Min dan is-sajf mar xi
pellegrinaġġ Lourdes, żgur li ntebaħ li din is-sena hemmhekk qegħda tiġi
ċċelebrata sena ddedikata lil Santa Bernartette Soubirous għaliex propju din is-sena
taħbat il-mija u għoxrin sena mill-mewt tagħha. Nemmen li kulħadd jaf min hi
din il-persuna imma forsi dwarha nafu ftit, nafu li kellha d-dehriet mingħand
il-Madonna ġewwa l-grotta ta’ Massabielle f’Lourdes fi Franza u xejn aktar. Hemm
ħafna aktar x’wieħed ikun jaf dwar din il-qaddisa.
Il-familja
Missier Bernardette kien François
li bħala xogħol kien jaħdem f’mitħna tal-qamħ fil-qalba tar-raħal ta’ Lourdes.
Jingħad li riedu jgħarrsuh, bil-ħsieb li ’l quddiem jiżżewġu, lil ċerta xebba
ta’ mparu bl-isem ta’ Bernarda Casteròt , imma huwa tefa’ għajnejh fuq oħtha
ż-żgħira li kien jisimha Louise u minn hemm u minn hawn iżżewweġ lil min xtaq.
Kien id-9 ta’ Jannar tas-sena 1843 meta dawn it-tnejn ingħaqdu fis-sagrament
taż-żwieġ Min dan iż-żwieġ twieldu disat itfal: il-kbira Bernardette sewwasew
jumejn qabel l-ewwel anniversarju taż-żwieġ ta’ din il-koppja, Jean li twieled
fis-sena 1845 u miet ftit wara t-twelid, Toinette fl-1846, Jean-Marie li
twieled fl-1848 u miet fl-1851 meta twieled tifel ieħor u ssemma wkoll
Jean-Marie. Fl-1855 twieled Justin u l-1859 ġie fid-dinja Pierre. Jean ra
d-dawl tad-dinja fl-1864 iżda miet ta’ ftit xhur filwaqt li l-aħħar tarbija
kienet Louise li twieledet fl-1866 iżda mietet tat-twelid.
Il-familja kienet toqgħod
fil-mitħna fejn kien jaħdem il-missier, proprju fil-qalba tar-raħal tal
Lourdes. Ix-xogħol tad-dħin tal-qamħ kien importanti ħafna għaliex id-dqiq kien
l-aktar ingredjent importanti fil-ħajja tal-poplu ta’ dak iż-żmien. Il-magni
industrijali ġabu sfortuna għall-François Soubirous u l-familja tiegħu. Issa
d-dħin beda jsir bil-magni u għalhekk il-prezz tad-dħin raħas u dawk li kellhom
is-sengħa tad-dħin u kellhom ukoll l-imtieħen spiċċaw bla xogħol. L-istorja
dejjem l-istess, kull progress fih prezz xi tħallas.
Billi l-missier spiċċa bla xogħol
il-familja Soubirous kellha tħalli darha u sabet kenn f’kamra f’bini li qabel
kien ħabs. Tant kien post degredanti li lanqas lill-ħabsin ma ħallew fih. U dan
qed nitkellmu lejn tmiem is-seklu XIX mhux illum! Tistgħu timmaġinaw!
It-tifla
Bernardette kienet tifla
marradija u moħħha ftit li xejn kien tajjeb għall-istudju. Kienet titkellem
id-djalett tal-Pirinej, il-muntanji li jiffurmaw fruntiera naturali bejn Spanja
u Franza. Bernardette ma kintix titkellem il-Franċiz minkejja li kienet
Franċiża u lanqas l-Ispanjol minkejja li r-raħal tagħha kien qrib mhux ħażin
ta’ Spanja. Kienet titkellem id-djalett ta’ dawn l-akwati imsejjaħ l-Oċċitan.
Fil-fatt meta Bernardette staqsiet lis-Sinjura li kellha d-dehriet tagħha, min
kienet, din weġbitha: “Que soy era immaculada concepciou” li tfisser “Jiena
l-Immakulata Kunċiżżjoni” bl-ilsien jew djalett Oċċitan. Kienet ħaġa normali li t-tfal, u allura anke
l-kbar, għax it-tfal jikbru, jitkellmu biss l-ilsien jew id-djalett li
jitkellmu sħabhom, il-familjari tagħom u kull bniedem qrib tagħhom.
Soru
Meta Bernardette telqet mir-raħal
li fih twieldet u għexet tfultiha, marret f’Nevers u dħalet soru. Ħajjitha xejn
ma kienet faċli hemmhekk. Il-kongregazzjoni li daħlet magħhom Bernardett kienet
imwaqqfa proprju f’Nevers fl-1680 mill-patri Benedittin Jean-Baptiste Delaveyne.
Hija għexet fil-kunvent li kien waqqaf il-fundatur fejn tgħallmet tikteb u
taqra. Is-sorijiet ta’ din il-kongregazzjoni jissejħu Sorijiet tal-karità. Il-viżjonarja
ta’ Lourdes serviet f’dan il-kunvent bħala infermiera u fih mietet ukoll nhar is-16
ta’ April 1879 fl-għomor ta’ 35 sena. Il-fdalijiet tagħha għadhom miżmumin
hemmhekk minkejja li n-numru ta’ sorijiet fih kull ma jmur qiegħed jonqos.
Ladarba tmut l-aħħar soru min jaf x’jiġri mill-ġisem ta’ Santa Bernardette
Soubirous li jinsab f’urna tal-ħġieġ għax baqa’ ma tmermirx? Nistennew u naraw.
Hemm min isostni li għandu jittieħed ġewwa Lourdes għax hemm twieldet u hemm
rat lill-Madonna. Il-kunvent ta’ Nevers illum inbidel u ssemma Espace
Bernadette-Soubirous-Nevers. Hemmhekk bosta volontiera mal-ftit sorijiet li
fadal imexxu l-post u jxerrdu d-devozzjoni lejn din il-qaddisa.
Artista bla ma taf
Il-ġrajjiet li seħħew fir-raħal
ta’ Lourdes fis-sena 1858 kienu suġġett għal għadd ta’ films jew produzzjonijiet
teatrali. Fis-sena 1909 ħareġ l-ewwel film dwar id-dehriet, film qasir iżda
informattiv. The Miracle of Lourdes u The Song of Bernardette huma tnejn
mill-għexieren ta’ films li jirrakkuntaw il-ġrajjiet li seħħew fil-post. Bosta
rappreżentazzjonijiet teatrali jirrakkuntaw ukoll dawn il-ġrajjiet, rappreżentazzjonijiet
li anke lokalment ġieli rajna minnhom. Bħalissa wkoll għaddejja musical bl-isem
Bernardette de Lourdes - Why Me? Din ir-rappreżentazzjoni mużikali hija
tal-ogħla livell u fiha jieħdu sehem bosta artisti ta’ fama kbira. Bernaredette
saret artista bla ma taf.
Dan huwa ftit mill-ħajja ta’ din
il-qaddisa li qed niċċelebraw il-140 sena minn mewtha, ftit tagħrif li mhux
kuħadd jafu.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-nazzjon - 19 ta' Ottubru 2019
Nessun commento:
Posta un commento