venerdì 6 settembre 2019

X’kunjomok?


Illum meta xi ħadd jistaqsina isimna b’mod uffiċċjali dlonk inwieġbu billi nagħti l-isem li tawna l-ġenituri tagħna fi twelidna u dlonk inżidu l-kunjom tal-familja. L-isem ta’dak li jkun kien jingħata lill-bniedem sa mill-eqdem żminijiet, hekk pereżempju nsibu l-istorja tal-ħolqien tad-dinja fil-Bibbja u fil-Quran li l-ewwel bnedmin kellhom ukoll isem: Adam u Eva, minkejja li ma kellhomx wisq bżonnu. Iżda l-kunjom mhux antik bħall-isem. L-użu tal-kunjom daħal bil-mod fid-dinja u minkejja kollox, illum għadna nsibu xi kulturi li għadhom ma jużawhx.

Fi żmien ir-Rumani u wara
Fl-Ewropa l-użu tal-kunjom sar popolari fi żmien lmperu Ruman. Ovvjament il-kunjom kien jingħata liċ-ċittadin u mhux lill-iskjav. Billi dan l-imperu kellu taħt idejh ix-xatt tal-Mediterran kollu, din id-drawwa infirxet ukoll f’dawk l-inħawi li kienu jitmexxew minn Ruma. Mal-waqgħa ta’ dan l-imperu storiku, l-Ewropa għaddiet minn żmien ta’ taqlib. Daħlu fiha l-popli Ġermaniċi, il-Persjani u popli oħra bi drawwiet differenti minn dawk ta’ Ruma u f’dawn iż-żminijiet il-kunjomijiet ma baqgħux jintużaw.

Hawn jiġini f’moħħi ħsieb. Min jaf x’kien kunjomu San Ġużepp u għalhekk awtomatikament Ġesù? Min jaf San Pawl x’kunjom kellu minkejja li l-ittri tiegħu qatt ma ffirmahom bil-kunjom ukoll? U min jaf x’kien kunjomu San Publju li laqa’ lil Pawlu f’Malta tagħna?

Fi żmien il-Medjuevu il-kunjom reġa’ beda jintuża. Aktarx li l-kunjom issa beda jindika x’mestier jagħmel dak li jkun, jew minn fejn ikun jew anke x’fiżjonomija jkollu. Dawn, jista’ jkun li aktar kienu laqmijiet milli kunjomijiet iżda kienu huma li welldu l-kunjomijiet li nużaw illum.
Tajjeb ngħidu li fiċ-Ċina l-kunjom ilu jintuża sa madwar seklu qabel Kristu. Insomma ċ-Ċina dejjem kienet dinja differenti minna!

Jintiret
Il-kunjom jintiret mill-ulied. Normalment l-ulied jingħataw il-kunjom tal-missier. F’Malta sa ftit snin ilu il-mara kienet tieħu kunjom żewġha maż-żwieġ. Illum din tista’ żżomm kunjomha jew inkella saħansitra tati kunjomha lil żewġha. Meta fit-twelid, il-missier ma jkunx magħruf jew ma jaċċettax lit-tarbija, il-wild jingħata kunjom l-omm.

Illum maż-żwieġ, il-mara u r-raġel jiddeċiedu liema kunjom se jżommu. Koppja ħabiba tiegħi iżżewġet, hu kunjomu Galea u hi l-istess. Meta marru r-reġistru pubbliku biex jirreġisteraw iż-żwieġ tagħkom riedu jkunu jafu jekk hi kinitx se tieħu kunjom żewġha jew tibqa’ b’kunjom xbubitha. Qaltilhom li Galea kienet u Galea se tibqa għax hi u żewġha għandhom l-istess kunjom. Insistew li trid tiddeċiedi u għalhekk qaltilhom li se tieħu kunjom il-qassis li kien ser iżewwiġhom, li nzerta Galea wkoll!

Kunjomijiet Maltin
Bħal kull ċiviltà jew ġens ieħor, aħna l-Maltin għandna l-kunjomijiet tagħna. Il-kunjomjiet Maltin nistgħu niddividuhom fi tlieta: dawk li ġejjin mid-dinja Semitika, mill-Għarbi jew mil-Lhudi, dawk li ġejjin mid-dinja Romanza, mit-Taljan jew Sqalli, mill-Franċiż u l-Ispanjol u mbagħad hemm kunjomijiet li daħlu f’pajjiżna minħabba l-kolonjaliżmu, kunjomijiet Ingliżi, Skoċċiżi jew Irlandiżi.
Minkella li f’Malta nsibu aktar minn dsatax-il elf kunjom differenti, tliet kwarti tal-Maltin għandhom l-istess mitt kunjom. Kwart mill-poplu Malti kollu għandi l-istess għaxar kunjomijiet, allura ovjament huma l-aktar kunjomijiet popolari. Tajjeb insemmuhom dawn l-għaxar kunjomijiet l-aktar popolari f’artna: Borg, Camilleri, Vella, Farrugia, Zammit, Galea, Micallef, Grech, Attard, Spiteri u Azzopardi. Il-kunjomijiet ta’ pajjiżna evolvew bħal kunjomijiet oħra. Xi ismijiet ta’ rħula saru kunjomijiet, bħal Asciak, Attard, Balzan, Curmi, Lia u Valletta. Mhux hekk biss, xi ismijiet ta’ bliet barranin ukoll saru kunjomijiet Maltin bħal Cremona, Messina, Catania, Avellino, Trapani u Salerno. Formosa huwa l-isem antik tal-gżira ta’ Taiwan filwaqt li Muscat huwa l-isem tal-belt kapitali ta’ Oman. Iżda dawn l-aħħar żewġ kunjomijiet ma’ għandhom xejn x’jaqsmu la mal-gżira qrib iċ-Ċina u lanqas mal-kapitali tas-Sultanat Għarbi.

Ċerti kunjomijiet imbagħad huma marbutin ma’ rħula jew bliet partikoli. Jekk issemmi lil Abdilla, jiġi f’moħħok Ħal Safi u l-inħawi, jekk imbagħad tgħid li kunjomok Aquilina jassoċċjawk mas-Siġġiewi. Bezzina huwa popolari ħafna fir-raħal ta’ Ħal Għargħar u Vella fil-Mellieħa. Għawdex għandu kunjomijiet sinonimi miegħu bħal ngħidu aħna Rapa, Meilak u Debrincat.

Lil hinn minn xtutna
Il-kunjomijiet tagħna inxterdu mad-dinja minħabba l-emegrazzjoni ta’ bosta Maltin, imma hemm xi kunjomijiet li lanqas taħsibha li huma aktar popolari barra minn xtutna milli f’artna. Pereżempju il-kunjom Zahra huwa popolari fostna, imma hemm pajjiżi li fihom dan il-kunjom huwa aktar mifrux milli f’Malta. F’Malta hawn madwar elf u sitt mitt persuna b’dan il-kunjom imma fil-Pakistan hemm kważi tmenin elf ruħ li kunjomhom huwa Zahra. Bħal dan hemm xi wħud oħrajn ukoll għalkemm ftit ħafna.

Ilum rajna xi ħaġa żgħira dwar it-tieni isem tagħna, il-kunjom, dak li ġieli nsejħulu l-isem tal-familja. Hemm wisq aktar x’tgħid!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon 7 ta' Settembru 2019


Nessun commento:

Posta un commento