giovedì 16 maggio 2013

Luteru u t-Torri ta’ Bormla


Il-qari fost il-Maltin


Meta Martin Luteru qaleb il-Bibbja għall-Ġermaniż, u kienet ippubblikata fl-1522, kellha impatt kbir kemm fuq il-Knisja kif ukoll fuq l-ilsien u l-kultura Ġermaniża. Issa kull min kien jaf jaqra kien jista’ jkollu kopja tal-Bibbja u jaqraha bl-aktar mod sempliċi u jifhimha għax kienet miktuba bi kliem li kien juża kuljum. Kuntrarjament għal-Latin li ħlief il-kjreriċi ma kienux jifhmuh. Il-Konċilju ta’ Trento li sar wara l-firda tal-Luterani mill-Knisja ta’ Ruma (1545 – 1563) tkellem dwar il-ħsieb li jiġi intordott il-vernikular, l-ilsien tal-post, fil-liturġija. Il-problema kienet li issa n-nies ma kienux sejrin jagħmlu differenza bejn il-Knisja Luterana u l-Knisja Kattolika jekk it-tnejn jużaw l-istess lingwa fil-liturġija tagħhom. Għalhekk baqa’ kollox kif kien, kollox bil-Latin u kellhom jgħaddu 400 sena biex saret il-bidla l-kbira tal-Konċilju Vatikan II (1962 – 1965).
.
Il-pajjiżi Luterani kellhom il-Bibbja fid-djar tagħhom u bis-saħħa ta’ dan bosta tgħallmu jaqraw. Il-Knisja Kattolika żammet il-Latin imma l-poplu tar-rit Latin ma tgħallimx il-lingwa li biha kienet issir il-liturġija. Min jaf kemm taħwid u ereżijiet intqalu bla ma ħadd induna. U min qalhom ma kellu l-ebda tort għax la ma kienx qiegħed jifhem ma tistax tlumu li jħawwad. Niftakar lill-bużnanna tiegħi wara r-rużarju tgħid il-litanija tal-Madonna bil-Latin. Ta’ tifel żgħir qatt ma stajt nifhem x’ kellu x’ jaqsam it-torri ta’ Bormla mal-litanija u t-talb l-ieħor li kienet tgħid. Kbirt u ndunajt waħdi li mhux ‘Torri ta’ Bormla’ riedet tgħid il-bużnanna imma ‘Turris Eburnea’ li tfisser ‘Torri tal-Avorju’. Imma l-bużnanna, u dawk kollha li kienu jgħidu bħalha, fejn kienu jafu msieken? Din waħda biss, min jaf kemm hemm oħrajn!

Dan l-aħħar qrajt li minn stħarriġ li sar dwar il-qari, fost 45 pajjiż, Malta ġiet il-35 post. Ma tanx huwa awgurju sabiħ. Ghad li m’aħniex fil-qiegħ nett xorta ta’ min jinkwieta. Pajjiż li ma jaqrax jinqata’ mir-realtà, ma jkunx jaf x’qiegħed jiġri la madwaru u inqas w inqas lil hinn minnu. Barra minn hekk, poplu li ma jħarriġx l-ilsien tiegħu jitilfu. Biżżejjed tara kummenti ta’ bosta Maltin li jiktbu fuq social network. Grammatika ma teżistix, l-għajn tilfet postha, akka saret ħaġa tal-imgħoddi u l-ie ndaħħluha meta niftakru fiha. Dan kollu juri nuqqas ta’ qari, nuqqas ta’ taħriġ. M’iniex ngħid li kulħadd għandu jkun kittieb tal-Malti perfett, imma tal-anqas kulħadd għandu jkollu il-bażi. Tassew li xi kliem fl-ilsien tagħna mhux faċli tiftakar kif jinkiteb għax ikun fih l-għajn jew l-akka. Imma naraw żbalji redikoli li jistgħu jiġu evitati bi ftit aktar attenzjoni. Araw il-bosta posters li jitwaħħlu fil-knejjes Maltin. Parti kbira minnhom ikunu mimlijin żbalji.

Jekk in-natura tagħna ma tgħiniex biex naqraw, nemmen li lanqas għandna l-meżżi meħtieġa biex nirbħu dan in-nuqqas. Id-dar ta’ ommi niftakar kien hemm żewġ kotba jisimgħhom ‘Ġabra ta’ Ward’. Dawn kienu il-kotba li fuqhom kienu jistudjaw il-Malti ommi u missieri meta kienu għadhom tfal tal-iskola. Kont nitgħaxxaq naqra xi ħaġa minnhon, u nistqarr li jekk jiġu f’ idejja issa ma niddejjaq xejn nerġa’ naqra xi ħaġa minnhom. Qrajtha kemm-il darba ‘Ir-rebħa ta’ Pupull’. Ġaħan kont narah simpatiku minkejja li qatel il-flieles ta’ ommu u għadni nimmaġinah sal-lum jiġbed i-bieb tar-remissa ta’ ommu warajh mid-dar sal-knisja. Naqrahom kemm naqrahom ma kont nixba qatt u kont kull darba donni nistenna tmiem ġdid minkejja li l-istorja kont inkun nafha. Min studja fuq il-kotba ‘Ġabra ta’ Ward’ jew min bħali qrahom jaf xi rrid ngħid. Min qatt ma sema’ bihom ikolli ngħid li tilef biċċa mill-folklor ta’ pajjiżna.
Illum kemm qegħdin insibu materjal li nieħdu gost naqrawh? Tassew li l-ħin liberu naqas u għalhekk naqas il-ħin li fih nistgħu naqraw. Il-mezzi ta’ komunikazzjoni komplew serqulna mill-ħin ħieles tagħna b’ detriment li spiċċajna ma naqraw xejn. Imma kemm taqbilħaqq għandna kotba ta’ mogħdija taż-żmien? Fejn spiċċa Fra Mudest u kemm ilhom li mietu Kunċett u Marinton? Wenzu u Rożi għadhom jiġġieldu u l-Kappillan ma għadux fl-istess parroċċa? (Għall-benefiċċju ta’ min ma fehmx min huma dawn il-personaġġi ngħid li Fra Mudest huwa karattru maħluq minn Charles Casha, Kunċett u Marinton huma karattri maħluqin minn Trevor Zahra, Wenzu u Rozi kopja xiħa li kiteb il-praspar tagħha Ġorġ Zammit u l-Kappillan kien karattru maħluq minn Tusè Costa.) Dawn kienu kotba li konna naqraw fi ċkuniti. Illum ma nafx għadhomx jinqraw.

Tajjeb li wieħed jaħseb fuq dan il-punt. Tajjeb ukoll li min hu kompetenti jippromwovi l-kitbiet bil-Malti, imma liż-żgħar tagħna rridu nagħtuhom għodda li ma jiddejqux juzawha. Bħal Luteru, għax kien reliġjuż huwa ta l-għodda reliġjuża lin-nies ta’ pajjiżu, liema għodda dak i­ż-żmien kienet tintuża mill-poplu bl-akbar entużjażmu. Ta’ min jerġa’ jrawwem l-imħabba lejn il-qari tal-Malti għax jekk nibqgħu sejrin hekk it-torri ta’ Bormla ser jispiċċa agħar mit-torri ta’ Babel. Għodda għandna, trid biss lil min isinnha, ejjew insinnuha!

Fr Reno Muscat OP
In-Nazzjon 16 ta' Mejju 2013


Nessun commento:

Posta un commento