venerdì 26 dicembre 2014

Tmiem

Kultant nibdew xi biċċa xogħol u ma nkompluhiex jew għax ma nsibux ħin biżżejjed jew għax nixbgħu minnha jew għal ħaġa jew għal oħra. Meta nagħmlu hekk inkunu ħallejna x-xogħol nofs leħja. Imma ġieli nduru lura biex inkomplu dak li nkunu bdejna xi darba u għal xi raġuni nkunu warrabnieh. X’ ħin neħilsu dak ix-xogħol bla ma rridu nieħdu nifs twil u b’ sodisfazzjon ngħidu li kull mibdi mitmum.

Hemm sitwazzjonijiet li ma jiddependux minna biex jibdew u jintemmu, bħalma hija is-sena. 356 jum li jgħaddu u tintemm sena, sewwa jekk inkunu rridu u sew jekk ma nkunux irridu għax il-ħin ma jiddependix minna u jibqa’ għaddej bla ma joqgħod jagħti każ ta’ xejn.

Iż-żmien

Meta konna żgħar u kienu jgħaddu l-festi tal-milied u l-ewwel tas-sena konna nħarsu lejn is-sena l-ġdida daqs li kieku kienet l-eternità. Meta konna naħsbu fil-milied li jmiss konna nimmaġinaw li kien ikun fadal ħafna u ħafna żmien. Meta tibda tikber tintebaħ li s-snin jibdew igerbu b’ritmu mgħaġġel u dak li konna naraw jgħaddi bil-mod nibdew narawh jgħaddi sparat, fil-fatt ngħidu li sena ttir! Nafu li s-snin dejjem l-istess numru ta’ jiem ikun fihom, għajr is-snin bisestili, imma aktar ma nikbru aktar nibdew narawhom jgħaddu malajr.

Il-ħin psikoloġiku

Stenna naqra! Is-snin jgħaddu malajr sakemm kollox ikun miexi sewwa. Is-snin ma jgħaddux malajr għal min ikun qiegħed ibati, għal min ikun muġugħ, għal min ikun il-ħabs. Dan huwa l-ħin psikoloġiku, tassew li jum xorta waħda jkun fih 24 siegħa, imma għal min jgħaddihom fil-kwiet kollox sew, u min jgħaddihom inkwietat jew anzjuż ma jkunu jridu jgħaddu b’xejn. Min ikun qiegħed jistenna xi riżultat mediku jew xi riżultat ta’ xi eżami skolastiku ġimgħa tidher itwal minn sena. Fil-kuruturi tal-isptar kemm nies ikun hemm jistennew, jippassiġġaw, iħarsu lejn l-arloġġ tal-polz jew tal-mowbajl kull minuta. Donnu l-ħin ikun waqaf. Mill-banda l-oħra jekk inkunu xi ġimgħa vaganza f’ xi art barranija jew anke Malta stess, ġimgħa tgħaddi bħal ħolma. Dan huwa il-ħin psikoloġiku, jekk inkun kuntent jgħaddi malajr imma meta ma nkunx f’ sitwazzjoni pjaċevoli, il-ħin donnu ma jkun irid jgħaddi b’ xejn.

Tiftakru meta konna żgħar, meta konna nagħmlu xi eżami? Meta konna nkunu nafu sewwa s-suġġett konna nibdew niktbu u nwieġbu d-domandi u ntawlu biex bħallikieku nuru lill-għalliema kemm nafu u f’ ħin bla waqt konna nisimgħu leħen javżana li jkun fadal ħames minuti biss. Imma meta s-suġġett ma kienx ikun wisq faċli u konna nippruvaw niftakru f’ xi ħaġa biex tal-inqas nimlew il-paġna, il-ħin kien donnu jeħel. Dan huwa wkoll ħin psikoloġiku.

Sena mitmuma
  
Wasalna biex intemmu sena oħra. Kien hemm min ra din is-sena twila u kien hemm min bilkemm raha għaddejja. Hu x’ inhu, l-elfejn u erbatax bdiet u waslet fit-tmiem ukoll. Kemm avvenimenti, kemm ġrajjiet, kemm ġlied, kemm biki, kemm ferħ, kemm sitwazzjonijiet li qatt ma bsarna li se ngħixuhom. Kienet is-sena li fiha rajna l-kanonizazzjoni ta’ żewġ papiet, Ġwanni XXIII u Ġwanni Pawlu II, li lkoll niftakru tal-inqas wieħed minnhom. Kienet is-sena fejn rajna t-tim tal-Ġermajna jirbaħ it-tazza tad-dinja. Is-sena fejn segwejna l-għibien ta’ ajruplan tal-linja tal-ajru tal-Malasja. Is-sena fejn rajna l-Papa Pawlu VI jiġi ibbeatifikat. L-2014  kienet is-sena li fiha rriżenja l-Arċisqof  ta’ Malta. Is-sena fejn għall-ewwel darba, navetta spazjali niżlet fuq kometa. Is-sena fejn rajna l-mewt ta’ Robin Williams, Ariel Sharon, Shirley Temple, Mickey Rooney u tant oħrajn.

Dan kollu għadda u tar. Kollu ta’ xejn nibqgħu naħsbu fuqu għax iż-żmien jibqa’ għaddej bla ma jistenna lil ħadd.

Imnalla li hu hekk

Meta nkunu f’ xi okkażjoni fejn nieħdu gost, wara spiss nisimgħu min jgħid li xtaq li l-ħin ma jgħaddi qatt. Imma Alla ħares kien hekk għax jekk ma jgħaddix għal min ikun qiegħed igawdi, ikun ifisser li lanqas jgħaddi għal min ikun qiegħed ibati. Imnalla li l-affarijiet huma kif inhuma. Ikollna nammettu li meta l-Ħallieq ivvinta l-ħin għamlu b’ mod perfett u ġust, bħalma għamel il-ħwejjeġ l-oħrajn kollha fuq kollox!

Jalla s-sena li sejrin nibdew ftit jiem oħra tkun waħda tajba, waħda li fiha nisimgħu inqas aħbarijiet li jkexkxuna, inqas aħbarijiet li jnikktuna. Jalla l-2015 tkun aħjar minn ta’ qabilha.

U hawn nagħlaq għax kultant anke jien ninsa li kull mibdi mitmum, kultant nibda u nkun ser nibqa’ sejjer! Awguri!


Fr Reno Muscat

 Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 27 ta' Diċembru 2014





Nessun commento:

Posta un commento