venerdì 20 settembre 2019

Issa li l-festi ntemmu!


Ix-xhur li fihom aħna l-Maltin niċċelebraw il-festi tradizzjonali tagħna wasal fi tmiemhom ukoll. Tabilħaqq li issa jibdew isiru għadd ta’ festi oħrajn f’kappelli rurari jew festi sekondarji fil-parroċċi tagħna, imma l-kbir għadda. Issa d-daħna tal-murtali ma għadiex tidher u lanqas għadna nisimgħu it-tfaqqiegħ u t-tkarwid tan-nar. Issa l-armar tat-toroq reġa’ sab ruħu fil-maħżen biex issirlu xi tiswija u jintrefa’ għal sena oħra. Id-damask inqala’ minn postu, tfarfar, intewa u reġa’ tpoġġa fil-kxaxen tas-sagristija. L-apparat tal-fidda li nużaw fil-festa kollu tpoġġa f’postu fit-teżor tal-knisja. Issa s-sakra li skirna fil-marċ tal-festa għadditilna u erġajna nħossuna f’sensina u nistgħu nirraġunaw. Kollox juri li l-festi għaddew u ladarba għaddew nistgħu nagħtu ħarsa lura lejhom u naraw x’għamilna tajjeb u x’għamilna ħażin. 

Kemm smajna kummenti
Storja li tirrepeti ruħha kull sajf hi dik li bosta jgorru dwar xi aspett tal-festi Maltin. Fuq nett tal-lista tal-ilmenti nsibu n-nar. Biex ngħidu d-dritt tassew li għad għandna min jeseġera xi ftit, imma jkollna ngħidu wkoll li fejn għexieren ta’ snin ilu, in-nar naqqas mill-istorbju tiegħu. Illum sirna naraw spettakli piromużikali ta’ livell tassew għoli. Rajt spettakli bħal dawn barra minn Malta, imma nistqarr li dawk ta’ pajjiżna jissuperaw lil dawk li rajt jien lil hinn minn xtutna. Jekk inhu hekk, min jaf jekk tkunx idea tajba li ninvestu aktar f’piroteknika mal-mużika u nnaqqsu l-murtali tal-bomba? B’hekk nemmen li jonqsu l-kummenti negattivi kontra l-festi.

Ding dong
Garr ieħor isir kontra d-daqq tal-qniepen. Filwaqt li nifhem li min joqgħod qrib ta’ xi knisja għandu dritt għall-mistrieħ, ngħid ukoll illi dan id-daqq ma jsirx is-sena kollha. Ġimgħa f’sena għandna mhux nissaportuhom imma nieħdu gost bihom. Jekk taħseb dejjem fin-negattiv żgur li l-ħoss tal-qniepen idejqek imma jekk tipprova tifhem li d-daqq tagħhom qed iwassal messaġġ, il-ħoss tibda tieħu gost bih.

Sweet Caroline
Il-marċi tal-festa wkoll huma punt fejn nisimgħu bosta kritika negattiva dwarhom. Nistqarr li bosta drabi min jikkritika lil dawn il-marċi jkollu raġun. Qed nesegeraw; fil-ħin, fix-xorb, fil-kummiedji żejda. Wara l-marċ bosta każini u ħwienet qed ikomplu jiċċelebraw billi jibqgħu miftuħin b’żgħażagħ jixorbu. Rajt b’għajnejja stess żgħażagħ għadhom jixorbu waqt li mill-knisja tkun ħierġa l-purċissjoni. It-tul ta’ ħin għax-xorb ma jsirx biss f’jum il-festa imma wkoll wara l-marċi ta’ fost il-ġimgħa. Kont f’lokalità għall-festa dan is-sajf. Iddeċidejt li nieħu l-vakanzi tas-sajf tiegħi f’dan il-post fil-ġimgħa tal-festa. Wara l-marċ iż-żgħażagħ jinġabru fil-każin għall-party, biex issa mhux ikantaw mal-marċi tradizzjonali imma jgħajtu mad-diska  Sweet Caroline! Il-marċ jispiċċa fil-ħdax ta’ billejl, imma l-party tal-kazin beda jdum sat-tlieta ta’ filgħodu, bi storbju eseġerat li ma jħalli lil ħadd jorqod. Ma ssaportejtx u tlaqt lejn id-dar għall-kwiet! Possibbli li wara marċ ta’ tlett sigħat irridu nagħmlu party ta’ erbgħa sigħat? Il-liġi li fil-ħdax ta’ filgħaxija jrid jieqaf l-istorbju għadha teżisti. Jekk iva żgur mhux qed tiġi mħarsa.

Pedestalli u antarjoli
Issa la qed insemmi t-tgergir insemmi wkoll l-armar ta’ barra li jsir fil-festi. Bosta jgorru li minħabba fih in-nies ma tkunx tista’ tgħaddi minn fuq il-bankina. Hemm fejn għandhom raġun imma hemm fejn le. Fuq il-bankini ma narawx biss l-armar tal-festa imma naraw karozzi pparkjati, street furniture u anke xi arblu tad-dawl. Allura l-pedestall jagħtikom fastidju? Rajt pedestalli ġodda tassew oriġinali. Dawn jeħlu mal-ħajt u jħallu aċċess għall-pubbliku biex jgħaddi minn fuq il-banikina. La qed ngħid xi ħaġa pożittiva tajjeb insemmi fejn rajtha. Prosit lill-grupp tal-armar ta’ San Pawl il-Baħar ta’ din l-idea tajba. Kieku kienet xi ħaġa ħażina ma kontx ser insemmi l-post! U la qed insemmi l-pożittiv ma nistax ma nsemmix lid-Dumnikani tal-Birgu li mxew fuq il-passi tal-Ġorġjaniżi Qriema u qatgħu il-bżieżaq mill-festa tagħhom. Smajt li hemm festi oħrajn li jew qatgħu jew ser jaqtgħu il-bżieżaq biex jitħares l-ambjent.

Dawn huma xi punti li jsir wisq tgergir dwarhom. Tajjeb li naħdmu fuqhom u ,mhux jekk naraw xi kitba dwarhom ngħidu “Ħalluna ngawdu” jew “Go back ta’ your country”. Ejjew intejbu u nirrangaw. Il-kritika mhux dejjem tkun distruttiva, minnha nistgħu nitgħallmu u nitjiebu.

Xi qrajt
Qrajt li bħalissa l-Għaqda Każini tal-Banda għaddejja bi proċess biex il-festa Maltija tiġi tagħmel parti mill-inventarju nazzjonali tal-wirt intanġibbli. Jekk din it-talba tiġi milqugħa allura il-pass li jmiss  ikun li ssir applikazzjoni mal-UNESCO biex il-festa Maltija ssir wirt intanġibbli dinji. Tajjeb naraw naqra l-kelma INTANĠIBBLI xi tfisser qabel xejn. Din tfisser li ma tkunx tista tintmiss, issir wirt mhux biss ta’ pajjiżna imma anke tad-dinja kollha. Imma kemm verament il-festa Maltija baqgħet ma ntmissitx? Inkunu sinċiera magħna nfusna. Il-festa Maltija evolviet imma fl-evoluzzjoni tagħha daħlu xi elementi li xejn ma għandhom x’jaqsmu magħha anzi qed jagħmlulha ħafna ħsara.
Tajjeb li issa li għaddew il-festi npoġġu ftit fil-kwiet u nagħmlu evalwazzjoni tagħhom, evalwazzjoni serja u imparzjali.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon -  21 ta' Settembru 2019


1 commento: