L-oriġini u l-evoluzjoni tal-visti
tas-seba’ knejjes
It-tlett ijiem
qaddisa tal-Għid il-Kbir, li jfakkruna fil-misteru tal-passjoni, l-mewt,
id-difna u l-qawmien mill-imwiet ta’ Ġesù Kristu, jibdew minn Ħamis ix-Xirka
filgħaxija u jintemmu nhar Ħadd il-Għid. L-ewwel funzjoni liturġika f’ dan
it-tridu hija t-tifkira tal-aħħar ikla tal-Mulej u wara jibdew is-seba’ visti.
Ejjew naraw ftit kif bdiet din id-devozzjoni tal-visti.
L-ewwel mistoqsija
Bħalma nafu,
il-funzjonijiet jibdew il-Ħamis, u bla ma rridu nistaqsu għalfejn ngħidu tlett
ijiem meta mill-Ħamis sal-Ħadd hemm erbat ijiem u mhux tlieta.
Irridu nifhmu li
Kristu, l-Appostli u l-ewwel Insara kien Lhud u għalhekk kellhom il-mentalità
Lhudija kif ukoll kienu kollha mrobbijja f’ambjent u drawwiet Lhud. Għal-Lhud
il-jum ma kienx jibda ma’ nofsilejl iżda ma’ nżul ix-xemx tal-jum ta’ qabel.
Għall-ewwel Insara, il-Ħamis filgħaxija kien ifisser il-Ġimgħa. Din id-drawwa
adottatha wkoll il-Knisja u għadna nipprattikawha. Fil-fatt illum wieħed jista’
jisma’ quddiesa s-Sibt filgħaxija biex jaqdi l-obbligu tal-Ħadd. Mela b’ dan
ir-raġunament nistgħu ngħidu li t-tlett ijiem tal-Għid il-Kbir huma minn Ħamis
ix-Xirka filgħaxija sal-Għid il-Kbir filgħaxija.
Is-seba’ visti
Bosta minna
l-Maltin inżommu l-appuntament annwali biex f’ Ħamis ix-Xirka nagħmlu l-Visti
tas-seba’ Knejjes. Għandna mnejn naħsbu li din hija xi devozzjoni tagħna
l-Maltin biss, imma nkunu niżbaljaw jekk naħsbu hekk. Id-devozzjoni jew drawwa
tal-visti tas-seba’ sepulkri, kif konna nsejħulhom sa ftit snin ilu u għad hawn
min isejħilhom hekk sal-lum, bdew ġewwa Ruma, il-kapitali tal-Fidi Nisranija.
Kien San Filippu Neri li beda din id-devozzjoni popolari li jsir pellegrinaġġ
għal seba’ knejjes u jiġu mmeditati seba’ waqtiet li Ġesù għadda minnhom fi
triqtu lejn il-Kalvarju.
San Filippu Neri
Dan il-qaddis għex
bejn l-1515 u l-1595. F’ bosta mill-knejjes tagħna insibu xi xbieha ċkejkna
tiegħu, forsi llum f’ xi sagristija jew f’ xi mużew parrokkjali. Insibu wkoll
knisja ġewwa l-Isla u oħra f’ Ħal għaxaq iddedikati għalih kif ukoll xi niċeċ
fit-toroq jew knejjes tagħna. Huwa twieled Firenze u miet Ruma u l-fadalijiet
tiegħu għadna nsibuhom fil-Knisja ta’ Santa Maria in Vallicella, jew kif jafha
kulħadd Chiesa Nuova, f’ Corso Vittorio Emanuele f’ Ruma. Il-festa tiegħu
niċċelebrawha fis-26 ta’ Mejju. Huwa wkoll patrun taż-żgħażagħ għax f’ ħajtu
ħadem bosta ma’ żgħażagħ li kienu jiġġerraw barra t-triq.
