Aħna l-bnedmin għandna fakultà, bħal bosta annimali oħra, li
nsejħulha memorja, fakultà li tfakkarna f’dak li seħħ minna xi żmien ilu. Dak
li għadda jkun għadda u jibqa’ biss minnu tifkira, memorja, ħsieb u xejn inqas
u xejn aktar, imma din it-tifkira tista’ tibqa’ ċara f’moħħna tul ħajjitna
kollha. Tifkira tista’ tkun sabiħa u tista’ tkun kerha wkoll. Dan l-aħħar ġiet
f’moħħi tifkira kerha ta’ ġrajja li seħħet sewwasew erbgħin sena ilu.
25 ta’ Ottubru 1979
Kien il-jum tal-Ħamis. Jiena
kont fir-raba’ sena tal-iskola sekondarja. Sa sentejn qabel nhar ta’
Ħamis ma kienx ikollna skola u jkollna nofstanhar is-Sibt imma minn sentejn ’l
hawn beda jkollna skola l-Ħamis. Kont immur il-Kulleġġ Missjunarju ta’ San Pawl
jew kif konna nsejħulu Sant’ Agata fir-Rabat. Konna ilna aktar minn xahar li
bdejna is-sena skolastika, kollox kien normali dakinhar sakemm waranofsinhar
bdiet nieżla x-xita. Xejn speċjali billi tinżel ix-xita imma għall-ħabta
tal-erbgħa donnu dalam u x-xita żdieded. Aħna konna nispiċċaw mill-iskola
fl-erbgħa u nofs. Ħriġna mill-iskola bil-ġiri u dħalna fil-karozzi tal-linja li
kienu jintużaw bħala privates biex iwassluna lura lejn id-dar. Ix-xita kompliet
tiżdied u xħin qbiżna s-Saqqajja u bdejna n-niżla ’l isfel sibna li xi knaten
miċ-ċint tas-Saqqajja kienu waqgħu bil-maltemp u ma stajniex ngħaddu. Jien kotn
il-prefect tal-private u għalhekk offrejt li ma’ xi oħrajn ninżel inwarrab
il-ġebel min-nofs biex inkomplu triqitna lejn id-dar. Għadni niftakar l-ilma
jgelgel bis-salt minn mal-ġenb tat-triq, nieżel b’saħħa tal-għaġeb u fi
kwantità kbira. Bl-għajnuna t’Alla għaddejna minn dil-biċċa.
Il-wied ta' Ħal Qormi wara l-maltempata |
Ġbidna lejn Ħaż-Żebbuġ, ix-xita ma waqfet xejn. Konna diġà
ttardjajna xi nofs siegħa fejn is-soltu u kif jgħid il-Malti; ix-xitan
m’għandux ħalib imma jagħmel il-ġbejniet, f’nofs it-triq ta’ Ħaż-Żebbuġ nieħdu
puncture u x-xufier f’dik ix-xita kellu jibdel ir-rota tax-xarabank. Nofs
siegħa oħra taħt xita nieżla bil-qliel. Sadanittant kien dalam b’ruħ ommu u
missieru minkejja li kienu għadhom xi ftit qabel is-sitta ta’ filgħaxija.
Bit-twila u l-qasira waslana Ħal Qormi, ir-raħal tiegħi. Waqaft bħas-soltu fejn
il-Vitorja u bdejt nieżel lejn id-dar tagħna li
ma kinitx wisq bogħod mill-wied. Tista’ taħseb x’sibt! Ilma li qatt ma
rajt bħalu,. X’nasal id-dar! Kelli nieqaf ftit għexieren ta’ metri bogħod
mid-dar sakemm wara xi ħin taffiet ix-xita, l-ilma beda jbatti minn ġot-triq u
nilmaħ lil ommi ġejja tfittixni. Kont se ninża ż-żarbun u l-kalzetti. Għalfejn?
Għasra kienu, xi tridni ninża? Wara xi tliet siegħat jew aktar wasalt id-dar.
Effetti
Ix-Xlendi wara l-maltempata |
Dak il-jum jibqa’ f’moħħ min għexu bħalma għixtu jien. Kien
hemm erba’ vittmi li tilfu ħajjithom dakinhar kawża tal-maltemp, tnejn Maltin u
tnejn barranin. Bosta karozzi nġarru bl-ilma. Saret ħafna ħsara.
Għadni niftakar il-jum ta’ wara ma mortx skola. Fejn trid
tmur? Kullimkien diżastru donnu għadu kif seħħ xi ħbit tal-għadu. Knaten u
ġebel f’nofs ta’ triq, karozzi mkissrin li ngarrew mill-ilmijiet, ħitan
imwaqqgħin u dak kollu li tista’ timmaġina. Djar kollhom tajn li nġarr mill-ilma
bdew jiġu mnaddfin. Id-dar tagħna ma kienx daħal ilma għax kellna l-għatba
għolja imma d-dar tan-nanna li kienet toqgħod ftit ’l isfel minna kienet saret
baħar u għalhekk tajna daqqa t’id fit-tindif.
Fi ftit kliem nistqarr li kienet l-agħar maltempata li qatt
rajt f’ħajti. Biex ngħid id-dritt, f’dik li seħħet fi Frar li għadda, li
ħalliet ħsarat enormi f’Malta, jiena inzertajt imsiefer!
Parentesi
Hawn nixtieq nagħmel parentesi biex naqsam magħkom ħsieb li
jippreokkupani kultant. Jien m’iniex perit imma naħseb li għandi raġun.
Dik il-maltempata saret erbgħin sena ilu. Illum Malta nbidlet,
ir-raba’ naqas ħafna u għalhekk kieku kellha ssir maltempata bħala issa nibża’
li l-effett ikun agħar. Inbnew ħafna djar ġodda u xi djar li nbnew minn erbgħin
sena ilu ’l hawn twaqqgħu u saru appartamenti filwaqt li l-katusi tad-drenaġġ
tat-triq baqgħu l-istess meta r-residenti żdiedu. Tajjeb li l-awtoritajiet
jaħsbu fuq din il-ħaġa wkoll għax minkejja li tidher li hija xi ħaġa zgħira,
fil-verità tista’ tikkawża l-inkwiet.
Tifkira
Triq l-Għargħar Ħal Qormi, illum |
Illum fil-wied ta’ Ħal Qormi insibu triq li tfakkar din
il-maltempata kerha li ħakmet lil gżiritna fl-1979. Din jisimha Triq l-Għargħar
1979. Dak iż-żmien din it-triq ma kinitx teżisti u kien hemm biss ħajt
tas-sejjieħ idawwar ir-raba’. Illum lanqas metru kwadru ħamrija ma fadal f’dak
il-post, baqa biss isem it-triq li tfakkar x’kien seħħ dakinhar.
Ġriet bija l-memorja, dehru qishom qed iseħħu issa quddiemi,
propju issa jiena u nikteb, dawk ix-xeni ta’ twaqqiegħ, ta’ ilmijiet, ta’
tkissir, li dak iż-żmien għalina kienet avventura imma llum ikolli ngħid li
hija biss tifkira kerha ta’ traġedja li seħħet f’Malta erbgħin sena ilu.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 26 ta' Ottubru 2019
Nessun commento:
Posta un commento