Kull meta aħna l-Maltin insiefru
u nibdew naraw il-kobor ta’ pajjiżi li nkunu qed inżuru, aktarx nibdew nindunaw
kemm pajjiżna huwa żgħir ħdejn dak li nkunu fihom. Kultant xi Maltin jaqtgħu
qalbhom biex imorru jżuru xi post li jkun bogħod ngħidu aħna tliet sigħat
sewqan. Għalina tliet sigħat huma wisq għax imdorrijja li fi ftit minuti, jekk
ma ssibx traffiku, tasal minn ponta sa ponta ta’ Malta.
Ngħid għalija l-aktar pajjiż li
meta żortu rrealizzajt bil-kobor enormi ta’ xi pajjiż kien l-Indja. Tagħmel
vjaġġ ta’ ġurnata, għaxra jew tnax-il siegħa sewqan u meta tħares lejn il-mappa
tal-post tara fuqha li tkun imxejn ftit millimetri. Meta naraw dan il-kobor
spiss naħsbu li pajjiżna huwa l-iżgħar pajjiż fid-dinja, imma nkunu qed
niżbaljaw għaliex jeżistu nazzjonijiet iżgħar minna. Pajjiżna jiġi l-għaxar
pajjiż fid-dinja fiċ-ċokon. Ejjew naraw min huma dawk id-disa’ pajjiżi oħra li
huma iċken minna.
Dan il-pajjiż huwa arċipiergu
ffurmat minn bosta gżira żgħar li jinsabu fl-Oċean Indjan. Dan huwa l-iżgħar
pajjiż fl-Asja kemm mid-daqs kif ukoll mill-popolazzjoni. Minkejja li bħala art
fiha 300 kilometru kwadru, il-firxa tal-ġżejjer li jiffurmawha hija kbira
madwar 90 elf kilometru kwadru. Dan il-pajjiż kien kolonja tal-Potugall, l-Olanda
u tal-Ingliżi u ħadu l-indipendenza fl-1965.
Saint Kitts and Nevis
Dan il-pajjiż huwa ffurmat minn
żewġ gżejjer li jinsabu fil-Karibew. Bejniethom fihom 261 kilometru kwadu. Għal
bosta snin dan il-pajjiż kien jgħix mill-esportazzjoni taz-zokkor. Illum jgħix
mit-turiżmu. Bosta jżuru dan il-pajjiż biex jaraw il-ġmiel li hemm fil-qiegħ
tal-baħar tiegħu. Dan l-istat sar wieħed indipendenti mir-Renju Unit fl-1983.
Marshall Islands
Dawn il-grupp ta’ gżejjer jinsabu
fl-Oċean Paċifiku bejn il-Hawai u l-Awstralja. Fihom 181 kilometru kwadru. Dawn
il-gżejjer ħadu l-indipendenza tagħhom mill-Istati Uniti fl-1979. L-industrija
ewlenija ta’ dan l-istat hija l-agrikultura iżda f’dawn l-aħħar snin
l-industrija tas-sajd kabbret l-ekonomija ta’ din ir-Repubblika.
Liechtenstein
Sa issa semmejna pajjiżi mhux
Ewropej. Dan huwa pajjiż li jinsab bejn l-Awstrija u l-Iżvizzera. Dan huwa
l-uniku nazzjon li jinsab kollu fuq l-Alpi. Fih 160 kilometru kwadru. Dan
l-istat huwa mmexxi minn prinċep. Il-Prinċipat ta’ Liechtenstein twaqqf fl-1719
imma nqata’ mill-Konfederazjoni Ġermaniża fl-1866. L-ekonomija tal-pajjiż hija
waħda b’saħħitha minkejja li r-riżorsi naturali huma ftit. Fil-fatt jeżistu
kumpaniji rreġsitarati f’dal-pajjiż aktar milli jgħixu nies fih!
