Ħsibijiet
li ma għandhomx x’ jaqsmu ma’ Sibt il-Għid
Sibt il-Għid huwa jum partikolari ħafna, jum li għall-Knisja Kattolika u
għal dawk li huma membri tagħha, jibda bin-niket u jintemm bil-ferħ. Dan huwa
jum li jibda bil-ħsieb tad-difna ta’ Ġesù imma jintemm bil-kant tal-Halleluljah
fit-tifkira tal-qawmien mill-mewt ta’ Kristu. Dan huwa jum li mill-mewt
jgħaddina għall-ħajja. Imma l-jum tal-lum ġabli f’ moħħi ħwejjeġ oħra li ma
għandhomx x’ jaqsmu mal-Knisja li wkoll għaddew mill-mewt għall-ħajja.
Mill-mewt għall-ħajja jew
mill-ħajja għall-mewt?

Nista’ nġib bosta eżempji ta’ drawwiet jew ħwejjeġ li kienu mietu u li lum
reġgħu rxuxtaw, imma sejjer insemmi ftit biss. Fi tfuliti il-ħarġa tagħna
kienet tkun sas-sala taċ-ċinema. Niftakar żewġ swali taċ-ċinema f’ raħal
tfuliti, Ħal Qormi; l-Amazon u l-Warner. Meta kbirt ftit ieħor kont bdejt immur
nara xi film il-Belt. Biss inbidlet il-mentalità taż-żgħażagħ ta’ dak iż-żmien
u ma bqajniex immorru t-talkies u bdejna nifrekwentaw id-discos. Dan il-fatt
wassal biex nistgħu ngħidu li s-swali taċ-ċinema kollha f’ pajjiżna għalqu.
Iċ-ċinema f’ Malta mietet. Għaddew ftit snin mhux ħażin u kien hemm min investa
fi swali moderni taċ-ċinema u l-Maltin reġgħu bdew imorru jaraw xi film. Dan
il-fenomenu ma seħħx biss f’ Malta imma madwar id-dinja kollha.
Nostalġija
Kull ġenerazzjoni tħoss nostalġija għal dak li kien jeżisti fi ċkunitha jew
żgħożitha. Tisma’ ċerti xjuh jitkellmu fuq iz-zuntier, fil-pjazza jew f’ xi każin
tisħajjilhom li żmienhom kien is-snin tad-deheb. Jibdew isemmu karozzi tas-snin
sittin, diski tal-Beatles u ta’ Elvis Presley, artisti li twieldu seklu ilu u
elf ħaġa oħra. Dawn bi kliemhom ipinġu żmien tfulithom bħala l-isbaħ li qatt
kien hawn fid-dinja. Ma tlumhomx għax it-tfulija hija l-isbaħ żmien tista’
tgħid għal kulħadd. Dawn it-talin jitkellmu b’ nostalġija kbira, ikunu jixtiequ
li t-tfal u ż-żgħażagħ tal-lum iduqu ftit mill-benna li gawdew huma meta kienu
għadhom żgħar. Huwa frott tan-nostalġija li kultant ċerti ħwejjeġ jerġgħu
jieħdu l-ħajja.
Il-Premier
Dan l-aħħar il-Cafè Premier tal-Belt kien fuq l-aħbarijiet, mhux minħabba
n-nostalġija imma fuq kwistjoni politika. Jien ma nidħolx fi kwistjonijiet
politiċi, dan mhux ħobz għall-snieni. Imma l-Premier tal-Belt kien post fejn
bosta Maltin kienu jqattgħu sigħat jiddevertu u għalhekk qiegħed insemmih.
Il-Jazz Bands

Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 4 ta' April 2015
Nessun commento:
Posta un commento