Analiżi wara tliet elezzjonijiet
Dan l-aħħar f’
medda ta’ tliet ġimgħat għaddejt minn esperjenza mhux komuni. Bħala saċedot
Malti li ngħix parti kbira mis-sena ġewwa l-Italja sibt wiċċi ma’ tliet
elezzjonijiet li jolqtuni b’mod dirett: dik tal-Italja li saret bejn l-24 u
l-25 ta’ Frar, dik ta’ pajjiżna fit-9 ta’ Marzu u l-għażla tal-Papa
fil-konklavi li beda fit-12 ta’ Marzu. Sewwa jgħidu li fuq tlieta toqgħod
il-borma! Tkun tinteressak il-politika jew le, ikollok tidħol fl-ispirtu trid
jew ma tridx.
Aktar maturità
Kemm fil-kampanja
elettorali Taljana kif ukoll f’ dik ta’ Malta nħoss li saru bidliet kbar.
L-ewwel ħaġa li nnutajt fiż-żewġ pajjiżi kien in-nuqqas ta’ posters imwaħħlin
fejn ġie ġie. Ħames snin ilu kont ngħix Napli. Il-kampanja elettorali ta’ dik
is-sena kienet mument fejn inksew bosta ħitan b’ posters politiċi. Dak iż-żmien Malta konna diġa qtajna l-posters
minn mal-ħitan. Din is-sena rajt bidla kbira, rajt aktar organizazzjoni fejn
jidħlu posters kemm fl-Italja kif ukoll f’ Malta. Il-bill boards f’ Malta għamlu suċċess imma fl-Italja għadhom jitwaħħlu
posters fuq folji tal-pjanċi li jipprovdi l-kunsill. Aħna qegħdin insemmu żewġ
elezzjonijiet biss sa issa, imma tajjeb niftakru fl-elezzjoni għas-suċċessur
ta’ Benedettu XVI. Minkejja li l-votanti għal dan tal-aħħar ma kienux il-kważi
ħamsin miljun u nofs Taljan u lanqas it-tliet mitt elf Malti imma mija u
ħmistax-il kardinal, xorta kien hemm min għamilha tal-kanvażer. Fuq l-istess
pjanċi fejn twaħħlu l-posters tal-politiċi Taljani, ftit qabel il-konklavi, u
waqt li l-gvern Taljan kien għadu ma tfassalx, dehru posters jirrikmandaw
lill-Kardinal Peter Turkson bħala l-Papa li kien imiss. Ma ninsewx li qabel
il-bidu tal-konklavi il-kardinali eletturi kienu jkunu jippassiġaw fit-toroq
ta’ Ruma fil-ħin liberu tagħhom. Għandu mnejn ukoll din il-ħaġa saret b’ ċajta.
L-użu tal-mezzi
It-tqassim
tal-fuljetti naqas ukoll f’ dawn il-kampanji elettorali. Sar użu akbar
mill-mezzi medjali li nsibu llum. Reklami fuq websites kienu l-aktar li spikkaw fil-kampanja elettorali Maltija.
Iż-żewġ partit l-kbar sfruttaw kemm felħu dan il-mezz ta’ komunikazzjoni.
Nemmen li dan kien il-mezz l-aktar effettiv fil-kampanja elettorali li kellna
ftit ġimgħat ilu. Is-suċċess tal-pubbliċità tidher minn kemm tikkonvinċi nies
jixtru mill-prodott tiegħek.
Kemm fl-Italja
kif ukoll f’ Malta il-jum ta’ qabel l-elezzjoni huwa jum ta’ riflessjoni u fih
ma tista’ ssir l-ebda propoganda politika. Għax bħal li kieku mhux kulħadd ikun
iddeċieda lil min ser jivvota! Kemm hi relevanti llum din il-liġi? Mingħajr ma
nqanqal trab jew bla ma nixħet melħ fuq il-ferita nixtieq nistaqsi: bil-mezzi tal-media tal-lum tista’ l-forza
tal-ordni tiżgura li ħadd ma jikser din il-liġi? U jekk Malti li jgħix barra
l-pajjiż jitfa’ kumment, ritratt jew artiklu ta’ propoganda politika fuq
l-internet propju lejlet l-elezzjoni min sejjer itellgħu d-Depot? Nispera li
min jista’ jibdel din il-liġi antikwata qiegħed jaqra dan li qed ngħid. Naqbel
li dakinhar ma jsirux attivitajiet politiċi tal-massa bħal meetings jew get togethers
għax il-poplu jkun imxebba, imma posts
fuq l-internet għandhom ikunu esklużi minn din il-liġi. Qiegħed insemmi dawn
il-każi għax kien hemm nies li jissimpatiżżaw maż-żewġ partiti politiċi l-kbar
li kienu nterrogati. L-Italja ma smajt
b’ ħadd li kien interrogat mill-pulizija dwar ksur ta’ din il-liġi. Dwar
it-tielet elezzjoni, dik tal-Papa, hemmhekk storja oħra, dawn mhux talli
jkollhom jiem ta’ riflessjoni qabel jivvutaw, imma jibqgħu jirriflettu
fis-skiet u bogħod mid-dinja, sakemm jispiċċa l-konklavi.
Nieħdu tagħlima
Minn dawn
il-kampanji elettorali tajjeb li niftħu għajnejna u naraw lil hinn mir-riżultati
tagħhom. Tajjeb li nintebħu li llum il-poplu huwa teknoloġiku. Żgħażagħ ta’
għoxrin jew ħamsa u għoxrin sena twieldu fl-era diġitali u ma jafux b’dinja
differenti. Għalhekk dak kollu li huwa barra mid-dinja tagħhom iwarrbuh u ma jagħtux
kasu. U dwar dan tajjeb li tiftaħ għajnejha l-Knisja wkoll. Fil-kampanja
elettorali kif kont niftaħ l-account tal- e
mail tiegħi kont nara stedina biex inżur il-website ta’ Joseph Muscat. Fuq Facebook stajt kieku ridt nitkellem
ma’ Lawrence Gonzi. Il-Knisja f’ Malta wkoll qegħda tipprova tadatta ruħha
maż-żmien tal-informatika teknoloġika, imma għad fadlilha x’taqdef.
Kuntrarjament għall-partiti politiċi, il-kampanja elettorali tal-Knisja ma
tintemx. Bħal bosta Knejjes oħra fid-dinja, dik tagħna qegħda tuża l-mezzi
medjali opportuni biex twassal leħinha, imma trid tara jekk il-messaġġ huwiex
qiegħed jasal fejn għandu jasal, jekk il-kanal li qiegħed iwassal il-messaġġ
huwiex il-kanal it-tajjeb. Inutli jkollok ilma tajjeb għax-xorb jekk il-kanal
li jgħaddi minnu ma jwassalx biex dak l-ilma jinxtorob imma jwassal għal ġewwa
għalqa u jintuża għat-tisqija. Nerġa ngħid li s-suċċess tal-pubbliċità jitkejjel minn kemm jiżdied il-bejgħ.
U issa li għaddew
l-elezzjonijiet tal-Italja, ta’ Malta u tal-Kap tal-Knisja nistgħu ngħidu li
erġajna għall-ħajja normli . . . . . .
Fr. Reno Muscat
O.P.
In-Nazzjon 27 ta' Marzu 2013
In-Nazzjon 27 ta' Marzu 2013
Nessun commento:
Posta un commento