mercoledì 16 ottobre 2019

Qrun


Missirijietna kienu jemmnu bl-għajn il-ħażina. Kienu jemmnu li hawn min b’ħarsa jista’ jagħmillek id-deni, jemmnu li hawn min għandu qawwa li jagħmel il-ħsara b’sempliċiment daqsxejn ta’ ħarsa. Ma rridx inkun jien li ngħid jekk din il-ħaġa hix minnha jew le, biss min jemmen bl-għajn bosta drabi jsostni dan it-twemmin minħabba li xi darba ġralu xi ħaġa wara li rah jew kellmu xi ħadd. Kollox jista’ jkun u min hu mġarrab ma tlumux jekk jemmen li xi darba kienu għajnuh.

Kontra l-għajn bosta jemmnu li jaħdem sewwa l-qrun. Imma minn fejn ġej dan it-twemmin fil-qrun kontra r-risq il-ħażin?

Infittxu fil-Bibbja
Jekk inqallbu l-paġni tal-Iskrittura, speċjalment fit-Testment il-Qadim insibu bosta drabi din il-kelma. Fit-traduzzjoni Maltija nsibuha anqas imma nsibuha xorta. Il-kelma oriġinali, jiġfieri bil-Grieg hija κέρας, (tinqara: keras). Fl-Evanġelju skont  San Luqa nsibu dak li bosta jsejħulu l-Benedictus jew il-kantiku ta’ Żakakrija (Lq 1:68-79) Fit-tielet linja ta’ dan l-innu nsibu l-kliem: “…u waqqaf għalina qawwa ta' salvazzjoni” (vers 69). Jekk naqraw dan il-vers bil-Ggieg insibu li l-kelma “qawwa” hija miktba bħala κέρας. Il-qarn huwa simbolu ta’ qawwa, ta’ poter u ta’ saħħa. Fil-fatt l-annimali muqrana jużaw qrunhom għall-ġlied u biex jipproteġu lilhom infushom jew lill-merħla tagħhom. Iċ-ċriev, il-bdabad l-imtaten u anke l-barrin kollha jistgħu jużaw il-qrun bħala arma meta jkunu jinsabu fil-periklu. Mela hawn naslu għall-konklużjoni li l-qrun huwa simbolu ta’ qawwa. Huwa għalhekk li min jemmen fl-għajn jagħmel il-qrun biex jinħeles minnha għax qrun huwa qawwa bħalma hija l-għajn.

Biex inkomplu ftit dwar il-qrejjen u l-Bibbja tajjeb ngħidu li fit-Testment il-Ġdid ftit li xejn insibuh imniżżel imma fl-Apokalissi nsibu l-bhima b’sebat irjus u sebat iqrun. In-numru sebgħa huwa meqjus bħala n-numru perfett u l-qarn bħala qawwa, mela din il-bhima tal-Apokalissi trid turi l-qawwa kbira tal-ħażen.

Għax-xorti tajba
F’bosta djar antiki u f’ħafna rziezet qabel kont issib imwaħħal qrun ta’ barri. Dan aktarx kien ikun fuq il-bieb ta’ barra minn ġewwa biex jekk dak li jkun jidħol fid-dar jew fir-razzett u jkollu xi intenzjoni ħażina, jew ikun jgħajjen, mill-ewwel isib il-qrun biex jissielet mal-qawwa ħażina li jkollu dan it-tali. Aktarx minn jidħol  mill-bieb lanqas jinduna bil-qrun għax jiġi wara dahru.

Pulcinella
Aħna l-Maltin nistghu nqisu rwieħna superstuzzjużi imma mhux daqs in-Naplitani. Dawn il-qrun għadhom jemmnu bil-qawwa tiegħu sal-lum u għadek issibu kważi ma kull mazz ċwievet, ġewwa kull karozza, f’kull dar u f’kull post ieħor. Qarn jista’ jkun risq tajjeb u f’din il-belt Taljana naraw kemm-il darba lil karattru ta’ Pulcinella b’kornukopja f’idu mimlija bil-muniti tad-deheb. Superstizzjoni u xejn aktar għax kienu l-qrun jgħamlek sinjur, kieku n-Naplitani kollha miljunarji!

Ma rridx hawnhekk ngħid li min jemmen bl-għajn bil-fors qed jiżbalja. Darba, meta kont għadni ngħix Bologna, kont ħiereġ mill-kunvent bir-rota. Liebes it-tack suit ovvjament, mhux ser nilbes ta’ patri fuq ir-rota! Waħda mara ġara ħarset lejja b’ħarsa biex ngħid hekk, dispreġġjattiva, donnha tkażat li patri joħroħ bir-rota. Intant bdejt naqdef biex immur fejn kont sejjer. Madwar għaxar minuti wara nieħu skoss u ttaqbitli r-rota ta’ quddiem.  Bil-qalb it-tajba kelli nerġa’ lura lejn il-kunvent bil-mixi inġorr ir-rota f’idejja. Meta wasalt dik il-mara kienet għadha hemm, fejn il-bieb tal-kunvent. F’qalbi ħassejt xi ħaġa tgħidli li kollu tort tagħha dak li ġrali. Tgħid kienet tgħajjen dik ix-xiħa? Tgħid laqtitni bl-għajn? Imma mbagħad bdejt naħseb li t-triq li kont għaddej minnha kienet miksija bil-ġebel taż-żonqor, kwadri, u mhux ħaġa kbira li xi waħda nqalgħet u b’hekk ħadt skoss u fqajt it-tubu tar-rota. Ħafif fil-piż miniex u allura tajjart il-ħsieb tal-għajn minn ġo moħħi. Biss wara, kull meta kont inkun ħiereġ bir-rota u jkun hemm dik is-sinjura xiħa tħares, kien ikolli aptit niftaħ żewġt iswaba forma ta’ qrun, imma le, mhux jien: reliġjuż! Mur ara xi skandlu nagħti jekk jarani xi ħadd nagħmel il-qrun lil xi ħadd.

Strument
Daqqaq tax-Xofar
Il-qrun jista’ wkoll isir strument mużikali. Il-Lhud għadhom dak li jsejħulu Xofar. Dan ma huwa xejn għajr qarn ta’ muntun li jindaqq qisu tromba. Fil-Bibbja bil-Malti nsibu dan l-istrument imsejjaħ tromba imma fil-verità huwa x-Xofar, imma jekk tikteb ismu proprju ħadd ma jkun jaf għal xiex qed jirreferi l-kittieb. Dan il-qarn kien jindaqq f’ċelebrazzjonijiet liturġiċi speċjali tal-fidi Ġudajka. Sal-lum għad hemm xi Lhud li jużaw dan l-istrument fil-liturġija tagħhom.

Il-qrun, tiskanta kemm hemm xi tgħid dwaru u tiskanta kemm għandu importanza fid-drawwiet, superstizzjonijiet kif ukoll fit-twemmin.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon 5 ta' Ottubru 2019




Nessun commento:

Posta un commento