L-akbar bidla wara r-rivoluzjoni
industriajli
Immaġina li
minflok qegħdin ngħixu fl-2013 qegħdin ngħixu fl-1963, ħamsin sena ilu, jew
anke fl-1973, erbgħin sena ilu. Min qatt kien jobsor li ħajjitna kellha
tinbidel daqstant. Min qatt kien jimmaġina li minflok imur jixtri l-gazzetta
filgħodu u joqgħod jaqraha bil-kwiet waqt ħin il-mistrieħ, jew fuq tal-linja hu
u sejjer ix-xogħol, illum permezz tal-mobile jista’ jaqra l-gazzetta bla ma
jmiss karta b’idu, illum jista jsegwi programm televiżiv mingħajr ma jkollu
televiżjoni, illum jista’ jikteb u jibgħat messaġġ bla ma jaqbad karta u lapes
b’ idejh. Minn qatt kien jobsor? U min qatt kien jimmaġina li biex filgħodu
tgħid “Bonġu” lil xi ħadd bogħod minnek ma taqbadx it-telefon imma tidħol f’
wieħed mis-social networks u ssellem lil dak li jkun?
Ikollna nammettu
li llum qegħdin ngħixu f’ dinja li għaddejja minn bidla kbira, bidla bħalma
wettqed ir-rivoluzzjoni industrijali. Bidla kbira daqs ir-rivoluzzjoni
industrijali. Bidla li qed iġibu is-social
networks. Forsi nistaqsu għalfejn u kif qegħda ssir din il-bidla. Illum
aktar min-nofs il-popolazzjoni tad-dinja għandha inqas minn 30 sena. L-għodda
ta’ din il-generazzjoni hija l-internet u l-kompjuter. 96% ta’ dawn iż-żgħażagħ
jinstabu fuq xi tip ta’ social network. Ġewwa l-Amerika għal kull persuna li
tidħol fuq Google, hemm tlieta li jidħlu f’ Facebook. Sa ftit snin ilu l-aktar
siti nfittxijin fuq l-internet kienu dawk pornografiċi. Illum mhux aktar hekk,
illum l-akbar attività fuq il-W.W.W hija s-social media. Nibqgħu l-Amerika u
ngħidu li koppja minn kull tmienja li jiżżewġu saru jafu lil xulxin permezz ta’
xi social network.
Nistgħu nqabblu
dan il-mezz ġdid ta’ telekomunikazzjoni ma’oħrajn li ġew qablu u naraw b’
għajnejna stess kemm tabilħaqq qegħdin ngħixu rivoluzzjoni tekonoloġika.
Ir-radju dam 38 sena biex kellu 50 miljun semmiegħ. It-televiżjoni ħa 13-il
sena biex laħaq il-50 miljun telespettatur. L-internet ħa 4 snin biex kellu 50
miljun persuna li tużah. L-iPod laħaq il-50 miljun wara 3 snin u Facebook żied
200 miljun persuna li juzawh f’ sena waħda biss. F’ 9 xhur isiru biljun
download tal-iPod. Ma nistgħux ma naqblux mas-soċjologu Amerikan Erik Qualman
li jgħid li llum l-għażla tagħna ma
hijiex jekk nużawx is-social media jew le imma l-għażla hija kif għandna
nuzawha u kemm nużawha sewwa.
Naraw ftit
statistika. Kieku Facebook minflok social network kien pajjiż kien ikun
it-tielet l-aktar pajjiż popolat fid-dinja, wara ċ-Ċina u lndja. Kieku l-pajjiż
ta’ warajh kien ikun l-Istati Uniti tal-Amerika. Forsi kien hemm min ħaseb li
Facebook ma jdumx ma jispiċċa, imma llum in-numru ta’ users kiber u qieghed ikompli jikber speċjalmenet fost nisa ta’
bejn il-55 u 65 sena. Dan juri li din mhix rivoluzzjoni taż-żgħażagħ imma hemm
kulħadd imdaħħal fiha. 80% tal-kumpanija
ma għadhomx jirreklamaw meta jkollhom ħtieġa ta’ ħaddiema ġodda imma jużaw is-social networks. 95% mill-avviżi
għax-xogħol jidhru fuq LinkedIn.
Il-kantanta Britney Spears għandhan seġwaċi
fuq Twitter aktar mill-popolazzjoni tal-Isvezja, ta’ Iżrael, tal-Iżvizzera,
tal-Irlanda, tal-Panama u tan-Norveġja lkoll flimkien. 50% tat-traffiku
tal-internet mill-mowbajl isir għal fuq Facebook. Dan il-fatt jorbot idejn
il-kumpaniji li jipprovdu s-servizz tat-telefonija ċellulari. Servizz mhux
eċċellenti ifisser bdil fil-kumpanija. Illum l-e-mails naqsu u ħafna jinqdew b’
messaġġi fuq is-social networks
minflok jibgġħatu e-mail. Bosta universitajiet ma għadhomx ifornu account tal-e-mail lill-istudenti
tagħhom għax sabu li l-maġġoranza tagħhom lanqas qatt jifthu l-account. Ilum
l-universitajiet jinstabu wkoll fuq Facebook. Ħasra li ftit ġimgħat ilu f’
pajjiżna il-kwistjoni tat-tablets
spiċċat ballun politiku. Bosta universitajiet qegħdin iqassmu e-book readers,
ipads u tablets lill-istudenti tagħhom. Tajjeb ngħidu wkoll li fl-Amerika n-numru
ta’ tablets mibjugħin fil-Milied li
għadda qabes sewwa l-għadd ta’ kotba li nbiegħu.
YouTube sar
it-tieni l-akbar search engine
fid-dinja. Sakemm ilek taqra dan
l-artiklu kienu uploadjati madwar mitt siegħa
ta’ filmati fuq YouTube. Illum ċerti aħbarijiet jaslulna fuq YouTube qabel ma
jwassluhom agenziji tal-aħbarijiet u dan minħabba li llum min jinzerta f’ post
li fih iseħħ xi ħaġa jkun jista’ jxandar dak li seħħ dak il-ħin stess. Wiki bl-ilsien
tal-Hawai tfisser “malajr”. Wikipedia għandha aktar minn 15-il miljun argument
u artiklu. Illum din l-enciklopedija online, fejn jidħlu ċerti argumenti, saret
affidabbli daqs l-Enċiklopedija Brittanika minħabba li miljuni ta’ nies iżuruha
ta’ kuljum u għalhekk jekk ikun hemm żball dlonk jiġi kkoreġut. Kieku kull
artiklu li jitpoġġa fuq Wikipedia kellu jitħallas €1, kieku kienet tiġi tiswa
€1,700 fis-siegħa.
U nistgħu nibqgħu
sejrin. Blogs, searche engines, telefonija, films online. Irridu jew ma rridux
din hija r-realtà, dawn huma l-fatti. Tajjeb li nadattaw ruħna għalihom għax
inkella nispiċċaw barra mis-sistema dinjija. Dan ma huwiex biss fatt li
jinvolvi biss lill-gvernijiet u lill-politiċi, huwa fatt li jinkludi lil kull
wieħed u waħda minna. Aħna lkoll protagonisti f’ din ir-rivoluzzjoni.
Fr Reno Muscat OP
In-Nazzjon 11 ta' April 2013
Nessun commento:
Posta un commento