George Audemars |
Illum qegħdin ngħixu f’dinja li kull fejn indawru wiċċna
naraw xi ħaġa tal-plastik żgur. Minkejja li l-plastik jaf il-bidu tiegħu aktar
minn mija u sebgħin sena ilu, bl-invenzjoni tal-materjal mill-kimiku Żvizzeru
George Audemars, imsejjaħ rayon, qatt
daqs illum ma kien hawn daqstant plastik użat mill-bnedmin.
Qrajt li sa tletin sena oħra, fil-baħar aktar ser ikun hemm
biċċiet tal-plastik milli ħut. Ma nafx jekk din il-ħaġa hijiex minnha jew jekk
hijiex esegerazzjoni, imma meta nħares ħarsa madwari u nara dak li nara xejn ma
nieħu bi kbir jekk dak li qrajt huwa l-verità. Qrajt ukoll li xi xjenzjati
ħolqu xi batterja li tibdel il-plastik f’ilma. Lanqas din ma naf jekk hix vera
jew le.
Storja
Qrajt storja li nixtieq naqsamha magħkom.
Waħda mara anzjana marret f’ħanut tagħmel ix-xirja u meta
kienet qed tħallas, il-kaxxiera żagħżugħa staqsietha jekk tridx basket
tal-plastik għax-xirja. Il-mara qaltilha li kellha bżonn wieħed u l-kaxxiera
weġbitha li kellha tħallas għaxar ċenteżmi tal-basket għax id-dinja qegħda
tipprova tnaqqas l-użu tal-plastik biex ma tibqax issir il-ħsara li kkawża
l-plastik li kienu jarmu hi u n-nies ta’ żmienha. L-anzjana qabdet diskursata
mal-kaxxiera fejn urietha min uża l-aktar plastik, hux il-ġenerazzjoni li llum
hija anzjana jew dik tal-lum.
Mit-twelid
Illum sirna ngħixu f’dinja ta’ prodotti li nużawhom darba u
narmuhom. Tarbija li tkun għadha kif twieldet wara li jaħsluha, ipoġġulha ħarqa
li jkun fiha faxxa tal-plastik biex iżomm il-ħaxu ta’ ġol-ħarqa. Din wara li
tintuża tintrema. Dari mhux hekk kienu. Il-ħrieqi kienu tad-drapp u jinħaslu
wara l-użu. Anke l-qlejba kienet tinħasel u terġa’ tintuża. Naħseb li
l-ommijiet tal-lum mhux talli ma jużawx il-qlejba u jerġgħu jaħsluha imma
lanqas jafu x’inhi! Bil-fors għax il-ħrieqi li tuża u tarmi jkun fihom
il-qlejba magħhom, li naturalment tintrema wkoll. Imma llum min ser joqgħod
jgħallilek dawk il-ħrieqi kollha u jonxorhom u jitwiehom u jerġa’ jużahom?
Illum hawn il-kumdità, uża u armi!
Mill-ħanut tal-merċa
Tal-merċa |
Il-ħwienet tal-merċa nistgħu ngħidu spiċċaw u għosfru
mit-toroq tagħna. Is-supermarkets ħadulhom posthom, imma għadna naraw xi wieħed
’l hemm u ’l hawn. Qabel, meta konna
mmorru nixtru mill-ħanut tal-merċa ma konniex immorru b’idejna vojta bħalma
mmorru llum. Il-mara kienet tieħu l-ġewlaq taċ-ċarruta jew il-qoffa tal-qasab
biex tagħmel ix-xirja u din il-qoffa jew ġewlaq lanqas ma kien ikun vojt. Il-fliexken
tal-ħalib, tal-luminata, tal-inbid u tal-birra kienu tal-ħġieġ u jerġgħu
jittieħdu lura għand tal-ħanut meta jkunu vojta. Kien jitħallas depositu fuq
kull flixkun u jekk kont tixtri flixkun ħalib jew luminata ieħor ma kontx
terġa’ tħallas dak id-depositu. Jekk ma tixtrix kont tingħata d-deposoitu lura.
B’hekk il-flixkun kien jerġa’ jintuża wara li jmur il-fabbrika, jinħasel u jiġi
sterelizzat. Illum le, illum il-ħalib fil-kartuna li tintrema u l-luminata u
l-minerali kollha nsibuhom fi fliexken tal-plastik li jintermew.
Anke għaż-żejt kienu jieħdu flixkun tal-ħġieġ magħhom biex
jintela. Illum il-flixkun huwa tal-plastik li ma hemmx għalfejn ngħidilkom xi
jsir minnu ladarba jispiċċa ż-żejt! Jekk konna nixtru l-perżut, dan ma kienx
ikun lest f’pakkett issiġġillat fil-plastik imma kien jitqatta’ dak il-ħin
quddiemna u kien jitpoġġa ġo karta strazza. Iz-zokkor kien jitqartas f’karta
kannella mill-istess xkora taz-zokkor u mhux f’borża tal-plastik.
Uża u armi
Kemm aktar prodotti llum sirna nużawhom darba biss u
narmuhom? Ikollna festa; tazzi tal-plastik, platti tal-plastik, frieket,
skieken, magħref u kuċċarini tal-plastik. Kollox għar-rimi wara darba.
Ir-raġel ma kienx juża x-xafra tal-leħja li tużaha u tarmiha
imma kien ikollu dik li konna nsejhu shaving razor li tinbidlilha x-xafra biss
u mhux tintrema kollha kemm hi bħax-xfafar li qed nużaw illum. Anzi tgħid xejn,
daħlet il-moda li l-irġiel iħallu d-daqna, jekk xejn din qed tnaqqas xi ftit
mill-probelma tar-rimi tal-plastik.
U meta konna għadna tfal aħna, il-ħobż tagħna kien ikun
imgeżwer f’karta strazza u poġġut f’xi borża tal-karti kannella. U anke
l-iskart kien aktar nadif. Illum nitfgħu l-iskart tagħna f’borża tal-plastik,
bajda, sewda. ħadra jew griża, insomma hi ta’ liema lewn hi, xorta tibqa’ tal-plastik.
Dari ma konniex nisseparaw l-iskart imma konna nitfgħu kollox fil-barmil
taż-żibel, imdawwar bil-karti gazzetti. Meta kien jgħaddi t-trakk taż-żibel kien
ibattal il-barmil u jħallih vojt wara bieb dak li jkun. Barmil bħal dan kien
iservi snin mhux bħall-borża li tintuża darba biss. Imma lanqas nimmaġina li
llum jekk toħroġ barmil bħal dan ser terġa’ ssibu vojt wara biebek. Nemmen li
jintrema b’kollox!
Mhux dan biss
Nista’ nibqa’ sejjer b’litanija sħiħa ta’ oġġetti li llum
huma tal-plastik u nużawhom u narmuhom. Ftakru li sa nofs seklu ilu, u anqas
ukoll, l-istorja ma kinitx hekk. Mela ma nwaħħlux f’dawk ta’ qabilna u ngħidu
li ħallewlna dinja mimlija plastik li ma jinqeridx bin-natura imma nammettu li
konna aħna stess li ġibna din is-sitwazzjoni b’idejna.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 28 ta' Settembru 2019
Nessun commento:
Posta un commento