fidloqqom |
Ftit ilu għaddejt tmiem il-ġimgħa ġewwa s-seminarju f’ Tal-Virtù r-Rabat. Minkejja li kien tmiem il-ġimgħa ta’ mpenn, xorta sibt ftit ħin biex noħroġ nagħmel żewġ passi fil-qrib. Min ġieli mar Tal-Virtù jaf x’ ambjent hemm; minbarra li tara l-parti l-kbira ta’ Malta, hemm ukoll ambjent naturali mill-isbaħ.
Fil-mixja qasira tiegħi, osservajt il-ħaxix ħażin ta’ mal-ġenb tal-mogħdija li twasslek sal-kappella li hemm ’il ġewwa mis-seminarju. Il-fidloqqom fakkarni f’ ma nafx kemm-il poeżija ta’ Anton Butigieg, li semma’ din il-ħaxixa aktar minn darba fil-poeżiji tiegħu. Il-lellux fakkarni f’ kemm konna naqtgħu minnu meta konna tfal u filwaqt li naqilgħu petala petala ngħidu ‘Iva – le – iva – le’ biex naraw kif sejra tispiċċa u l-ħubbejża fakkritni fin-nannu Bastjan. Niftakru ġej mill-Marsa tal-Ingliżi bi xkora żgħira mimlija ħubbejża biex jagħlifha lill-fniek li kiein irabbi fil-gallinar li kellu fuq il-bejt.
Kont insejthom
lellux |
Nistqarr li x’ ħin rajt dan il-ħaxix ħassejt bħal nostalġija għal dawk is-snin li dan il-ħaxix selvaġġ, flimkien ma’ bosta ħxejjex oħrajn, kienu komuni, konna narawhom kuljum. Għandu mnejn is-snin li għaddejt ngħix fi bliet Taljani, bogħod mill-kampanja, bosta drabi mehdi fil-kotba u fl-istudju, nessewni li minbarra l-knaten, l-asfalt u dak kollu li nsibu fl-ibliet, hemm ukoll il-kampanja li toffri ġmiel bla qies, toffri dak kollu li huwa naturali.
Verament kienu naqsu
Lura lejn is-seminarju, tkellimt ma’ persuna midħla tal-agrikultura, u qaltli li tassew dawn il-ħxejjex kienu bdew jgħosfru minn pajjiżna imma dawn l-aħħar snin minħabba xi direttiva li għandhom il-bdiewa, dawn il-pjani u oħrajn reġgħu qegħdin iwarrdu fuq artna. Mela bejn li kont imbiegħed mill-ambjent fejn jikbru u bejn in-nuqqas tagħhom, ma kellix tort sa barra li nsejt li dawn jeżistu.
Il-ħsieb bħaċ-ċirasa
ħubbejża |
Ngħidu li l-kliem bħaċ-ċirasa, imma ma jistax ikun hemm kliem jekk ma jkunx hemm ħsieb. Il-fatt li erġajt rajt il-fidloqqom, il-lellux u l-ħubbejża wassalni biex nibda naħseb fuq il-ħajja ta’ ftit deċenji ta’ snin ilu. Fi żmien li l-lellux kien jikber anke mal-ġnub tat-triq jew fuq il-bejt jew f’ xi gallaraija ta’ djar mitluqin, djarna ma kienux dawk li huma llum. Min kellu televixin ma kienx tal-kulur imma abjad u iswed u dan kien ikun uniku fid-dar, mhux bħal-lum fejn ġieli f’ dar insibu settijiet tat-televixin aktar milli joqgħodu nies f’ dik id-dar stess. Il-flus ma kienux l-ewro, kienu soldi u xelini, u aktar tard qlibna għad-deċimali imma xorta bqajna nisimgħu min isejjaħ il-ħames ċenteżmi bħala xelin! L-università ma kienitx xi ħaġa li l-istudent iħossu fi dmir li jasal fiha u jsegwi xi lawrja, imma kienet l-ambizzjoni tal-ftit u l-attwazzjoni ta’ ħafna anqas. L-internet qatt ma ħlomna bih u dak li ridna nkunu nafu konna jew infittxuh fl-enċiklopedija jew f’ xi ktieb ieħor. U meta konna niktbu ma konniex nużaw il-kompjuter imma t-typewriter u jekk tieħu żball terġa’ tibda mill-bidu. Insomma nista’ nibqa’ nsemmi elf ħaġa oħra biex nuri kif illum id-dinja nbidlet għal kollox.
X’ insejna aktar?
Minbarra dan kollu insejna wkoll il-moralità li konna ngħixu fiha. Sa ftit snin ilu invit ta’ tieġ jew ta’ xi attività oħra, kien jinkiteb lis-Sinjur u s-Sinjura, illum mhux hekk. Illum niktbu l-isem ta’ dak li jkun u wara nżidu l-kliem “u l-partner”. Qabel lit-tfal konna nistaqsuhom x’ jisimhom il-mamà u l-papà, illum toqgħod pass lura meta tiġi biex issemmi l-ġenituri għax il-familja tradizzjonali, magħmulha minn missier u omm miżżewġin flimkien ma’ wliedhom saret inqas popolari. Illum il-mara sirna nqisuha bħala persuna ta’ karriera, naraw fejn taħdem, naraw kemm għandha ittri wara isimha, naraw kemm hija popolari. Fi żmien meta l-fidloqqom kien jimla l-widien tagħna, il-mara konna narawha bħala l-omm li tieħu ħsieb il-familja. L-akbar karriera għall-mara kienet dik ta’ mara tad-dar. Fi żmien meta n-nannu Bastjan kien jaqta’ l-ħubbejża għall-fniek, l-ulied kellhom aktar rispett u suddizzjoni lejn il-ġenituri, lejn l-għalliema, lejn is-superjuri tagħhom. Illum jekk omm jew missier jgħolli ftit leħnu ma’ ibnu jew binti, jista’ jitqies bħala abbuż. Illum ħadna d-drittijiet lill-ġenituri biex tajniehom lit-tfal. Mhux għax it-tfal m’ għandhomx ikollhom drittijiet- iva għandhom, imma kollox bil-limitu. Li tagħti dritt għax tkun ħadtu lil ħaddieħor lanqas hija ġustizzja.
Nista’ nibqa’ sejjer hekk insemmi kemm insejna drawwiet u atti morali. Il-fidoloqqom, il-lellux u l-ħubbejża reġgħu bdew jidhru f’ pajjiżna, imma wisq nibża’ li ċerti drawwiet morali li kellna qabel ġew estinti, spiċċaw għal kollox u ma nerġgħu narawhom fostna qatt.
Fr Renò Muscat
Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 11 ta' April 2015.
Nessun commento:
Posta un commento