubblika. Illum Malta hija nazzjon li huwa numru daqs nazzjonijiet
oħra fid-dinja, huwa ħolqa fil-katina tad-dinja.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon - 13 ta' Diċembru 2014
Nessun commento:
Posta un commento