Għal tliet snin sħaħ kont noqgħod f’ Kunvent li kif kont noħroġ minn
kamarti kont insib ruħi bejn żewġ armarji bil-kotba u quddiemi aktar armadji b’
aktar u aktar kotba. Tliet snin wara f’ kunvent ieħor li wkoll kif noħroġ minn
kamarti kont insib il-kotba ma’ wiċċi. Dawn minbarra l-ħafna kotba li jew
minħabba studju jew b’ passatemp kelli naqra. Allura nista’ ngħid li kelli
bosta snin imdawwar bil-kotba.
Billi f’ dawn il-jiem f’ Malta sejra tinżamm il-fiera tal-ktieb, nixtieq
naqsam magħkom Dawn il-ħsibijiet, sewwasew dwar il-ktieb. Forsi dawk is-snin
kollha li għamilt ġar ma’ tant kotba giegħluni ninnamra magħhom bla ma indunajt
jew forsi l-passjoni għall-kotba kienet ilha fija minn ċkuniti.
Etimoliġija
Il-kelma għarbija għal ktieb hija كتاب (koteb) u għal kitba hija كتابة (kiteba). Ma
tridx wisq biex tinduna minn fejn ġejja l-kelma tagħna l-Maltin. Fl-Inġliż il-kelma book aktarx ġejja mill-kelma boc
li din ġejja mill-kelma beech, li
huwa njam tal-fagu li minnu setgħu jsiru l-folji tal-karti. Il-kelma Taljana libro ġejja mil-Latin liber, li oriġinarjament kienet
tirreferi għall-qoxra tas-siġra li kienet tintuża biex issir il-ktiba fuqha.
Kien aktar tard li l-kelma liber
bdiet tirreferi għall-opra letterarja innifisha.
Żvilupp u storja
L-ewwel kitbiet fid-dinja kienu jsiru fuq materjal li kien jinstab
fil-post, bħal tnaqqix fuq il-ġebel, jew fuq it-tafal, fuq il-qoxra tas-siġar,
fuq il-ġilda tal-annimali (pergamena). Biż-żmien, l-Eġiżjani bdew jinsġu, jew
jaħdmu l-papiru, għax il-papiru hija folja maħduma. Il-karta żviluppat ukoll u
ma baqgħetx tinħadem biss bħall-papiru. Il-format tal-kitba inbidel ukoll.
Għall-bidu tal-użu tal-karta jew pergamena il-kitba kienet tkun imremmbla fi
skroll. Maż-żmien beda jiġi fformat il-ktieb. Il-kotba kienu jinkitbu bl-idejn,
wieħed wieħed. Il-monasteri tal-patrijiet kienu l-postijiet fejn jiġu kkupjati
l-kotba. Patri kien jaqra l-ktieb originali u l-oħrajn jiktbu dak li jisimgħu.
Din is-sistema kienet tagħti lok għal żbalji jew differenzi fil-kotba. Biżżejjed
wieħed jifhem kelma minflok oħra, iniżżel lilha u għandu mnejn jinbidel is-sens
kollu. Is-seklu XV kien deċiżiv fil-ħajja tal-ktieb. Bl-invenzjoni
tal-istamperija minn Johannes Gutenberg, issa bdew ikunu stampati kotba f’
inqas ħin, b’ inqas spejjes u b’ inqas żbalji. Jekk kien ikun hemm żball f’
wieħed kien ikun hemm żball f’ kollha u għalhekk kienu jagħmlu nota, imsejħa errate corrige, li twissi lill-qarrej li
f’ dik il-ktieb, f’ dik it-tali paġna u f’ dak it-tali vers hemm żball u
minflok ħaġa trid tinqara oħra.
It-tekonoloġija fl-istampar tal-kotba żviluppat sewwa. Ma baqgħetx biċ-ċomb
bħal żmien Gutenberg imma baqa’ jsir titjib u tibdil fis-sistema. Kemm-il darba
smajna bl-offset u aktar qrib tagħna bl-istampar diġitali. Dawn huma kollha
tappi fl-evoluzzjoni tal-istampar tal-kotba. Illum biex taqra ktieb mhux bilfors irid
ikollok il-ktieb tal-karti stampat f’ idejk. L-e-book sar popolari ma’ bosta nies, l-aktar żgħażagħ. Personalment
nippreferi ktieb stampat, imma ġieli kelli ninqeda b’ e-book jien ukoll, jew għax il-kopja tal-karti kienet għalja wisq,
jew għax ma kellix bżonn il-ktieb kollu. L-e-book
fih il-vantaġġi fuq ktieb stampat. Tista’ tkabbar it-tipa, tibqa’ taqra fid-dlam
għax l-e-book reader jew it-tablet
jarmi d-dawl minnu nnifsu, jiżen ftit u fl-apparat jista’ jkollok mitt ktieb,
xorta l-istess piż jibqa’. Illum anke aħna s-saċerdoti qegħdin insibuha komda
li minflok il-brevjar li jiżen nofs wiżna, nużaw e-book għat-talb tagħna. Tidħqux b’ dak li sejjer ngħid..... tgħid
għad naraw xi Papa jbierek b’ xi e-book reader minflok bil-lezzjonarju? Qabel ma kienu jeżistu l-kotba,
l-lezzjonarju kien ikun fuq skroll u allura l-barka kienet tingħata bl-iskroll,
meta daħal il-ktieb, l-iskroll għamel il-wisa’. Issa min jaf il quddiem x’ għad
naraw?
Best sellers
Bla dubju l-aktar ktieb li qatt ġie stampat fid-dinja huwa l-Bibbja.
Il-Quran ukoll huwa ktieb li kien stampat f’ miljuni ta’ kopji. Kotba li nxtraw
bil-miljuni huma l-Manifest tal-Partit
Komunista, ta’ Karl Marx, Don Quixote
ta’ Miguel de Cervantes, It-Tliet
Muskettieri ta’ Alexandre Dumas u Les
Misérables ta’ Victor Hugo. Billi dawn huma kotba antiki u ma hemmx
drittijiet fuqhom, inqalbu f’ għadd ta’ ilsna u għalhekk mhux faċli tinżamm
statistika ta’ kemm kienu stampati kopji tagħhom.
Il-ktieb ta’ Charles Dickens A Tale
of Two Cities, kien stampat f’ madwar mitejn miljun kopja. Il-kotba kollha
ta’ The Lord of the Rings, ta’ John
Ronald Reuel Tolkien kienu stampati f’ madwar mija u ħamsin miljun kopja. The Da Vinci Code, ta’ Dan Brown kien
stamapt f’ madwar tmenin miljun kopja.
F’ Malta
F’ pajjiżna għandna mnejn lanqas nafu kemm il-zero fihom dawn iċ-ċifri li
semmejna hawn fuq. Tal-inqas fin-numrun ta’ kotba żgur li le. Minħabba ċ-ċokon
tagħna, is-suq tal-kotba huwa limitat, l-aktar dawk fl-ilsein Malti. Imma
tajjeb li napprezzaw dawn il-kotba tagħna u naqraw minnhom u nħajjru
lill-oħrajn jaqraw dak li jkun għoġobna. Tajjeb li jekk inkunu qrajna xi ktieb
li għoġobna, inxerrdu l-kelma ma’ sħabna.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher fin-Nazzjon 8 ta' Novembru 2014
Nessun commento:
Posta un commento