venerdì 28 luglio 2017

Daqq ta’ qniepen u murtali

Ninsabu fl-eqqel tal-istaġun tal-festi Maltin, żmien fejn id-daqq tal-qniepen u l-murtali jinstemgħu aktar minn żminijiet oħrajn tas-sena. Kull sena, anzi kull sajf, dejjem iqum l-argument jekk dawn għadhomx żmienhom, jekk f’ Malta tal-2017 għadx hawn lok għal dawn l-elementi festivi u tradizzjonali tagħna. U jien meta nisma’ dawn l-argumenti ngħid jew il-Maltin saru wisq dojoq, kollox jagħtihom fastidju jew hemm xi agenda moħbija wara dawn l-argumenti.

L-għan tal-qniepen
Il-qanpiena għandha leħen u għandha lingwa. Kont ser ngħid għandha ilsien biex nuża l-kelma tabilħaqq Maltija, imma billi parti mill-qanpiena tisssejjaħ ilsien, dik il-parti li tħabbat, naħseb li jkun aħjar jekk nuża l-kelma lingwa biex ma nħawwadx nies. Il-lingwa tal-qanpiena mhux kulħadd jifhimha bħalma mhux kulħadd jifhem it-Taljan, il-Franċiż, il-Ġermaniż jew xi lingwa oħra li ma tkunx studjajt. L-għan tad-daqq tal-qniepen kien li fi żmien meta l-arloġġ fid-djar Maltin kien lussu,  juri lin-nies il-ħin tal-ġurnata. Mas-sebħ kien idoqq il-Pater Noster biex ir-raħħala jindunaw li sebaħ jew wasal biex jisbaħ jum ġdid. Fit-tmienja ta’ filgħodu u f’ nofsinhar jindaqqu tokki biex dak li jkun jinduna x’ ħin sar. Ma’ dawn it-tokki kien hemm id-drawwa li tingħad it-talba tal-Angelus. Fi tmiem il-jum kienet tindaqq dik li tissajjaħ l-Ave Marija biex dak li jkun itemm il-jum b’ radd ta’ ħajr lill-Ħallieq u xi ħin wara kienet tindaqq l-hekk imsejħa l-Mewt. Imbagħad hemm daqq ieħor, bħal dak li jħabbar li se tibda quddiesa daqs kwara wara, daqq li jħabbar il-mewt ta’ xi persuna u kien hemm żmien fejn anke kienet tindaqqq glorja fit-twelid ta’ tarbija. Fil-mota li tħabbar mewt hemm differenza fit-tokki jekk ikunx miet raġel jew mara. Ma nafx il-liġi tal-ġeneru hijiex ser tibdel xi ħaġa rigward id-daqq tal-qniepen fil-każi tal-mewt! Waqt quddiesa solenni għadna nisimgħu d-daqq tal-Glorja u tas-Santus. Hemm ukoll id-daqq tal-qniepen waqt li tkun qed tingħata l-barka.  Nhar ta’ Ħamis filgħaxija tindaqq mota biex tfakkar fit-twaqqif tal-Ewkaristija u nhar ta’ Ġimgħa fit-tlieta ta’ waranofsinhar għad hawn fejn tindaqq il-mota biex tfakkar fil-mewt ta’ Kristu. Ma’ dan kollu llum nisimgħu wkoll id-daqq tal-arloġġi tal-knejjes. Dan id-daqq ukoll jagħmel parti mil-lingwa tal-qniepen u jekk ma tkunx taf il-lingwa tibqa’ ma tifhem xejn. Imbagħad hemm id-daqq tal-moti li joħloq tant kontroversji. Il-moti tal-festa li jibdew minn kmieni jħabbru li fir-raħal jew belt ikun sebaħ jum speċjali, jum mhux bħal tas-soltu.

