Il-ġimgħa l-oħra kont
f’ parroċċa fin-Nofsinhar tal-Italja. Kont qiegħed ngħin kappillan ta’
parroċċa ta’ raħal mitluf f’ nofs il-muntanji, kont qed ngħinu jagħmel it-tberik tal-familji, drawwa li anke
hawn Malta għad hawn fejn issir.
Meta tkun qed tagħmel
dan ix-xogħol, trid jew ma tridx ikollok tidħol f’ dar in-nies sabiex
tberkilhom. Ma nistax ingerger mill-akkoljenza għax il-biċċa l-kbira tan-nies
ta’ dan ir-raħal u rħula żgħar oħrajn bħalu, ikun jistennew it-tberik ta’
darhom minn sena għal oħra. Tant jifirħu bil-prezenza ta’ saċerdot ġewwa darhom
li jkunu jixtiequ li tibqa’ għandhom. Hemm min ikun iridek tberiklu kull rokna
tad-dar u jgħidlek biex tibqa’ dieħel. Jien biex inkun ċert li ma nikser
xewqet ħadd, kien hemm fejn anke l-bieb tal-kamra tal -banju ftaħt u berikt
hemm gew ukoll.
Televiżjoni
Ħaġa li laqtitni jiena
u nagħmel dan ix-xogħol jew aħjar appostolat, kienet li kważi fid-djar kollha li
dħalt kien hemm it-televiżjoni mixgħul. Dan jibqa’ mixgħul anke meta ma jkun hemm ħadd quddiemu. Hemm min
jitfilu waqt li s-saċerdot ikun qiegħed ibierek u hemm min lanqas jagħti każ u
jħallih mixgħul. Dan l-apparat sar il-ħabib tagħna li ma jħalliniex inħossuna
waħedna anke meta ma jkun hemm ħadd ħliefna fid-dar.
It-televiżjoni sar
ukoll il-baby sitter. Bosta
ommijiet iħallu lil uliedhom żgħar quddiem din il-kaxxa, għalkemm illum
aktar sar jixbaħ lil kwadru milli kaxxa, għal nofs ta' nhari sħaħ. Tiskanta kif
dawn it-tfal jissapportu jaraw programm wara programm u donnhom ma jixbgħu
qatt. Rajt bosta tfal isegwu programmi ta’ Peppa Pig. Ftakart f’ kollega
tiegħi li mort nisimgħu jiddefendi t-teżi tiegħu tad-dottorat fil-ġurnaliżmu. Dan
studja l-filosofija fil-produzzjoni tal-programmi
ta’ Peppa Pig. Nistqarr li kienet teżi
interessanti ħafna li wriet bosta punti pożittivi li wieħed jsita’ jsib f’
dawn il-programmi.
Ħin reali
Waqt it-tberik dħalt f’ dar u
sidha qaltli li kien sar attakk fil-qorti
ta' Milan. Qaltli li skont dak
li semgħet fuq it-televiżjoni, kien hemm xi mejtin imma kien għadu kmieni
wisq biex wieħed ikun jaf sewwa x’ ġara.
Lanqas kienu għandhom għaddew għoxrin minuta mill-każ u l-aħbar kienet diġà bdiet iddur id-dinja. Bil-fors,
ninsabu fi żmien tal-ħin
reali. Aħbar trid titwassal dak il-ħin stess għax inkella titlef il-valur tagħha. Hekk sirna llum sewwasew kif jgħid il-qawl Malti: il ftira sħuna
tajba. Ftira meta tiksaħ ma
tibqax l-istess bħal meta tkun għadha ħierġa mill-forn.
Aħbar I-istess, jekk twassalha tard ma tibqax aħbar imma ssir ripetizzjoni għax
ikun wassalha qablek ħaddieħor. Proprju
għalhekk illum hawn bosta agenziji tal-aħbarijiet li jfornu lill-kmamar
tal-aħbarijiet madwar id-dinja b’ dak li jkun qiegħed jiġri biex aħbar tkun
friska u sħuna bħall-ftira tal-furnar.
Il każ ta' Milan
Dak li seħħ ftit jiem
ilu f’ Milan iqajjimna mir-raqda. L-ewwel ħsieb li jiġi f moħħok ikun li dan
kien xi attentat terroristiku, wieħed mill-ħafna li dawn l-aħħar xhur
drajna nisimgħu bihom. Dan il-każ kien każ ta’ bniedem li ried jivvendika ruħu
mix-xorti ħażina li misset lin-negozju tiegħu u ried ipattiha lil min ha sehem
fil-falliment tan-negozju li kellu.
Post
mortem
Wara li ssir il-ħerba
naraw x’ wassal għaliha. Tajjeb, imma l-vittmi li jkunu marru d-dinja l-oħra bl-investigazzjoni u mingħajrha, fejn ikunu jibqgħu. Mhux qed ngħid
li ma għandiex issir post mortem imma
rrid ngħid li jkun jaqbel noqgħodu attenti u nevitaw stejjer bħal tal-qorti ta’ Milan.
Qalulna li l-ħati daħal fil-qorti b’ tessera falza u għadda mill-bieb li jidħlu minnu
l-avukati u l-magistrati jew l-imhallfin.
Kien għalhekk li dal-bniedem
daħħal arma tan-nar miegħu. Hawn l-ewwel żball: mela l-avukati,
l-magistrati jew l-imhallfin ma għandhomx huma wkoll jgħaddu minn metal detector? Jekk avukat ikun mhedded biex idaħħal arma fil-qorti,
dan ikun jista’ jagħmlu bla nkwiet ta’ xejn. Possibili li ħaġa bħal din ma tiġi f’ moħħ ħadd?
Ejjew ngħidu li
kulħadd għandu fiduċja għamja fin-nies tal-ġudikatura, imma bil-każ ta’ Milan għandhom jinfetħu l-għajnejn. Nispera li jinfethu l-għajnejn ta’ min hu
responsabbli mis-sigurtà u mhux
għajnejn min għandu f’ mohhu
xi każ ieħor bħal ta’ Milan. Qatt ma hemm esegerazzjoni għas-sigurtà. Aħjar ftit
sigurtà żejda milli nuqqas tagħha għax ħadd ma jista’ jobsor x’ jiġri. Jien
ftaħt għajnejja x ħin smajt l-aħbar waqt li kont qiegħed inbierek id-djar.
Ħsibt li kien xi att terroristiku! Ma kienx hekk.... imma xorta jeħtieġ
noqgħodu attenti.
Fr Renò Muscat
Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 18 ta' April 2015
Nessun commento:
Posta un commento