venerdì 13 settembre 2019

Bologna




Il-belt hekk imsejħa Capo Luogo tar-reġjun tal-Emilia Romagna fl-Italja hija Bologna. Sa ftit snin ilu ftit kienu dawk li jżuru din il-belt bħala turisti għax minkejja li hija belt li fiha ħafna x’tara, aktar kienet imfittxija għall-kummerċ kif ukoll għall-istudji billi fiha għadd ta’ universitajiet. Minn xi snin ’l hawn il-comune ta’ Bologna beda jħajjar aktar turisti lejn beltu. Mhux diffiċli tasal Bologna minn Malta. Illum minn pajjiżna wieħed jista’ jsib titjiriet diretti għall-ajruport ta’ Bologna li jinsab biss ftit kilometri bogħod miċ-ċentru tal-belt. Minn Ruma wieħed jista’ jasal hemmhekk bil-ferrovija f’madwar sagħtejn filwaqt li minn Milan hemm ferroviji li jwassluk f’madwar siegħa.

Iċ-ċentru
Piazza Maggiore u San Petronju
Minkejja li Bologna hija belt kbira, iċ-ċentru storiku tagħha huwa ta’ qies li wieħed jista’ jżuru sewa anke bil-mixi. Iċ-ċentru ta’ kollox hija pjazza hekk imsejħa Maggiore. F’din il-pjazza nsibu l-akbar knisja ta’ Bologna u waħda mill-akbar tad-dinja, iddedikata lil San Petronju. Dan il-qaddis ftit li xejn huwa magħruf barra din il-belt għaliex kien isqof ta’ Bologna li reġa’ bena lil din il-belt wara li kienet twaqqgħet fuq ordni ta’ Teodosju I. F’din il-bażilika nsibu għadd ta’ affreski imma hemm wieħed li llum huwa meqjus xi ftit kontroversjali. Dan juri il-ġudizzju universali u fih jidher Mawmettu jinbela’ mix-xitan. Illum lanqas tgħaddi minn moħħ ħadd li ssir pittura bħal din, imma rridu nifhmu ż-żmien li fih tpittret.  Din il-pjazza hija l-istess waħda li għaliha il-kantant minn Bologna Lucio Dalla kiteb u jkanta l-kanzunetta Piazza Grande.

Ma’ din il-pjazza kbira nsibu tmiss pjazza oħra, imsejħa Piazza del Nettuno. Din ħadet dan l-isem minħabba l-funtana li hemm f’nofsha li turi lil dan l-alla tal-baħar. Kif toħroġ minn din il-pjazza fuq naħa tara iż-żewġ torrijiet magħrufin mal-belt. Huma żewġ torrijiet simbolu ta’ Bologna. L-itwal wieħed huwa għoli 97 metru u kwart: l-itwal torri fl-Italja. It-torri ta’ ħdejh huwa iqsar u huwa mmejjel u huwa twil 48 metru. It-torri t-twil huwa miftuħ għall-pubbliku u wieħed jista’ jitla jara veduta mill-isbaħ ta’ din il-belt. Jekk ma tersaqx lejn it-torrijiet u tibqa’ fit tarf ta’ Piazza del Nettuno fuq quddiem tara triq mimlija ħwienet u n-naħa l-oħra jieħdok lejn Via del Pratello.

Minn hawn wieħed jista’ jmur fejn tixtieq qalbu. Jista’ dak li jkun imur iżur xi wħud mill-knejjes sbieħ li nsibu f’din il-belt, jew xi mużew milli hemm. Minn iħobb ix-xiri għandu Via dell’Indipendenza mimlija ħwienet li jbigħu dak kollu li wieħed jista’ jixtieq. Fit-tarf ta’ din it-triq, fi Piazza 8 Agosto jarma suq miftuħ. Minkejja li dan huwa suq li jiġbed ħafna nies, ma ssibx fih dik il-geġwiġija li tistenna, anzi ssib kollox ordnat u ftit li xejn storbu. Min iħobb il-ħruġ filgħaxijiet allura jista’ jżur Via del Pratello u jgħaddi lejl mill aqwa f’ambjent ferrieħi. Billi Bologna hija belt universitarja ma jistax jonqos li f’dawn il-postijiet wieħed jara l-preżenza ta’ ħafna żgħażagħ.

Qaddisin
S. Katerina ta' Bologna
F’Bologna insibu rabta speċjali ma’ żewġ qaddisin. San Duminku  minkejja li twieled fi Spanja, miet u ndifen f’Bologna. Hemmhekk insibu knisja kbira ddediakta lil San Nikola u fiha hemm kappella b’bosta opri tal-arti fejn hemm il-qabar ta’ dan il-qaddis. Jekk tkun sejjer hemm issaqsi lil ħadd għall-knisja ta’ San Nikola imma staqsi għall-knisja ta’ San Duminku għax kulħadd hekk jafha u kulħadd hekk isejħilha.

Qaddisa oħra li ġisimha ma jinstabx wisq bogħod mill-knisja ta’ San Duminku hija Santa Katarina ta’ Bologna. Din kienet soru tal-kalwsura, magħrufa għall-qdusija, kienet kittieba u anke pittret xi kwadri. Ġisimha baqa’ ma tmermirx u sal-lum wieħed għadu jista’ jaraha fil-knisja tal-monasteru msejjaħ Corpus Domini. Tajjeb ngħidu li dini s-soru qaddisa mietet fl-1463.

Il-mejda
Mortadella ġganteska
Bħal kull belt oħra, Bologna għandha l-kċina tagħha. Ħafna jassoċċjaw iz-zalza Bolognese ma’ din il-belt, imma hawnhekk dik iz-zalza tissejjaħ ragù, bħalma jsejħulha fi nħawi Taljani oħra wkoll. Sinonimi mal-belt huma t-tortellini. Hawn wieħed isib verjetajiet ta’ toretllini, mimlijinbil-ġobon jew bil-laħam. Issib anke qisien differenti ta’ tortellini. Il-mortadella wkoll hija prodott tipiku ta’ Bologna u min ikun għaddej mit-toroq ta’ bejn Piazza Maggiore u Via Castiglione jkun jista’ jgawdi minn spettaklu ta’ ikel tradizzjonali fosthom il-mortadella li ġieli tara minnha eħxen minn 30 ċentimetru.

Il-ġelat ta’ Bologna huwa xi ħaġa meraviljuża. Jien ma nistax ngħid li nħobb il-ġelat, imma ġelat ta’ Bologna nibdlu ma’ kollox.

Bologna hija belt li ta’ min iżurha. Fiha vantaġġ minabba li tista’ tgħid li t-toroq kollha fihom il-loġoġ, għalhekk kemm fix-xemx kif ukoll fix-xita u kważi kważi anke fis-silġ, wieħed jista’ joħroġ bla nkwiet ta’ xejn.

Bologna hija belt li toffri ħafna lil min iżurha!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon -  14 ta' Settembru 2019



Nessun commento:

Posta un commento