Il-kwistjoni tal-jum nazzjonali
ta’ Malta
Dan l-aħħar f’
pajjiżna reġa’ instema’ d-diskors dwar jum Nazzjonali wieħed. L-ebda nazzjon
ieħor fid-dinja ma għandu ħames jiem nazzjonali. Aħna biss. Hemm xi pajjiżi li
għandhom aktar minn jum wieħed imma mhux ħamsa!
Ejjew napplikaw
il-loġika ta’ San Tumas ta’ Akwinu fuq il-festi nazzjonali tagħna. Kieku
l-Kavallieri ma rebħux lit-Torok fl-assedju l-kbir, kieku l-istorja ta’ Malta
hija differenti minn dik li hi. Allura l-ewwel kolonna hija it-8 ta’ Settembru,
il-Vitorja. U kieku l-istorja ma kienitx dik li hi ma kienx ikun hemm
l-Assemblea Nazzjonali li tiltaqa’ biex tfassal kostituzzjoni u titlob
lill-Gvern Ingliż japprovaha, u ma kienx ikun hemm il-ġrajja tas-7 ta’ Ġunju,
1919. It- tieni kolonna wasslet biex tmiss ukoll lit-tielet waħda li nistgħu ngħidu
hija t-twaqqif tan-Nazzjon Malti fil-21 ta’ Settembru, 1964. Il-kolonna li kien
imiss taqa’ kienet it-twaqqif ta’ stat mhux iktar b’ kap barrani imma b’ kap
Malti. It-twaqqif tar-Repubblika ta’ Malta fit-13 ta’ Diċembru, 1974. L-aħħar
kolonna hija it-tluq tas-servizzi Ingliżi minn artna, fil-31 ta’ Marzu, 1979.
San Tumas iwaqqa' l-kolonni
Wieħed mill-akbar ħassieba tal-Knisja Kattolika huwa San Tumas ta’ Akwinu. Huwa magħruf għall-bosta kitbiet filosofiċi u teoloġiċi tiegħu, imma ma’ bosta huwa magħruf għall-ħames toroq li jagħtina biex naslu nifhmu li Alla jeżisti. Dawn ma humiex provi tal-eżistenza ta’ Alla imma huma toroq li jwassluk biex b’ mod razzjonali tasal taċċetta l-esistenza ta’ qawwa sopranaturali, dak li aħna nsejħulha Alla. L-ewwel triq li jagħtina dan il-qaddis fi ftit kliem tgħid: Kull ħaġa li titħarrek tagħmel hekk għax tkun tħarrekt minn xi ħaġa oħra u l-ewwel ċaqlieqa ssir minn mutur li ma jiċċaqlaqx imma jċaqlaq, dak li aħna nsejħulu Alla. B’dan il-kliem żgur li fejn konna bqajna, allura huwa jipprova jfisser din it-triq bi kliem eħfef. Jgħidilna li jekk ikun hemm ringiela kolonni waħda ħdejn l-oħra, ilkoll imbegħdin bl-istess distanza, u xi ħadd jinbotta l-ewwel kolonna, din taqa’ fuq it-tieni waħda u twaqqa’ lil din ukoll, kif taqa’ t-tieni waħda tmiss mat-tielet waħda u din taqa’ fuq ir-raba’ waħda u hekk kolonna wara kolonna jaqgħu kollha. Imma kieku ma kienx hemm dak ix-xi ħadd li ta l-ewwel imbottatura lill-ewwel kolonna, kieku kien jibqa’ kollox f’ postu u ma jitħarrek xejn. Eżempju iktar prattiku u li għandu mnejn anke intom ġieli għamiltu huwa meta jkollok sett tal-logħba dominos, tpoġġihom weqfin ħdejn xulxin bi spazju l-istess bejn biċċa u oħra. Meta tlestihom kollha twaqqa l-ewwel blokka u waħda wara l-oħra jispiccaw kollha mwaqqgħin. Din hija l-ewwel triq tal-qaddis Dumnikan.
Spiss jiġru ħwejjeġ f’ ħajjitna li nistħajjilhom isegwu din l-ewwel triq li semmejna. Tassew li l-għan ta’ San Tumas kien li jwassal lil dak li jkun għall-għarfien ta’ Alla, imma l-argument jista’ jiġi adattat għal sitwazzjonijiet oħra. Eżempju tixtri kompjuter u wara tinduna li jkun aħjar jekk tixtri mejda għalih u mal-mejda titħajjar tixtri wkoll siġġu bir-roti biex taħdem komdu fuqu. U meta jkollok dan kollu tara li jonqsok lampa sabiħa għal ħdejh. Kif ngħidu aħna l-Maltin: ħaġa taqla’ ’l-oħra.
Fr. Reno Muscat
OP
In-Nazzjon 4 ta' April 2013
Nessun commento:
Posta un commento