
Quddiem
il-Bażilika joħorġu bħal par dirgħajn li jdawru lil din il-pjazza meraviljuża.
Dawn id-dirgħajn jissejħu il-kolonnat ta’ Pjazza San Pietru għax fihom erba’
faxxi ta’ kolonni wara xulxin. L-idea wara dan d-disinn ta’ din il-pjazza kien
propju li l-Knisja tiftaħ dirgħajha biex tilqa’ lil kulħadd. Hekk għadnu jkun
għax il-Knisja ta’ Kristu hija bħax-xibka tas-sajjied li fiha jinġabar minn
kollox.
Sinodu

Divorzjati u miżżewġin mill-ġdid
Waħda mit-temi
l-aktar jaħarqu li miss is-sinodu kienet fejn jidħol it-tieni żwieġ. Il-Knisja
Kattolika ma taċċettax it-tieni għaqda matrimonjali. B’ differenza għall-Knisja
Latina, dik Ortodossa tbierek it-tieni għaqda. Meta qegħdin ngħidu tbierek ma
jfissirx li l-Knisja Ortodossa tqis żwieġ ta’ persuni li fl-ewwel imħabba tagħhom
ma sabux xorti, bħala sagrament. Le, imma tbierek lil dik il-koppja sabiex tkun
taħt il-ħarsien ta’ Alla. B’ din id-differenza bejn dawn iż-żewġ Knejjes spiss
tinħoloq konfussjoni fl-imħuħ u ġieli jkun hemm min jistaqsi lilna s-saċerdoti
liema huwa t-tagħlim veru tal-Knisja, jew liema Knisja waqqaf Kristu. Dawn huma
mistoqsijiet li mhux faċli tweġibhom. Kristu waqqaf Knisja waħda. Il-firda bejn
l-Oċċident u l-Orjent saret biż-żmien. It-tagħlim tal-Knisja ma huwiex tagħha
imma tal-fundatur tagħha, u għalhekk tlaqqa’ s-sinodu biex wieħed jara x’ hemm
xi jsir. Ġieli jiġu persuni u jgħidulek li ilhom tletin, erbgħin jew ħamsin
sena miżżewġin u qatt ma tradew lill-parti l-oħra. U jistaqsuk jekk quddiem
Alla iż-żwieġ tagħhom huwiex bħal ta’ dawk li biddlu lill-parti l-oħra. Mhux
faċli ssib kliem biex tfisser lil dawn it-talin li Alla huwa ħanin u li dawk li
ma sabux xorti fl-ewwel żwieġ, xorta huma ulied Alla. Aħna nirraġunaw ta’
bnedmin li aħna. Imnalla Alla ma jirraġunax bħalna għax kieku l-ġenna tkun
vojta!
Żwiġijiet validi
Biex żwieġ
sagrament ikun validu irid li ż-żewġ partijiet meta jkunu fuq l-altar, ikunu
ċerti li dak li qegħdin jagħmlu huwa kuntratt sal-mewt. Jekk parti mill-koppja
ma jkolliex dan f’ moħħa, iż-żwieġ ma jkunx jgħodd u jkun null. Bil-mentalità divorzista li għandha llum
niddubita kemm żwiġijiet huma validi! Il-mentalità tal-lum hija waħda
konsumista, nibbdlu l-oġġetti li jkollna spiss, minn mowbajl, sa karozza, minn
xogħol sa dar. U anke fejn tidħol il-parti l-oħra tal-koppja, daħħlet ukoll din
il-mentalità. Meta parti mill-koppja tersaq lejn is-sagrament taż-żwieġ b’ din
l-idea ġewwa moħħha, iż-żwieġ ikun fażul, invalidu.
Unjoni Ċivili
Realtà oħra li
qegħdin spiss insibu ma’ wiċċna hija ta’ persuni li ma jistgħux jingħaqdu fi
żwieġ sagrament. Fost dawn hemm dik il-faxxa li diġa semmejna, iddivorzjati u
miżżewġin mill-ġdid u hemm oħrajn. Dawn ukoll huma ulied Alla u bl-ebda mod ma
għandhom jiġu esklużi mill-Knisja ta’ Kristu. Ma’ din il-faxxa jidħlu wkoll
il-koppji omosesswali. Meta nies li jaqgħu f’ din il-faxxa jiġu jitkellmu
magħna s-saċerdoti, dlonk nindunaw bix-xewqa kbira tagħhom li kieku l-qagħda
tagħhom ma hijiex dik li hi imma hija waħda regolari. Knisja inkussiva ma
tistax twarrab lil dawn in-nies. Dawn jidħlu fix-xibka wkoll.
Ma nkun qiegħed
nikxef l-ebda sigriet meta ngħid li fuq dawn iż-żewġ argumenti kien hemm
l-inqas qbil fis-sinodu. Fuq iddivorzjati u miżżewġin mill-ġdid li jitqarbnu, 104
ivvutaw favur u 74 kontra, filwaqt li dwar koppji gay, 118 favur u 62 kontra.
Dawn id-dati jintabu fis-sit tal-Vatikan għal min jinteressah.
Għalhekk iltaqa’
s-sinodu biex kemm jista’ jkun kulħadd ikun parti mill-makkinarju li jħalli
l-Knisja miexja l quddiem. Għalhekk tkellmu l-isqfijiet, biex ulied Alla
jħossuhom tassew ulied f’entità inkussiva u mhux waħda li teskludi bl-addoċċ.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher fin-Nazzjon 1 ta' Novembru 2014
Nessun commento:
Posta un commento