mercoledì 3 dicembre 2014

Mużew f’ gieħ persuni mill-Kottonera

Spiss ngħaddi minn Bormla, fejn sa ftit snin ilu kien hemm il-baċir numru wieħed. Ix-xogħol miexi ġmielu u jidher li ma jdumx wisq ma jibda r-restawr ta’ dawk li kienu ħwienet tax-xogħol tat-tarzna. Naf li l-Kunsill Lokali ta’ Bormla diġà sema’ xi suġġerimenti mingħand ir-residenti; kien hemm proposti tajbin u oħrajn forsi ftit inqas tajbin. Post storiku bħal dan għandu jintuża bl-akbar għaqal biex ma ssirx ħsara li wara ma tkunx tista’ tissewwa. Il-ħsara tista’ ssir mhux biss fl-istruttura imma fil-mod ta’ kif jintuża l-post.

Minkejja li jiena minix mill-Kottonera, imma hemmhekk ngħix. Nixtieq inressaq dan il-ħsieb tiegħi kemm lill-Kunsilli Lokali tat-tliet ibliet kif ukoll lill-għaqdiet ta’ kull għamla li jinstabu fil-Kottonera. Nissuġġerixxi li parti minn dan il-bini jintuża biex fih issir wirja permanenti dwar nies prominenti jew mill-Kottonera jew li għexu hemmhekk.

Din il-parti ta’ Malta tat bosta nies kbar li għamlu gieħ mhux biss għalihom u għall-Bliethom imma għal Malta kollha. Jekk insemmu l-politika ma nistgħux ma nsemmux numru politiċi li ħarġu minn hawnhekk: Carmelo Mifsud Bonnici l-Gross, Pawlu Boffa, Duminku Mintoff, Karmenu Mifsud Bonnici, Ugo Mifsud Bonnici u tant oħrajn. Jekk insemmu kjeriċi ma nistgħux ma nsemmux lil Monsinjur Ludovico Mifsud Tommasi, l-Arċisqof Mikiel Gonzi,  Patri Mikiel Fsadni OP, ż-żewġ kardinali Maltin  Fabrizio Sceberras Testaferrata u Prospero Grech u bosta oħrajn. Jekk insemmu nies tal-palk, nistgħu ma niftakrux lil Vitorin Galea jew lil Charles Clews? U Pawlu Tanti? Jekk insemmu artisti mill-ewwel jiġi f’ moħħna Melchiorre Gafà. Nistgħu nibqgħu sejrin u l-lista titwal sewwa għax hemm bosta sportivi, kittieba, mużiċisti u oħrajn li għamlu isem u li kellhom rabta mal-Kottonera.

Naqbel mas-suġġeriment li smajt, li parti oħra minn dan il-bini ssir mużew tat-tarznari. Sa minn żmien l-Ordni tal-kavallieri dan il-bini serva għat-tiswija tal-vapuri. Matul is-snin it-tarzna għaddiet minn bosta jdejn u dejjem kienet l-għejxien ta’ eluf u eluf ta’ familji. It-tarzna wkoll dejjem kienet fil-Kottonera u għalhekk bix-xieraq li tibqa’ titfakkar biex b’ hekk kemm aħna kif ukoll dawk ta’ warajna nkunu nafu x’ kien hemm u x’ kien isir f’ dak il-post.

Nemmen li issa huwa l-waqt opportun fejn parti mill-bini, wara li jiġi rrestawrat, jibda jintuża bħala wirja dwar persuni prominenti li twieldu jew għexu fil-Kottonera u mużew tat-tarzna. Dawn għandhom ikunu postijiet fejn il-Malti jkun jista’ jeduka ruħu u fejn il-barrani jkun jista’ jżur u jduq parti mill-istorja ta’ pajjiżna.


Fr Reno Muscat

Din il'kitba dehret fl-Orizzont 3 ta' Diċembru 2014

Nessun commento:

Posta un commento