Xejn isbaħ ma nsib,
Il-Belt ta’ Pinto
ma’ qalbi qrib.
L-ewwel dawl tiegħi
Jiena rajt fik
Lest nagħti ħajti,
Nissielet għalik.
Minn dejjem kienu
ewlenin il-Qriema biex f’ kull qasam ikabbru isem belthom u fuq kollox jagħtu ġieh
bil-kbir lill-għaxqa ta’ qalbhom – San Ġorġ Martri. X’ ma jagħmlux il-Qriema
għalih? Armar? Tiżjin? Festi? Kollox jagħmlu. Issa ilna kwart ta’ seklu
nkantaw:
“Fil-Belt Pinto,
tal-Istilla. Saħħret lilna il-Qormin!”
23 ta’ April,
1988. It-twaqqif uffiċjali ta’ din l-Għaqda Soċjali u Mużikali. Issemmiet Anici
għall-ġens tal-qaddis Ġorġi. Hekk jixraq għax għalih twaqqfet. Għalih taħdem.
Għalih tgħix. Tiegħu hi!
Sa mill-bidu
bdiet din l-għaqda tagħti sehmha fil-parroċċa, fir-raħal tagħna. Matul il-jiem
tal-festa li ta’ kull sena nagħmlu lill-Padrun tagħna, bdiet tagħti sehmha xejn
inqas minn ħames darbiet. Mhux hekk biss! Il-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira
tkabbret bis-sehem ta’ din il-Banda. Dakinhar il-Banda ssemma l-leħen kiebi
tal-marċi funebi L-istess ħaġa ngħidu għall-purċissjoni tal-Għid il-Kbir fejn
il-Banda Anici tferraħna bil-valzi tagħha. Il-Purċissjoni ta’ Corpus ukoll tara
s-sehem ta’ din il-banda. Mhux biss Ħal Qormi jduq mill-benna mużikali
tal-Banda Anici; nistgħu ngħidu li kienet mistiedna f’ kull parti ta’ Malta u
anke Għawdex sabiex tagħti s-servizz tagħha.
Kull meta biex tifraħ il-ġemgħa
Tinġabar, tingħaqad flimkien
Issemma’ in-noti minn tagħha
l-Anici issib fuq quddiem!
U meta fin-niket tbikkimna,
Xarrabna ħuxbejna, bla kliem
Kont inti li b’ dak leħnek ħlejju
Fittixt li ġġibilna is-sliem.
Mhux hekk biss. Il-Banda Anici ħalliet
xtut din art twelidna. Żaret il-Libja fl-1988 u l-Kanada u l –Istati Uniti
fl-1996. Dawn il-pajjiżi wkoll tpaxxew bin-noti ħelwin tal-banda tagħna.
Bħal kull familja, l-Għaqda Mużikali u
Soċjali Anici ħasbet biex ikollha d-dar tagħha. Dar li tixraq. Din l-għaqda
bniet il-każin tagħha stess u żejnitu b’ bosta opri artisitċi. U mhux biss,
imma meta ġie l-waqt opportun, kabbritu. Illum il-każin tal-Għaqda Anici jista’
jiftaħar b’ bosta xogħolijiet artisitċi maħdumin mill-aqwa nies tal-mistier.
Għamara, pittura, skultura. Kull fejn taqa’ l-ħarsa ta’ għajnejk tara l-ġmiel!
Palazz Cappadocia; din darek
Għal Ġorġi, hekk jixraq, hekk sew
B’ dak kollu li jżejjen dil-ġawhra
Le tixba. Titpaxxa hemm ġew!
Din l-għaqda hija waħda attiva matul
is-sena kollha. Il-bosta kummissjonijiet tagħha – zgħazagħ, nisa, sport,
jikkumplimentaw lill-banda sabiex matul is-sena kollha il-membri isibu attività
bla waqfien.
25 sajf u xitwa għaddew minn fuqek – kwart
ta’ seklu. 25 rebbiegħa rajt, imma inti donnok bqjat f’ rebbiegħa eterna. Inti
bħall-Padrun tiegħek, sabiħa u żagħżugħa. Għalhekk iġġib isem ġensu – Anici
qatt mirbuħa!
Abjad: Iswed: l-ilwien tagħna
Bħal ma kien ta’ Ġorġi l-ġens
Bir-raġun għax aħna wliedu
U fih biss insibu l-wens.
Lejk induru Ġorġi Mqaddes
U ngħidulek bl-oħla lsien
Banda Anici għalik twieldet
Żommha f’ tiegħek il-ħarsien.
Fr. Reno Muscat OP
Feature fl-akkademja Muzika Letterarja 26 ta' April 2013
Nessun commento:
Posta un commento