Il-murtali
L-arti piroteknika Maltija daħlet fil-festi tagħna bosta snin ilu. Din id-drawwa daħlet wara li l-Maltin kienu jaraw lill-ħakkiema ta’ arthom jagħtu salut bil-bombi lil xi dinjitarju li jkun qed iżurhom. Il-Maltin xtaqu li huma wkoll isellmu lill-akbar dinjitarju fir-raħal tagħom; il-qaddis patrun! Bdew jinħarqu l-maskri (skrataċ mimlijin bil-porvli) mat-triq tal-purċissjoni u biż-żmien żviluppa n-nar tal-ajru. Kien hemm żmien fejn il-murtali kienu jkunu bil-wisq aktar qawwijin minn dawk tal-lum, u ħadd qatt ma kien igerger għandek tgħid!

Anke fejn jidħol in-nar hemm wieħed x’ jifhem u dak li ma jkunx jifhem il-lingwa tagħhom,  għalih kollox l-istess u kollha storbu. Hemm sengħa u arti fil-piroteknika. Illum aktar minn qabel għax qegħdin naraw nar sinkronizzat mal-mużika li joffri spettaklu mill-isbaħ. Il-ħaġa li daħħqitni hi li dan l-aħħar kien hemm min ġab l-iskuża li l-murtali jbeżżgħu lill-annimali. Kemm sirna qegħdin sew, l-annimal jiġi qabel il-bniedem. Jiena kontra kull moħqrija fuq l-annimali, imma f’ ġieħ is-sewwa, jekk tridu toħduha kontra din id-drawwa Maltija sibu argument ieħor!

L-esegerazzjoni f’ kollox ħażina. Bosta jgergru li l-ħsejjes idumu wisq matul il-lejl. Jien naqbel li jekk hemm liġi li tispeċifika ħin meta għandu jieqaf l-istorbju, din għandha tiġi rrispettata għax b’ hekk jinqalgħu ħafna argumenti u tgergir. Kieku l-liġi tinżamm ħadd ma jkun jista’ jgħid xejn iżda bosta drabi jkun hemm min iwaqqa’ l-balla fuq saqajh.

Jekk inżommu l-liġi
Jekk għandha tinżamm il-liġi dwar l-istorbju, din għandha tgħodd għal kulħadd u għal kull okkażjoni. Mela jekk l-istorbju għandu jintemm fil-ħdax ta’ bil-lejl, anke l-attivitajiet mhux marbutin mal-festa għandhom jintemmu f’ dak il-ħin. Ma rridx insemmi rħula, imma naf fejn matul is-sajf fi tmiem il-ġimgħa, bniedem ma jkunx jista’ jagħlaq għajn ma’ għajn bil-ħoss tal-mużika tgħajjat matul il-lejl kollu li ssir minn lokal mhux wisq bogħod. Dan eżempju wieħed. Kieku Paceville kellu jitfi d-dawl fil-ħdax x’ jiġri? Illum fil-ħadx il-ħajja f’ Paceville tkun għadha ser tibda! Mela n-nies li joqgħodu hemmhekk ma jridux jorqdu wkoll? Tgħid dan huwa każ fejn jafferma dak li qal George Orwell f’ Animal Farm li l-annimali huma kollha ndaqs, imma xi wħud mill-annimali huma ndaqs aktar mill-aħrajn?

Ilum qbadt agrument kontroversjali ħafna, naf li hawn min jaqbel mad-daqq tal-qniepen u mal-murtali u hawn min għalih huma kollha żejda. Il-pożizzjoni tiegħi mhix li dawn id-drawwiet jinqatgħu għax huma parti mill-folklor tagħna, jispiċċaw huma u tkompli tiġġarraf l-identità tagħna. Hemm fejn wieħed jikkontrolla u jnaqqas l-esegerazzjonijiet. Niftakru x’ kien jgħid San Tumas ta’ Akwinu, li l-moderazzjoni hija tajba f’ kollox!


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon tad-29 ta' Lulju 2017





Nessun commento:

Posta un commento