Ħsibijiet
minn fuq tal-linja
Il-garr minħabba s-sigħat twal li jinħlew fit-traffiku ilna nisimgħuh. Jekk
kien hawn min kien ħaseb li din hija immaġinazzjoni issa jaf li kellu żball
għaliex anke l-gvern ċentrali issa ħabbar li se jipprova jaffronta din
il-problema billi jistudja l-possibilità li l-karozzi li jġorru lit-tfal lejn
l-iskejjel ma jkunux fit-triq fl-istess ħin li l-ħaddiema jkunu sejrin lejn
xogħolhom. Ma ninsewx li t-tfal mhux kollha jaslu l-iskola bil-karozzi l-kbar
imma hemm ġenituri li jwasslu
lill-uliedhom huma stess lejn l-iskola u għalhekk jekk din il-miżura jkollha
sseħħ, jitnaqqsu anke karozzi privati mit-toroq waqt fil-ħin magħruf bħala rush hour.
Tal-linja
Mill-banda l-oħra nisimgħu garr minħabba n-nuqqas ta’ puntwalità fil-ħin
mill-karozzi tal-linja. Irridu nżommu f’ moħħna li karozza tal-linja hija
karozza bħal kull karozza oħra u ma għandiex ġwienaħ biex meta ssib it-traffiku
tkun tista’ ttir. Tassew li f’ xi partijiet ta’ Malta jeżistu l-bus lanes, imma dawn ma nsibuhomx
kullimkien u għalhekk f’ xi parti jew oħra tal-vjaġġ il-karozza tal-linja
jkollha tistenna wara ta’ quddiemha. Meta t-toroq tagħna jistaġnaw bil-karozzi,
id-dewmien fil-vjaġġ ikun għal kulħadd, tal-linja jew le.
Toroq żejda
Ladarba qegħdin insemmu l-karozzi tal-linja nixtieq naqsam magħkom xi
ħsibijiet li jiġuni meta nkun riekeb fuqhom, ħsibijiet li għandhom x’ jaqsmu
ma’ dak li qegħdin nitkellmu fuqu llum, il-ħela ta’ ħin fit-traffiku. Ċerti
rotot jistgħu jonqsilhom il-ħin tal-vjaġġ bi ftit ħsieb u b’ xi tibdiliet
żgħar. Ħalli nagħti xi eżempji: Ir-rotta 213, li mill-Kottonera twassal
għall-isptar Mater Dei, tgħaddi minn Triq Aldo Moro il-Marsa. Bħalha jgħaddu
dawk il-karozzi kollha li jkunu telqu min-nofsinhar ta’ Malta u li jkunu sejrin
l-isptar. Minn fejn iċ-ċimiterju tat-Torok sal-Marsa Park and Ride ma hemmx djar u għalhekk tista’ tgħid li ħadd ma
jirkeb għall-isptar mill-waqfiet ta’ dawn it-toroq. Min ikun irid jidħol
il-Belt jinqeda b’ numru kbir ta’ karozzi oħra li jgħaddu minn din it-triq.
Allura biex jiġi evitat il-ħin, u anke d-diesel, ma jkunx jaqbel li meta dawn
il-karozzi jaslu fejn iċ-ċimiterju tat-Torok, minflok jiġbdu għal Triq Aldo
Moro, jiġbdu mill-ewwel għall-Park and
Ride tal-Marsa?
Il-karozzi li jgħaddu mill-Mellieħa meta jaslu fejn kien hemm il-Belle
View, jidħlu jduru dawra fil-Park and
Ride ta’ hemmhekk. Dawra inutli li ssir kemm waqt li l-karozza tkun tielgħa
lejn il-Mellieħa kif ukoll meta tkun sejra lura. Meta tkun sejra lura l-ħaġa
hija agħar għax il-karozza trid taqsam it-triq darbtejn. Kieku jsiru waqfiet
fuq iż-żewġ naħiet tat-triq ma niffrankawx il-ħin? U jekk niffrankaw il-ħin ma
niffrankawx it-tgergir? Dawn huma biss żewġ eżempji fejn jistgħu jitqassru
t-toroq, hemm ħafna oħrajn jekk wieħed joqgħod ftit jaħseb.
Ħela ta’ riżorsi
Ġejt minn ġurnata Għawdex u mort biex nirkeb miċ-Ċirkewwa għall-Belt. Sibt
li kelli għażla bejn il-karozza numru 37 u dik bin-numru 41. Dawn telqu
fl-istess ħin, mill-istess post u kienu sejrin jaslu wkoll fl-istess post.
Il-passiggieri kollha li konna fiż-żewġ karozzi lanqas konna nimlew karozza
waħda. Dan allura mhux ħela ta’ riżorsi? Kienu fit-tard dawn iż-żewġ rotot
jingħaqdu u jsiru waħda jkunu ffranakati ma nafx kemm il-litru diesel, jkun
iffrankat xufier kif ukoll il-wear and
tear tal-karozza. Innutajt id-differenza bejn it-tfassil tar-rotot ta’ Malta
ma’ dawk ta’ Għawdex. Inħoss li dawn tal-ġżira tat-tliet għoljiet huma aktar imfasslin
bil-għaqal.
Paraguni
Jgħidu li l-paraguni oddjużi, imma bla ma rridu jkollna nagħmlu paraguni
ma’ servizzi ta’ karozzi tal-linja barra minn Malta biex nippruvaw intejbu
l-qagħda ta’ pajjiżna. Personalement l-aktar belt barranija li fiha użajt mezzi
ta’ trasport pubbliku hija Ruma u għalhekk dejjem insemmi lilha. Ruma hija belt
kaotika li ma tantx nistgħu nipparagonawha ma’ pajjiżna minħabba d-differenza
fin-numru ta’ nies li jivjaġġaw ta’ kuljum fiha. Hemmhekk hemm faxxi ta’ ħin
fejn il-karozzi tal-linja jkunu aktar frewenti. Hemm ukoll ċerti rotot li f’ xi
jiem tal-ġimgħa ma jaħdmux. Hija kwistjoni ta’ pjanifikazzjoni bil-għaqal,
pjanifikazzjoni li tipprova ma taħlix riżorsi u fl-istess waqt ma tħallix poplu
jgorr minħabba n-nuqqas ta’ servizz.
Ma nippretendix li b’dak li qiegħed ngħid jien sejrin jissolvew il-problemi
kollha tat-traffiku li jinstabu f’ pajjiżna, imma bin-naqra n-naqra nistgħu
nibdew innaqqsuhom. Ma ninsewx x’ jgħid il-Malti li kull laqxa tirfed
l-imramma. U għal min qatt ma sama’ dan il-qawl ngħidlu li dan ifisser li anke
l-aktar ħwejjeġ żgħar jistgħu jgħinu fil-komplessità tal-oġġett, kollox għandu
l-ħtieġa tiegħu anke jekk ħaġa tkun ċkejkna.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher fin-Nazzjon 29 ta' Novembru 2014
Nessun commento:
Posta un commento