Nemmen li għal ħafna minna l-isem
ta’ Eric Arthur Blair ma jfisser xejn, imma jekk ngħidilkom l-isem li kien
jinqeda bih fil-kitbiet tiegħu, żgur li ħafna minna, biex ma ngħidx kulħadd,
jafu min hu, jew tal-anqas semagħu bih u bil-kitba tiegħu. Eric Arthur Blair ma
huwa ħadd għajr il-magħruf George Orwell, l-awtur tar-rumanz satiriku u
politiku “Animal Farm” u tal-ktieb “Ninteen Eighty-Four”. Naħseb issa ndunajtu
min hu Eric Arthur Blair.
Ħajtu
Eric Arthur Blair twieled fit-25
ta' Ġunju, 1903, f'Motihari, li dak iż-żmien kienet parti mill-Indja
Britannika. Missieru, Richard Walmesley Blair, kien jaħdem fis-Servizz Ċivili
Indjan, filwaqt li ommu kienet Ida Mabel Blair. Meta kellu madwar sena, ommu
ħadet lilu u lil ħutu lejn l-Ingilterra, fejn qatta' l-biċċa l-kbira
tat-tfulija tiegħu. Għalkemm il-familja tiegħu kienet tappartjeni għal dak li
huwa aktar tard sejjaħ il-"klassi medja bejn dik għolja u dik baxxa," fil-verità il-familja tiegħu
kellha riżorsi finanzjarji limitati ħafna.
Attenda skejjel prestiġjużi,
l-ewwel St Cyprian's School u aktar tard Eton College. Minkejja li huwa kien
intelliġenti iżda qatt ma kien partikolarment interessat fil-kisbiet
akkademiċi. Meta kiber imbagħad kellu tendenza qawwija ta' indipendenza u kellu
xettiċiżmu kbir lejn l-awtorità li aktar tard kellu jikkaratterizza x-xogħol
letterarju tiegħu. Biex jifhem il-faqar b'mod dirett, huwa għex fil-qrib fost
il-fqar f'partijiet ta' Londra u Pariġi. Ħadem xogħlijiet b'paga baxxa, baqa'
f'djar ta' akkomodazzjoni, u kien jagħmiha ma' vagaboni u ħaddiema tal-id. Dawn
l-esperjenzi saru l-bażi għall-ewwel ktieb kbir tiegħu li huwa semma “Down and
Out in Paris and London”.
Bdil tal-isem
Eric Blair adottat l-psewdonomu
ta’ George Orwell fl-1933 biex jippubblika l-ewwel ktieb tiegħu, Down and
Out in Paris and London. Huwa Għamel dan għal diversi raġunijiet fosthom
bħala protezzjoni tal-familja tiegħu. Dan il-ktieb iddeskriva ż-żmien tiegħu li
għadda fil-faqar, meta kien jaħdem f'impjiegi baxxi fil-kċina, u jitħallat ma'
vagabondi u ħaddiema ta’ klassi soċjai baxxa. Kien jibża' li l-kontenut
fil-ktieb tiegħu, li ma kien xejn ta’ klassi għolja, seta’ jimbarazza
lill-ġenituri konservattivi tiegħu. Huwa ried joħloq bniedem ġdid minnu nnifsu,
ried jinqata’ mill-klassi medja għolja tal-isem tiegħu. Huwa ma kienx iħobbu
l-isem "Eric". Għalhekk huwa għażel "George" għax huwa isem
tipiku Ingliż, u "Orwell" wara x-xmara pittoreska li nsibu f'Suffolk,
l-Ingilterra.
Xogħol u Politika
Matul it-Tieni Gwerra Dinjija, Orwell
ħadem bħala ġurnalist u xandar. Huwa ħadem għall-BBC u beda jipproduċi
programmi kulturali u politiċi mmirati lejn l-udjenzi fl-Indja. Għalkemm
appoġġja l-ġlieda kontra l-faxxiżmu, kien frustrat bil-burokrazija u
l-propaganda li kienet għaddejja matul il-gwerra. Dawn il-frustrazzjonijiet
qawwew l-impenn tiegħu għal użu ta’ linwaġġ onest u xerred twemminu dwar
il-ġurnaliżmu tabilħaqq indipendenti. Matul dan il-perjodu kiteb kitbiet influwenti ħafna dwar il-politika,
il-letteratura u l-lingwaġġ użat.
L-isem ta' Orwell sar magħruf bil-pubblikazzjoni tal-ktieb “Annimal Farm”,
ktieb li llum insibuh maqlub f’aktar minn 70 lingwa, fosthom bil-Malti bl-isem
“Ir-Razzett tal-Bhejjem” miġjub fi lsienna minn George Borg fl-1972. L-istorja
tar-rumanz, li hija satira qawwija kontra l-abbuż tal-poter, tidher li
hija sempliċi dwar annimali ta’ razzett li jduru u jkeċċu ’l barra mir-razzett
lill-propjetarju tar-razzett. Fil-fatt hija allegorija politika dwar
ir-Rivoluzzjoni Russa u dwar Stalin. Il-ktieb kien diffiċli biex jiġi
ppubblikat inizjalment għax l-Unjoni Sovjetika kienet alleata tar-Renju Unit
matul it-Tieni Gwerra Dinjija. Madankollu, ladarba sab ruħu fuq l-ixkafef
tal-ħwienet tal-kotba, beda jinxtara u kiseb suċċess kbir.
Il-frażi famuża minn dan ir-rumanz: "L-annimali kollha huma ndaqs,
imma xi annimali huma aktar indaqs minn oħrajn." saret waħda mill-aktar
dikjarazzjonijiet imsemmija fil-letteratura politika. Orwell juri li l-bhejjem
li wettqu r-rivoluzzjoni u keċċew lil sidhom il barra, spiċċaw agħar milli
kienu qabel. B’mod sottili Orwell juri kif spiss jinħoloq dittatorjat, anke
wieħed naturali, meta lill-poplu jibdew
jittieħdulu l-libertajiet u d-drittijiet li jkun tant ħadem biex kisibhom.
Elf disa' snin u erbgħa u tmenin
Nineteen Eighty-Four huwa rumanz distopiku dwar soċjetà futura
immaġinarja f’dinja fittizja, miktub minn George Orwell u ppubblikat
fl-1949. Dan il-ktieb huwa meqjus bħala wieħed mill-kapolavuri tal-letteratura
tas-seklu 20, huwa rappreżentazzjoni kerha ta’ futur iddominat minn reġim totalitarju
li jikkontrolla kull aspett tal-ħajja taċ-ċittadini. Ix-xbihat u l-kunċetti
bħal Big Brother, il-pulizija tal-ħsieb u Newspeak (lingwaġġ
propogandistiku, vokabularju deliberatament manipulat u ddisinjat minn reġim
totalitarju biex jillimita r-reġjun tal-ħsieb uman, jipprevjeni r-raġunar
kritiku, u jelimina l-possibbiltà ta' xi ribelljoni) Dawn l-atti saru
stabbiliti sew fil-kultura politika moderna.
Illum li għadda kważi seklu mill-kitba ta’ Orwell u aktar minn tliet kwarti
ta’ seklu mil-mewt tiegħu, nistgħu naraw kemm kien profetiku dak li kiteb.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 12 ta' Settembru 2026
Nessun commento:
Posta un commento