mercoledì 5 novembre 2014

L-imigranti, Coleiro Preca, Mallia u Bugeja

Il-kwistjoni ta’ nies Afrikani li jfittxu x-xtut Ewropej b’ mod irregolari hija xi ħaġa li issa ilna snin twal nisimgħu biha. Il-fatt li poplu jimxi minn art għal oħra ma huwiex fenomenu li qegħdin ngħixuh illum biss. Jekk l-ewwel esseri umani kienu jgħixu fil-qarn tal-Afrika, dawn minħabba diversi raġunijiet ħallew arthom u nxterdu mad-dinja kollha. Dan seħħ miljuni ta’ snin ilu. L-istess insibu li ġara fl-Ewropa ċivilizzata meta n-nies li kienu jgħixu lil hinn mix-xmara Danubju, li kienet isservi ta’ fruntiera naturali, qasmu lejn Ruma u ġabu fi tmiemu l-Imperu Ruman. Id-differenza li hemm bejn l-imigrazzjoni ta’ żmien l-ewwel bnedmin jew ta’ żmien l-Imperu Ruman u dik tal-lum hija li qabel il-bniedem kellu tabilfors imur huwa stess fejn l-ikel u llum l-ikel jista’ jitwassallu ħdejh.

F’ pajjiżna għandna dak li l-Ingliżi jsejħulu “mixed feelings”. Minn banda nitħassru lil dawk il-povri bnedmin li jissugraw ħajjithom bit-tama li jsibu ħajja aħjar u mill-banda l-oħra nafu li “Charity begins at home” biex issa nibqgħu għaddejjin bl-ilsien Ingliż.  

Xhieda ta’ kemm huwa minnu dan li qiegħed ngħid huma l-pożizzjonijiet differeni ta’ ċerti politiċi. Il-President Coleiro Preca tgħidilna li l-Maltin ma humiex razzisti u tħeġġiġna biex nintegraw lil dawk il-persuni barranin li għall-għarrieda nsibuhom fuq xtutna. Nafu kemm il-President ta’ Malta hija persuna ta’ qalb kbira u sforz dan is-sentiment tixtieq kieku tgħin kemm jista’ jkun. Għandna mbagħad politiċi imħassbin dwar is-sigurtà ta’ pajjiżna. Il-Ministru Manuel Mallia stqarr li hemm possibiltà li xi terroristi qegħdin jidħlu l-Ewropa ma’ dawn il-gruppi. Malta tagħmel parti mill-Ewropa u għalhekk ma nistgħux nibqgħu friski bħal ħassa. Il-preokkupazzjoni tkompli tikber meta sirna nafu li issa l-Italja waqqfet il-missjoni ta’ salvataġġ imsejħa “Mare Nostrum” u b’hekk il-bieb kompla jinfetaħ beraħ. Ma nagħtix tort lill-gvern Taljan li jwaqqaf missjoni li qegħda tixrob miljuni ta’ ewro mill-pajjiż li jinsab diġa għarkupptejh bil-problemi u l-kriżijiet li għandu.  Mingħajr ma nnaqqas mill-mertu tal-Maltin, imma f’ġieħ is-sewwa, aħna kemm aħna armati biex ngħinu lill-dawn l-imsejkna jew imwaqqfuhom darba għal dejjem jekk hemm xi ħjiel ta’ kriminalità? Issa smajna li Robert Henry Bugeja, kandidat għas-siġġu parlamentari li se jħalli l-Onor. Kamenu Vella stqarr li huwa kontra l-programm l-Istrina, li l-ġbir minnu jmur għall-Comunity Chest Fund. Minn dawn il-fondi qegħdin isiru opri ta’ benifiċenza mal-imigranti irregolari li jidħlu f’ pajjiżna.  Ma hemmx statistika ta’ kemm Maltin jaqblu ma’ Bugeja, imma mill-impressjoni tiegħi naħseb li huma ħafna. U bla ma trid tistaqsi – imma għaliex?

Mhux għax il-Malti mhux ħanin, anzi nafu kemm huwa poplu ta’ qalb kbira u dan insibuh imniżżel fil-Bibbja, fl-ewwel ktieb li qatt semma’ isem pajjiżna.  Ilkoll nifirħu meta nisimgħu din is-silta tinqara: Meta ħlisna mill-għarqa, sirna nafu li l-gżira kien jisimha Malta. In-nies tagħha ġiebu ruħhom magħna bi ħlewwa li ma bħalha. Laqgħuna tajjeb lilna lkoll u qabbdulna ħuġġieġa, għax kienet bdiet nieżla x-xita u kien il-bard.” [Atti:28: 1-3] Allura, skont kif naħseb jiena,  il-problema tal-Malti  llum hija li tant sar hemm ħtiġijjiet fid-dar tiegħu li kważi mpossibbli jgħin lill-barrani. Jekk verament din hija l-qagħda tagħna, allura dan ma huwiex dnub ta’ omissjoni. Jekk jien inkun fejn il-baħar u nara bniedem qiegħed jegħreq, jien obbligat naqbeż u nsalvah, imma jekk jien ma nafx ngħum ma għandi l-ebda obbligu morali li nintefa l-baħar biex nipprova ngħinu għax nispiċċaw it-tnejn fil-qiegħ.


Jeħtieġ li tassew naqbdu l-barri minn qrunu dwar din il-kwisjoni, insibu politika bogħod minn dik parteġġjana, poltika li fuqha jaqbel kulħadd jekk hu possibli u nibdew inħaddmuha bla iktar telf ta’ żmien. 

Fr Reno Muscat

Nessun commento:

Posta un commento