San Marino
Nibqgħu l-Ewropa u hawnhekk
insibu r-Repubblika ta’ San Marino, li fiha 61 kilometru kwadru. Din ir-repubblika
hija meqjusa bħala l-eqdem repubblika fid-dinja u hija mdawra kollha kemm hi
mir-Repubblika Taljana. Huwa maħsub li bħala territorju nqata għalih mill-Imperu
Ruman fis-sena 301. L-ekonomija tal-pajjiż hija bbażata fuq l-agrikultura,
il-banek u t-turiżmu. Hawn insibu li r-rata ta’ qagħad hija fost l-aktar baxxa
fid-dinja.
Tuvalu
Nerġgħu mmorru fl-Oċean Paċifiku
u nerġgħu nitkellmu fuq gżejjer. Tuvalu hija monarkija li tinsrab fil-Grigal
tal-Awstralja. Sas-sena 1978 kienet kolonja tar-Renju Unit. Minħabba li dan
l-arċipiergu jinsab kemmxejn il bogħod, ftit li xejn iżuruh turisti għalhekk
jibbaża l-ekonomija tiegħu fuq l-agrikultura. Id-daqs tal-monarkija li fiha
disa’ gżejjer fiha total ta’ 26 kilometri kwadri.
Nauru
Nibqgħu fil-Paċifiku u hawn
insibu t-tielet l-iżgħar stat fid-dinja. Nauru hija l-iżgħar gżira stat
fid-dinja, b’21 kilometru kwadru. Sal-1968 din il-gżira kienet f’idejn
l-Awstralja, New Zealand u r-Renju Unit. Sa ftit snin ilu l-ekonomija ta’ din
il-gżira kienet tiddependi mill-minjieri tal-fosfat iżda minħabba ċ-ċokon
tal-gżira llum ftit li xejn fadal minjieri. Illum 95 ta’ dawk li jaħdmu fuq din
il-gżira stat huma impejgati tal-gvern tal-post.
Monaco
Nerġgħu lura fl-Ewropa. Max-xatt
tal-Mediterran tar-Repubblika Franċiża nibu dan il-prinċipat żgħir bl-isem ta’ Monaco.
Dan il-prinċipat fih żewġ kilometri kwadri imma huwa kalamita għat-turisti.
Il-prinċipat twaqqaf fl-1297 meta nqata’ mir-Repubblika ta’ Ġenova. Fih issir
il-Grand Prix tal-Karozzi tal-Formula One u huwa magħruf għall-postijiet fejn
wieħed jilgħab il-flus. Dan il-pajjiż huwa l-aktar wieħed dens fil-popolazzjoni
madwar id-dinja kollha b’madwar 19-il elf abitant kull kilometru kwadru. It-turiżmu
u l-logħob fil-casinos huma s-sorsi tal-ekonomija tal-pajjiż.
L-Istat tal-Vatikan
Sal-1929 dan l-istat ma kienx
jeżisti. Twaqqaf wara trattat li seħħ bejn il-Knisja u r-Renju tal-Italja. Huwa
stat żgħir imdawwar kollu kemm hu bis-swar fil-qalba tal-belt ta’ Ruma. Fih
inqas minn nofs kilometru kwadru iżda bħala stat għandu xi artijiet il barra
mit-territorju tiegħu, bħal ngħidu aħna il-palazz ta’ Castel Gandolfo. Bħala
stat huwa immexxi mill-Papa li kif nafu huwa wkoll il-kap tal-Knisja Kattolika.
Id-dħul ewlieni għal dan l-istat huma dawk it-turisti li jżuru l-mużewijiet li
hemm fil-Vatikan. Dħul żgħir ieħor huwa dak li jiġi mill-bejgħ ta’ bolol u
muniti li joħroġ spiss dan l-iżgħar stat fid-dinja.
Aħna tabilħaqq żgħar, imma hawn
min hu iżgħar minna!
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 12 ta' Ottubru 2019
Nessun commento:
Posta un commento