L-ewwel pelleġrinaġġi
Il-visti tas-seba’
knejjes kienu jsiru fuq forma ta’ pellegrinaġġ ta’ jum sħiħ. Dan ma kienx isir
f’Ħamis ix-Xirka iżda f’ xi jum tar-randan. Biż-żmien beda jsir lejn tmiem
ir-randan. Il-knejjes li kienu jżuru l-pellegrini kienu l-erba’ Bażiliċi
Papali: San Pietru tal-Vatikan, San Pawl Fuori le Mure, San Giovanni in
Laterano u Santa Maria Maggiore u tliet knejjes oħra: Santa Croce in
Gerusalemme, San Lorenzo al Verano u San Sebastiano Fuori le Mure. Minkejja li
dawn is-seba’ knejjes jinsabu kollha f’ Ruma, it-triq biex iżżurhom kollha fiha
aktar minn tmintax-il kilometru. Minħabba t-tul tal-pellegrinaġġ il-visti bdew
isiru fi knejjes eqreb għaliex ma kienx prattiku li wara l-quddiesa ta’ Ħamis
ix-Xirka jsir pelleġrinaġġ ta’ dan it-tul.
Is-sepulkru
Fil-medju evu
dawn il-pellegrinaġġi bdew jissejħu bħala l-vista tal-qabar ta’ Kristu,
bit-taljan Sepolcro. Min hawn ħadu
l-isem żbaljat ta’ sepulkri l-artali li jitħejjew biex iżommu l-Ewkaristija
sal-funzjoni tat-tlieta tal-jum tal-Ġimgħa l-Kbira. Fi tmiem it-tifkira
tal-aħħar ikla tal-Mulej, is-sagrament jitpoġġa f’ artal imżejjen sabiex
hemmhekk ikun venerat. Kotba lituġiċi antiki jgħidu li s-Sagrament kellu jkun
trasportat b’ mod solenni, bis-saċerdoti jżommu x-xama’ f’ idejhom u waqt
il-ġarr isir il-ħruq tal-inċens. Għandu mnejn din il-purċissjonin qasira kienet
tixbaħ xi ftit il-funerali u għalhekk jista’ jkun li l-artal fejn jinżamm
is-sagrament beda jissejjaħ sepulkru, li kif għidna jfisser qabar. Fil-verità
il-kelma ‘sepulkru’ ma nsibuhiex fil-liturġija.
Mal-medda taż-żmien
Aktar ma’ għadda
żmien aktar din id-devozzjoni bdiet issir popolari u ħarġet ’il barra minn
Ruma, niżlet fir-renju ta’ Sqallija minfejn nassumu li waslet f’ pajjiżna
wkoll. Is-sepulkri bdew kull ma jmur jissebħu u bdew jidħru fihom elementi li
jfakkruk fid-difna ta’ Kristu u għalhekk il-Kongregazzjoni tar-Riti riedet
tillimita din il-ħaġa għaliex dak ma huwiex qabar. Il-Konċilju ta’ Trento (1545
– 1563) ried li l-Insara jifhmu li dak ma huwiex il-qabar ta’ Kristu imma huwa
l-post fejn hemm merfugħ il-Ġisem ta’ Kristu ħaj u għalhekk ried li l-urna li
fih ikun hemm is-Sagrament tissebbaħ u l-artal li fuqu titpoġġa jkun aramat bil-fjuri.
Madanakollu n-nies xorta baqgħet issejjaħ dan il-post bħala s-sepulkru.
Il-kongregazzjoni tal-Kult Divin, fl-1988 tenniet dak li talab il-Konċilju ta’ Trento,
u fid-dawl tal-Konċilju Vatikan II, qalet li l-artal tar-repożizzjoni ma
għandux ikollu forma ta’ qabar u l-kelma ‘Sepulkru’ għandha tiġi evitata
għaliex dan il-post ma jitħejjiex għad-difna tal-Mulej imma sabiex jitħares
il-Ġisem Ħaj ta’ Ġesù sakemm jitqassam lill-fidili l-għada, nhar il-Ġimgħa
l-Kbira.
Fr Renò Muscat
Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 28 ta' Marzu, 2015
Nessun commento:
Posta un commento