Niftakar meta
kont żgħir l-għalliema tagħna dejjem kienu jgħidulna li aħjar toħroġ bla flus
milli minghajr maktur, għax bla flus minn hemm u minn hawn issib lil xi ħadd
jisilfek, imma l-maktur irid ikun tiegħek. Illum din il-problema ssolviet ukoll
għax jekk tinsa l-maktur malajr tixtri pakkett imkatar tal-karti, anzi ngħid
għalija lanqas għadni nuża mkatar tad-drapp u naħseb li bosta huma bħali. Imma
l-importanza li kellu l-maktur qabel, illum ħadha appartat li sirna nsibu
fil-but ta’ kulħadd. Qiegħed ngħid għat-telefon ċellulari, jew kif ilkoll
nafuh: il-mowbajl.
Mill-fantasija għar-realtà
Fi ċkuniti meta
konna naraw xi film li kien ikun fih xi telefon f’ xi karozza, konna ngħidu li
dak film tal-gideb u tal-fantasija għax dak iż-żmien ma konniex nimmaġinaw li
jista’ jkun hawn aċċess għal kulħadd għal telefon bla wajer. Tabilħaqq li kien
hemm il-pulizija u s-suldati li kellhom ir-radju bla fil li bih kienu
jikkomunikaw, imma qatt ma mmaġinjana li anke Ċikku l-poplu kellu jkollu
telefon bħal dawn. Għall-ewwel li bdew it-telefon ċellulari, dawn kienu kbar u
tqal, bl-antenna u kulħadd kien jinduna
li dak li jkun ikollu wieħed għax kienu goffi u ma kienux joqgħodu fil-but.
Illum l-apparat ċkien,l-antenna spiċċat u l-piż sar ħafif.
Jagħtik status
Meta dan it-tip
ta’ telefon beda jinfirex, sar oġġett li jagħti status lil dak li jkun u kien hemm żmien li konna mmorru f’
restaurant u min kien ikollu mowbajl kien ipoġġih fuq il-mejda mal-frieket
is-skieken u l-imgħaref. Kien bhal donnu oġġett li jgħolli l-grad ta’ dak li
jkun. Illum l-ebda status ma għadu
jagħti l-mowbajl għax sar oġġett li nsibu anke f’ idejn it-tfal.
Żidna l-periklu
Ikollna nammettu
li minn kemm ilna li għandna l-mowbajl fil-but, żidna il-periklu fit-toroq
tagħna. Kemm-il darba rajt żgħażagħ jaqsmu t-triq u minflok iħarsu lejn
il-karozzi, jibqgħu għaddejjin itektku fuq il-mowbajl tagħhom. Agħar min hekk
huwa l-fatt li bosta sewwieqa jużaw il-mowbajl waqt li jkunu jsuqu. Dan huwa
ksur tal-liġi u hemm piena għal min jinqabad jagħmel din il-ħaġa, imma
sfortunatament ħafna jinjoraw il-liġi. Allura jkollna ngħidu li bil-mowbajl
żidna l-perikli f’ ħajjitna. Dan biex ma nsemmix il-periklu li bosta żgħażagħ
qegħdin jitgħallmu jiktbu b’mod ħażin. L-Ingliżi draw jiktbu How r u? minflok how are you? Iqsar u malajr teħles! It-Taljani jużaw il-K f’ che jew perché. U aħna l-Maltin la teżisti għajn, la akka u xejn.
Nagħti skandlu?
Meta kont Ruma, fil-mowbajl
tiegħi niżżilt applikazzjoni li fiha t-talb li aħna s-saċerdoti obbligati
ngħidu kuljum. Kont ninżel fil-knisja
għal dan it-talb u nuża l-mowbajl minflok il-ktieb tqil jiżen għaxar kili! Kien
hemm min skandalizza ruħu għax skont huma, kien ikun hemm patri li minflok jitlob kien
jioqgħod jilgħab biċ-ċellulari tiegħu. Wieħed parruċċan anzjan imma li jħobb
it-teknoloġija għamel bħali. Issa sirna tnejn nużaw il-mowbajl għal-lawdi u
għall-vespri. It-tnejn irduppjajna u fl-aħħar kien hemm bosta lajċi li jiġu
jitolbu magħna permezz tal-mowbajl. Anzi saħansitra kien hemm min beda jġib
miegħu t-tablet u jsegwi minn fuqu. Dak li għall-ewwel kien skandlu fl-aħħar
sar stument ta’ ġid.
Il-mowbajl illum
Tkun fuq
tal-linja, tkun tistenna fi kju, tkun dieħel il-Belt, tkun tippassiġġa
tas-Sliema, tkun Malta, tkun barra dejjem issib lil xiħadd bl-imbierek mowbajl
f’idu. Min jikteb messaġġ, min jaqra l-aħbarijiet, min jaqra xi ktieb, min
jilgħab xi logħba u l-kumplament. Jiena darba saħansitra ktibt artiklu għal dan
il-ġurnal fuq il-mowbajl tiegħi. Żgur li ma huwiex il-mod eċċellenti biex
tikteb artiklu, imma f’ każi partikolari jkollok tinqeda b’ dak li ssib.
U bla ma trid
tieqaf u taħseb u tgħid x’ użu sar fih il-mowbajl illum. Niktbu bih, inżommu
l-appuntamenti fih, naraw il-kalendarju, nieħdu r-ritratti uniġbdu xi biċċa
film, nibgħatu l-messaġġi, naqraw l-e
mails, nidħlu fil-facebook, nilgħabu l-logħob, naraw fejn qegħdin fid-dinja
permezz tal-GPS li xi mowbajl fihom. Illum nistgħu naraw it-televiżjoni minn fuq
il-mowbajl ukoll. Il-mowbajl qiegħed iservi wkoll biex min irid iniżżel
applikazzjoni għat-talb.
Nagħmlu xi ħaġa
oħra b’ dan l-apparat li llum jinstab fil-but ta’ kulħadd? Qiegħed inħoss li
donni insejt xi ħaġa fil-lista ta’ hawn fuq. Hekk hu, bilħaqq bil-mowbajl
nistgħu nagħmlu telefonata, anzi l-iskop ewlieni ta’ dan l-apparat kien li
nċemplu lil xulxin imma llum kważi kważi nagħmlu mitt ħaġa bih minbarra
nċemplu.
X’ lussu għandna
fil-but illum, apparat li sar importanti daqs kemm kien il-maktur fi ċkuniti.
Fr Reno Muscat
dan l-artiklu deher fin-Nazzjon, 15 ta' Novembru 2014
Nessun commento:
Posta un commento